Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta In-Nisrani dejjem ifittex it-triq tar-rikonċiljazzjoni u s-smigħ II-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 2014
Mhux faċli tibni d-djalogu mal-oħrajn speċjalment jekk ikunu mifrudin minnhom minħabba l-mibgħeda. Imma n-Nisrani dejjem ifittex it-triq tar-rikonċiljazzjoni u s-smigħ bl-umiltà u l-ħlewwa għax hekk għallimna Ġesù. Dan hu fil-qosor il-ħsieb tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu.
Nitkisser imma ma nċedix, tgħid l-idjoma popolari. Nitkisser basta ma nfarrakx, jgħid l-għerf Nisrani. Zewġ modi kif wieħed jifhem il-ħajja: l-ewwel wieħed bl-ebusija li b'faċilità kbira jibni l-ħitan li ma jħallux lill-bniedem jikkomunika sa ma' jidħol anki l-odju. It-tieni jipprova jibni pontijiet ta' ftehim anki wara kwistjoni jew ġlieda. Imma, widdeb il-Papa Franġisku, dan irid isir bil-patt li wieħed ifittex u jipprattika l-umiltà.
L-omelija ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta kienet torbot ma' dik tal-bieraħ. Fiċ-ċentru tal-qari tal-liturġija u tar-riflessjoni tal-Papa, reġa' kien hemm it-taqbida bejn ir-re Sawl u David. Dan tal-aħħar tiġih l-okkażjoni li joqtol lil tal-ewwel, osserva l-Qdusija Tiegħu, imma jagħżel triq oħra: it-triq li tqarrbu, li jiċċara s-sitwazzjoni, li jispjega ruħu. It-triq tad-djalogu biex inissel il-paċi.
Id-djalogu jeħtieġ il-ħlewwa mhux l-għajjat. Hu meħtieġ ukoll li naħseb li l-persuna l-oħra għandha xi ħaġa aktar minni. U David ħaseb hekk: Hu l-midluk tal-Mulej, hu aktar importanti minni. L-umiltà, il-ħlewwa... għad-djalogu jeħtieġ li nagħmlu dak li tlabna llum fit-talb tal-bidu tal-quddiesa: insir kollox għal kulħadd. Umiltà, ħlewwa, insir kollox għal kulħadd ukoll. U għalkemm dan mhux miktub fil-Bibbja, ilkoll nafu li biex nagħmlu dan ikun meħtieġ li nibilgħu l-morr. Imma dan għandna nagħmlu għax b'hekk titnissel il-paċi: bl-umlità, bl-umiljazzjoni, billi nfittxu li fl-ieħor dejjem naraw ix-xbieha t'Alla.
Il-Papa stess qal li jaf kemm hu diffiċli li tiddjaloga. Imma għâr milli wieħed jipprova jibni pont bejnu u bejn l-avversarju tiegħu hu, li jħalli l-affarijiet jikbru u l-qalb timtela' bl-għadab lejh. B'dal-mod, żied jafferma, nisfaw iżolati fil-brodu tal-qrusa li ġġibilna l-korla. Il-mudell tan-Nisrani hu David li jegħleb il-mibgħeda b'att ta' umiltà.
Umiljazzjoni u bini tal-pontijiet, dejjem, dejjem. Dan hu n-Nisrani. Mhux faċli, mhu faċli xejn. Ġesù hekk għamel: umilja ruħu sal-aħħar biex jurina t-triq. U hemm bżonn ukoll li wieħed ma jħallix ħafna żmien jgħaddi meta tinqala problema. Mill-aktar fis, fil-mument li jkun jista' jsir wara li tgħaddi t-tempesta, nersqu lejn id-djalogu għax iż-żmien jgħolli l-ħitan bħalma jkabbar il-ħaxix ħażin li ma jħallix il-qamħ jikber. Għax meta jogħlew il-ħitan, ir-rikonċiljazzjoni ssir diffiċli ħafna, tant diffiċli!
Mhux problema li xi kultant nitfgħu l-platti lil xuxlin, tenna l-Papa Franġisku, fil-familja, fil-komunità, fil-kwartier fejn noqgħodu. L-importanti hu li nfittxu li nagħmlu paċi malajr kemm jista' jkun, b'kelma, b'ġest. Pont minflok ħajt, bħal dak li għal tant snin kien jifred Berlin. Għax anki qlubna, żied il-Papa, għandhom il-possibiltà li jsiru Berlin, bil-ħajt bejnna u bejn l-oħrajn.
Jien nibża' minn dal-ħitan li jinbtu ta' kuljum u jnisslu r-rabja..... u anki l-odju. Naħsbu f'daż-żgħażugħ David: seta' vvendika ruħu perfettament, seta' keċċa lir-re, imma hu għażel it-triq tad-djalogu, bl-umiltà, bil-ħlewwa. Illum nistgħu nitolbu lil San Franġisk de Sales, Duttur tal-ħlewwa, biex intina lkoll il-grazzja li nibnu l-pontijiet bejnna u bejn l-oħrajn u mhux ħitan, temm il-Papa.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta. |