Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Hemm insara li jibżgħu mill-ferħ li jrid itina Ġesù bil-Qawmien mill-imwiet tiegħu u ħajjithom qiesha funeral.

It-Tnejn 24 ta' April 2014

 

Hemm insara li jibżgħu mill-ferħ li jrid itina Ġesù bil-Qawmien mill-imwiet tiegħu u ħajjithom qiesha funeral.  Imma l-Mulej irxuxtat hu dejjem magħna, afferma l-Papa waqt il-quddiesa fid-dar Santa Marta dalgħodu.

 

Il-Vanġelu tallum jipproponi r-rakkont tad-dehra ta' Ġesù Rxoxt lid-dixxipli.  Għat-tislima tal-paċi tal-Mulej, minflok ferħu, id-dixxipli – afferma l-Papa – jibqgħu mibluhin u mimlijin biża' għax jaħsbu li qed jaraw xi fantażma.

Ġesù jipprova jfehemhom li dak li kienu qed jaraw kien minnu u jistedinhom imissuh u jitlobhom xi ħaġa x'jiekol.  Irid iressaqhom lejn il-ferħ tar-riżurezzjoni, il-ferħ li Hu jinsab preżenti fosthom.  Imma d-dixxipli, kompla josserva l-Papa, tant kienu ferħanin li ma ridux jemmnu, ma setgħux jemmnu għax il-ferħ stess nissel fihom il-biża'.

 

Din hi marda tal-insara.  Nibżgħu mill-ferħ.  Nippreferu naħsbu: Iva, iva, Alla jeżisti, imma qiegħed hemm, Ġesù qiegħed hemm.  Ftit bogħod.  Nibżgħu mill-qrubija ta' Ġesù għax dan itina l-ferħ.  Hekk nistgħu niddeskrivu lil ħafna nsara wiċċ ta' funeral, mhux hekk?  Li ħajjithom qiesha funeral il-ħin kollu.  Jippreferu d-dwejjaq u mhux il-ferħ.  Jimxu aħjar mhux fid-dawl tal-ġurnata imma fid-dell, bħal dawk l-annimali li joħorġu biss billejl, mhux fid-dawl tal-ġurnata, ma jaraw xejn, bħall-friefet il-lejl.  U bi ftit sens ta' umoriżmu nistgħu nigħidu li dan huma nsara “friefet il-lejl” li jippreferu d-dell mid-dawl tal-preżenza tal-Mulej.

Imma Ġesù, bil-qawmien tiegħu – kompla l-Papa – jagħtina l-ferħ; il-ferħ li aħna nsara, il-ferħ li nimxu qrib tiegħu, il-ferħ li nimxu fit-triq tal-Beatitudnijiet; il-ferħ li nkunu miegħu.
 

U aħna, tant drabi, jew nitħawdu, meta nħossu dan il-ferħ, jew nimtlew bil-biża', jew nemmnu li qed naraw xi fantażma jew inkella naħsbu li Ġesù hu “mod ta' kif iġġib ruħek”.  Imma aħna nsara u għandna nġibu ruħna hekk!?  Imma fejn hu Ġesù?  Ġesù qiegħed fis-sema.  Int titkellem ma' Ġesù?  Tgħidlu: Jien nemmen li Int ħaj, li Int Irxuxtajt, li Int qrib tiegħi, li Int ma tabbandunanix?

Hekk għandha tkun il-ħajja tan-nisrani: djalogu ma' Ġesù għax – dan hu veru – Ġesù huwa dejjem magħna, dejjem mal-problemi tagħna, mad-diffikultajiet li jkollna, mal-opri tajba li nagħmlu.

 

Kemm drabi, kompla jgħid il-Papa Franġisku, aħna l-insara ma nkunux ferħanin għax nibżgħu!  Insara li sfaw telliefa fis-salib!
F'pajjiżi hemm qawl li jgħid: Meta wieħed jinħaraq bil-ħalib jgħali, wara, meta jara 'l-baqra, jibki.  Dawn kienu nħarqu bid-dramm tas-salib u qalu: Le, ejjew nieqfu hawn; Hu jinsab fis-sema, veru, qam, imma mhux li jerġa' jiġi darb'oħra hawn, għax m'aħniex se naslu.

 

Nitolbu lill-Mulej li jagħmel magħna dak li għamel mad-dixxipli li beżgħu minħabba l-ferħ: li jiftħilna moħħna:  Għalhekk, fetħilhom moħħom biex huma jifhmu l-Iskrittura; li jiftħilna moħħna u jgħinna nifhmu li Hu hu realtà ħajja, li għandu ġisem, li Hu qiegħed magħna u jakkumpanjana u li Hu rebaħ.  Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nibżgħux mill-ferħ, temm il-Papa.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.