Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Il-flus iservu imma x-xeħħa toqtol

It-Tnejn, 21 ta’ Ottubru 2013

Il-flus iservu biex jitwettqu tant opri tajbin, biex jġhini tavanza l-umanità, imma ladarba jsiru l-unika raġuni tal-ħajja, jeqirdu lill-bniedem u l-irbit tiegħu mad-dinja ta’ barra. Dan huwa t-tagħlim li l-Papa Franġisku silet mis-silta liturġika tal-Vanġelu ta’ Luqa  (12, 13-21) waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tnejn 21 ta’ Ottubru, ġewwa Santa Marta.

Fil-bidu tal-omelija tiegħu il-Qdusija Tiegħu fakkar il-figura tal-bniedem li jitlob lil Ġesù biex jordna lil ħuh ħalli jaqsam miegħu l-wirt. Għall-Papa, infatti, il-Mulej ikellimna permezz ta’ dan il-persunaġġ «dwar ir-rapport tagħna mal-għana u mal-flus». Suġġett li mhuwiex biss ta’ elfejn sena ilu imma li jippreżenta ruħu wkoll illum, il-jiem kollha. «Kemm familji meqruda — huwa kkummenta — rajna minħabba problemi ta’ flus: aħwa kontra aħwa, missier kontra wliedu!». Għaliex l-ewwel konsegwenza tar-rabta mal-flus hija l-qerda tal-individwu u ta’ dawk li għandu madwaru. «Meta persuna tkun marbuta mal-flus — spjega l-Isqof ta’ Ruma — din teqred lilha nfisha, teqred il-familja ».

Bla dubju ta’ xejn, il-flus m’għandhomx ikunu ddemonizzati fis-sens assolut.  «Il-flus — ippreċiża l-Papa Franġisku — iservu biex imexxu ‘l quddiem affarijiet tajbin, tant xogħlijiet, biex niżviluppaw l-umanità». Dak li għandu jkun kkundannat, għall-kuntrarju, huwa l-użu mgħawweġ tagħhom. Għal dan il-għan il-Papa tenna l-istess kliem pponunzjat minn Ġesù fil-parabbola tar- «raġel» li nsibuha fil-Vanġelu: «Min igeddes għalih it-teżori, ma jagħnix lilu nnifsu lejn Alla». Minn hawn it-twissija: «Attenti u żommu ‘l bogħod minn kull xorta ta’ xeħħa». Infatti hija din «li tgħarraq ir-rapport mal-flus »; hija t-tensjoni kostanti li jkollok dejjem iktar li  «twassal għall-idolatrija» tal-flus u tispiċċa bil-qerda «tar-rapport mal-oħrajn». Għaliex ix-xeħħa tmarrad l-bniedem, billi twasslu fl-intern ta’ ċirku vizzjuż li fih kull ħsieb waħdieni huwa rigward «il-funzjonament tal-flus».

Mill-bqija, il-karatteristika l-iktar perikoluża tax-xeħħa hija propju dik li tkun «strument tal-idolatrija; għaliex tmur għal għonq it-triq kuntrarja» għal dik imfassla minn Alla għall-bnedmin. U fir-rigward ta’ dan il-Qdusija Tiegħu kkwota lil San Pawl. Li jfakkar li «Ġesù Kristu, li kien għani, rrenda lilu nnifsu fqir biex jagħni lilna». Hemm mela «triq ta’ Alla», dik «tal-umiltà, tat-tbaxxija biex isservi», u triq li tmur fid-direzzjoni opposta, fejn iwasslu x-xeħħa u l-idolatrija: «Int li int imsejken bniedem, tagħmel lilek innifsek Alla għall-vanità».

Għal dan il-għan, żied il-Papa, «Ġesù jgħid ħwejjeġ hekk iebsa u hekk qawwija, kontra r-rabta mal-flus»: per eżempju, meta jfakkar «li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew lil Alla inkella lill-flus»; jew meta jħeġġeġ «biex ma ninkwetawx, għliex il-Mulej jaf sewwa x’għandna bżonn»; u wkoll meta «jwassalna għall-abbandun fiduċjuż lejn il-Missier, li jiffjorixxi l-ġilji tal-għelieqi u jitma lill-għasafar tal-ajru».

L-atteġġjament oppost sewwa għal din il-fiduċja fil-ħniena divina hija propju tal-protagonista tal-parabbola evanġelika, li ma kienx jirnexxilu jaħseb f’xejn iktar għajr għall-  abbundanza tal-qamħ miġbur fil-kampanji u tall-ġid akkumulat. Mistoqsi dwar x’setà jagħmel, spjega l-Papa Franġisku,  «setà jwieġeb: nagħti dan lil xi ħadd ieħor sabiex ngħinu». Minflok «ix-xeħha wasslitu biex jgħid: nibni mħażen oħrajn u nimlihom. Dejjem iktar». Imġieba li, skontil-Papa, għandha l-ambizzjoni li tilħaq speċi ta’ divinità, «kważi divinità idolatrika», kif jixhdu l-istess ħsibijiet tar-raġel: «Ruħ tiegħi, għandek bosta ġid għad-dispożizzjoni tiegħek, għal bosta snin; strieħ, kul, ixrob, iddeverti».

Imma huwa propju li Alla jreġġgħu lura għar-realtà tiegħu ta’ krejatura’ billi jiftaħlu għajnejh bis-sentenza: «Iblah, dal-lejl stess tintalab lura ħajtek». Għaliex, ikkonkluda l-Isqof ta’ Ruma, «din it-triq kuntrarja għat-triq ta’ Alla hija bluha, tieħu ‘l bogħod mill-ħajja. Teqred kwalunkwè fraternità umana». Waqt li l-Mulej jurina l-vera triq. Li «mhix il-mixja tal-faqar għall-faqar»; għall-kuntrarju «hija l-mixja tal-faqar bħala strument, għaliex Alla huwa Alla, għaliex Hu huwa l-uniku Mulej, mhux l-idolu tad-deheb». Infatti «il-ġid kollu li għandna, il-Mulej jagħtihulna biex imexxi ‘l quddiem lid-dinja, biex imexxi ‘l quddiem l-umanità, biex ngħinu lill-oħrajn».

Minn hawn l-awgurju li  «tibqà llum f’qalbna l-kelma tal-Mulej, flimkien mal-istedina li nżommu ‘l bogħod mix-xeħħa, għaliex «ukoll jekk wieħed jinsab fl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix fuq dak li għandu ».

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.