Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Intelliġenza, qalb, kontemplazzjoni

It-Tlieta, 22 ta’ Ottubru 2013

Alla ma salvaniex b’digriet jew b’liġi; salvana b’ħajtu. Dan huwa misteru, li biex nifhmuh l-intelliġenza weħedha mhix biżżejjed; anzi, li tfittex li tispjegah bl-użu biss tal-intelliġenza ifisser li tissogra l-ġenn. Biex tifhmu — enfasizza l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata it-Tlieta filgħodu, f’Santa Marta —  trid ferm iktar.

Naturalment din hija xi ħaġa li mhux lakemm tifhimha, lanqas tispjegaha. «Is-silta mill-ittra lir-Rumani li għadna kemm smajna fl-ewwel qari — qal il-Papa waqt li kkwota diversi passi mill-kapitolu 5 tal-ittra (12.15.17-19.20-21) — ma nafx hijiex waħda mill-iktar diffiċli. Naraw li l-imsejken Pawlu jitħabat biex ixandar dan, biex forsi jifhmuh». Madankollu huwa jgħinna biex noqorbu lejn il-verità. U għal dan il-għan il-Qdusija Tiegħu indika tliet kelmiet li jistgħu jiffaċilitaw il-fehim tagħna: kontemplazzjoni, viċinanza u abbundanza.

Fuq kollox il-kontemplazzjoni. Bla ebda dubju, ġegħelna ninnutaw il-Papa, dan huwa misteru straordinarju, tant li «il-Knisja, meta trid tgħidilna xi ħaġa dwar dan il-misteru, tuża biss kelma waħda: meraviljożament. Hija tgħid: O Alla, int li meraviljożament ħloqt id-dinja u iktar meraviljożament ħloqtha....». Pawlu jridni nifhmu propju dan: biex nifhmu hemm bżonn li ninżlu għarkupptejna, nitolbu u nikkontemplaw. «Il-kontemplazzjoni hija ntelliġenza, qalb, irkupptejn, talb»; u li tqiegħed dan kollu flimkien, ippreċiża l-Isqof ta’ Ruma, ifisser li tidħol fil-misteru. Mela, dak li San Pawl jgħid fir-rigward tal-fidwa u tar-redenzjoni imwettqa minnĠesù «jiftiehem biss għarkupptejk, fil-kontemplazzjoni, mhux unikament bl-intelliġenza», għaliex «meta l-intelliġenza trid tispjega misteru tiġġennen dejjem. Hekk ġara fl-istorja tal-Knisja».

It-tieni kelma li għaliha aċcenna l-Papa hija «viċinanza». Kunċett, huwa nnota, li fis-silta spiss ifiġġ: «Bniedem għamel id-dnub, bniedem ieħor salvah. Dan huwa Alla qrib. Dan il-misteru jurina lil Alla qribna, qrib l-istorja tagħna; minn l-ewwel waqt, meta għażel lil missierna Abraham, mexa mal-poplu tiegħu, u bagħat lil ibnu biex jagħmel dan ix-xogħol».

Opra li Ġesù jwettaq bħal artiġjan, bħal ħaddiem. «Lili — fada f’dan ir-rigward il-Papa — x-xbiha li tiġini f’moħħi hija dik tal-infermier jew tal-infermiera, li fi sptar tfejjaq il-ġrieħi waħda waħda, imma b’idejha. Alla jitħallat fil-miżerji tagħna, joqrob lejn il-ġrieħi tagħna u jfejjaqhom b’idejh; u biex ikollu l-idejn sar bniedem. Dan hu xogħol ta’ Ġesù, personali: bniedem għamel id-dnub, bniedem jiġi biex ifejqu». Għaliex «Alla ma jsalvaniex biss permezz ta’ digriet, b’liġi; isalvana bil-ħlewwa, isalvana biż-żegħil, isalvana b’ħajtu għalina ».

It-tielet kelma hija «abbondanza». Fl-ittra ta’ Pawlu ttenni ruħha diversi drabi: «Imma fejn kiber id-dnub, soprakibret il-grazzja». Li d-dnub kiber fid-dinja u ġo qalb kull wieħed minna, huwa evidenti:: «Kull wieħed minna jaf il-miżerji tiegħu, jagħrafhom sewwa. Dawn huma fl-abbundanza. Imma l-isfida ta’ Alla hija li jirbaħ d-dnub, ifejjaq l-ġrieħi bħal ma g ma’ Ġesù». Anzi iktar minn hekk: «Jagħti ir-rigal sopra abbundanti ta’ mħabbtu u tal-grazzja tiegħu».

Hekk tifhem ukoll il- «preferenza ta’ Ġesù għall-midimbin. Akkużawh ki kien imur dejjem mal-pubblikani, mal-midimbin. Li tmur tiekol mal-pubblikani kien skandlu, giex fil-qalb ta’ dawn in-nies kien jiffjorixxi d-dnub. Imma hu kien imur għandhom b’sopra abbundanza ta’ grazzja u ta’ mħabba». U l-grazzja ta’ Alla — spjega l-Papa ha— «tirbaħ dejjem giex huwa huwa stess li jirregalaha, li joqrob lejna, li jziegħel bina, li jfejjaqna ».

Bla dubju, enfasizza l-Papa, lil xi ħadd jismà lil min jgħid li l-midimbin huma eqreb lejn il-qalb ta’ Ġesù, li «lhu imur ifittixhom, li jsejjaħ lil kulħadd: ejjew, ejjew... u meta jitolbuh spjega, huwa jgħid: imma dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib; jiena ġejt biex infejjaq, biex insalva blabbundanza».

Xi qaddisin, fakkar il-Papa Franġisku fl-għeluq,  «jgħidu li wieħed mid-dnubiet l-iktar koroh huwa l-isfiduċja, ma tafdax lil Alla. Imma kif nistgħu ma nafdawx Alla hekk qrib, hekk twajjeb, li jippreferixxi lil qalbna midimba? U hekk huwa dan il-misteru; mhux faċli li tifhmu, ma tifhmux sewwa, ma tistax tifhmu bl-intelliġenza biss. Forsi jgħinuna dawn it-tliet kelmiet: kontemplazzjoni, tikkontempla dan il-misteru; viċinanza, dan il-misteru moħbi fis-sekli ta’ Alla viċin, li joqrob lejna; u abbundanza, Alla li dejjem jirbaħ bis-sopraabbundanza tal-grazzja tiegħu, bil-ħlewwa tiegħu, jew — kif qrajna fit-talba tal-kolletta— bil-għana tal-ħniena tiegħu».

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.