Papa Franġisku

Omelija f’Dar San Marta

Sieħeb tal-vjaġġ

It-Tlieta, 24 ta’ Settembru 2013

Is-Sagrament mhuwiex «rit maġiku» imma l-istrument li Alla għażel biex ikompli jimxi maġemb il-bniedem bħala sieħbu tal-vjaġġ fil-ħajja, biex jibni l-istorja flimkien mal-bniedem, waqt li jekk ikun hemm bżonn jistennieh. U quddiem din l-umiltà ta’ Alla hemm bzonn li jkollna l-kuraġġ inħalluh jikteb l-istorja , li b’dan il-mod issir «sikura». Iċ-ċertezza tal-preżenza divina kontinwa fil-ġrajjiet umani kienet iċ-ċentru tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu, it-Tlieta 24 ta’ Settembru, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella ta’ Santa Marta.

Il-Papa tenna qabel xejn l-invokazzjoni tas-Salm 121 ipproklamat waqt il-liturġija: «Inmorru ferħana fid-dar tal-Mulej». U «dan għamilnieh — huwa spjega — għaliex l-ewwel qari jfakkarna waqt ta’ ferħ tal-poplu ta’ Alla. Waqt tant sabiħ»: dak li fih «sultan pagan jgħin il-poplu ta’ Alla biex jergà lura lejn artu u jibni mill-ġdid it-tempju». Ir-riferiment jinsab f’pass mill-ktieb ta’ Esdra (6, 7-8.12.14-20).

«Fl-istorja tal-poplu ta’ Alla — kompla l-Papa Franġisku — hemm waqtiet sieħ bħal dan, li tant iferrħu, u hemm ukoll waqtiet koroh, ta’ niket, ta’ martirju, ta’ dnub. Kemm fil-waqtiet koroh kif ukoll fil-waqtiet sbieħ, ħaġa waħda hija dejjem l-istess: il-Mulej qiegħed hemm. Qatt ma jabbanduna l-poplu tiegħu, għaliex il-Mulej dakinhar tad-dnub, tal-ewwel dnub, ħ d-deċiżjoni, għamel għażla: li jagħmel l-istorja flimkien mal-poplu tiegħu».

«Alla li m’għandux storja għaliex huwa etern  - huwa żied — ried jagħmel l-istorja, billi jimxi qrib il-poplu tiegħu. Imma iktar: isir wieħed minna u bħal wieħed minna jimxi magħna f’Ġesù. U dan ikellimna, jgħidilna dwar l-umiltà ta’ Alla». Illi «huwa hekk kbir» u qawwi propju fl-umiltà tiegħu. Huwa «ried jimxi flimkien mal-poplu tiegħu. U meta l-poplu tiegħu kien jitbiegħed minnu bid-dnub, bl-idolatrija, b’tant affarijiet li naraw fil-Bibbja, Huwa kien hemm».

Atteġġjament ta’ umiltà li nagħrfu wkoll f’Ġesù, spjega l-Papa:  «Jimxi mal-poplu ta’ Alla, jimxi mal-midimbin, jimxi wkoll mas-suppervi: dan hu dak li għamel il-Mulej biex jgħin dawk il-qlub suppervi tal-Fariżej. Ried jimxi. Umiltà. Alla dejjem jistenniena, Alla jinsab maġembna. Alla jimxi magħna. Huwa umli. Jistenniena dejjem. Ġesù jistenniena dejjem. Din hija l-umiltà ta’ Alla».

Hekk, kompla jżid il-Papa, «il-Knisja tkanta bil-ferħ din l-umiltà ta’ Alla li jakkumpanjana kif għamilna bis-Salm: “Inmorru bil-ferħ fid-dar tal-Mulej.” Inmorru bil-ferħ, imbagħad hu jakkumpanjana, hu flimkien magħna ».

«Il-Mulej Ġesù — imbagħad enfasizza — ukoll f’ħajjitna personali jakkumpanjana bis-Sagramenti. Is-Sagrament mhuwiex rit maġiku, huwa laqgħa ma’ Ġesù Kristu»: fih «niltaqgħu mal-Mulej. Huwa jinsab maġembna u jakkumpanjana: seħibna tal-mixi». U «l-Ispirtu Santu wkoll jakkumpanjana u jgħallimna dak kollu li aħna ma nafux fil-qalb. Ifakkarna dak kollu li Ġesù għallimna u jġegħelna nagħrfu is-sbuħija tat-triq it-tajba. U hekk Alla: Missier, Iben u Spirtu Santu huma sħabna tal-mixi. Jagħmlu l-istorja flimkien magħna».

«Il-Knisja — reġ1 qal il-Papa Franġisku — tiċċelebra dan b’tant ferħ ukoll fl-Ewkaristija». U fakkar «dik it-talba ewkaristika sabiħa, li llum se nitolbu, fejn titkanta dik l-imħabba hekk kbira ta’ Alla li ried ikun umli, li ried isir seħibna tal-mixi ta’ lkoll kemm aħna, li ried huwa wkoll jagħmel l-istorja flimkien magħna». U jekk hu, ikkonkluda l-Papa, «daħal fl-istorja tagħna, nidħlu aħna wkoll xi ftit fl-istorja tiegħu jew talinqas nitolbuh il-grazzja li nħalluh jikteb l-istorja tagħna hu. Li hu jiktbilna l-istorja tagħna. Hija ħaġa sikura,»

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.