Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta L-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għall-ġelożija, l-għira u t-tqassis għax dawn jifirdu u jeqirdu l-komunitajiet tagħna. Il-Ħamis, 23 ta’ Jannar 2014 L-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għall-ġelożija, l-għira u t-tqassis għax dawn jifirdu u jeqirdu l-komunitajiet tagħna. Din kienet l-eżortazzjoni li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, illum is-sitt jum tal-Ġimgħa ta' Talb għall-Għaqda fost l-Insara.
Ir-riflessjoni l-Papa ħadha mill-ewwel qari tal-ġurnata li jirrakkonta r-rebħa li l-Iżraeliti wettqu fuq il-Filistej bis-saħħa tal-kuraġġ ta' David. Il-ferħ tar-rebħa malajr jinbidel fi dwejjaq u għira għar-Re Sawl meta ra lin-nisa jfaħħru lil David li kien qatel lil Gulija. Allura, dik ir-rebħa kbira, afferma l-Papa, tibda ssir telfa fil-qalb tar-re għax fih jidħol, l-istess kif kien ġara lil Kajjin, id-dudu tal-ġelożija u l-għira.
Kif għamel Kajjin ma' Abel, ir-re jaqtagħha li joqtol lil David. Hekk tagħmel il-ġelożija fi qlubna, osserva l-Papa, tnissel sentimenti ħżiena li ma jittollerawx li hija jew oħti jkollhom xi ħaġa li jien m'għandix. Minflok faħħar lill-Mulej, kif kienu qed jagħmlu n-nisa ta' Iżrael minħabba din ir-rebħa, Sawl jagħżel li jingħalaq fih innifsu, li jmaħħaħ id-dispjaċir u jsajjar is-sentimenti tiegħu fil-borma tal-qrusa. Il-ġelożija twassal għall-mewt. L-għira twassal lil dak li jkun biex joqtol. Kien propju dal-bieb, il-bieb tal-għira, li minnu daħal ix-xitan fid-dinja. Il-Bibbja tgħid: Minħabba l-għira tax-xitan daħal il-ħażen fid-dinja. Il-ġelożija, l-għira jiftħu l-bibien għal dak kollu li hu ħażin. U jifirdu ukoll il-komunitajiet. Komunità Nisranija li wħud mill-membri tagħha jkunu għajjurin, ġelużi, tispiċċa biex tinfired u wieħed idur kontra l-ieħor. Dan hu velenu qawwi. Velenu li nsibu fl-ewwel paġna tal-Bibbja f'Kajjin.
Fil-qalb ta' persuna li tkun għajjura u ġeluża, saħaq mill-ġdid il-Papa, jiġru żewġ affarijiet ċari: L-ewwel ħaġa hi l-qrusa: Il-persuna invidjuża, il-persuna li tgħir, hi persuna li qalbha mimlija qrusa: ma tafx tkanta, ma tafx tfaħħar, ma tafx x'inhu l-ferħ, tħares dejjem lejn dak li għandu ħaddieħor u li hi m'għandiex. U dan iżid il-qrusa, qrusa li tinfirex mal-komunità kollha. Dawn in-nies jiżirgħu il-qrusa. Għax dan ma jittollerax li dak għandu xi ħaġa, allura jċekken lill-ieħor ħalli jħossu aħjar minnu. L-istrument biex isir dan huwa t-tqassis. Fittxu dejjem u ssibu li wara kull tqassis hemm il-ġelożija, l-għira. U t-tqassis jifred il-komunità, jeqridha. Dawn huma l-armi tax-xitan.
Kemm
komunitajiet Insara sbieħ, esklama l-Papa, kienu mixjin tajjeb imma
mbgħad wieħed mill-membri tagħhom jidħol fih id-dudu tal-għira, u
mal-għira d-dwejjaq, l-għadab fil-qalb u t-tqassis. Persuna li tkun
taħt is-setgħa tal-għira u l-ġelożija, hija persuna li toqtol, kif
jgħid l-Appostlu Ġwanni: Min jobgħod lil ħuħ hu qattiel. L-għajjur,
il-ġeluż jibda' jobgħod lil ħuħ, kompla l-Papa li temm l-omelija
billi qal:
Waqt
din il-quddiesa nitolbu għall-komunitajiet Insara tagħna biex din
iż-żerriegħa tal-għira qatt ma tinbet bejnietna, biex l-invidja ma
tgħammarx fi qlubna, fil-qlub tal-komunitajiet tagħna biex b'hekk
inkunu nistgħu nkomplu nfaħħru lill-Mulej, infaħħru lill-Mulej
bil-ferħ. Din hi grazzja kbira, il-grazzja li ma naqgħux fid-dwejjaqu
fl-għadab, fil-ġelożija u l-għira. Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta. |