Omelija tal-Papa Franġisku f'Dar Santa Marta

Bħal nifs fuq il-ħatab

Is-Sibt, 21 ta’ Settembru 2013

“Ħarsa li twasslek biex tikber, biex tmut ‘il quddiem, li tinkuraġġik, għaliex iġġiegħlek tħoss li hu jridlek il-ġid;” li ttik il-kuraġġ meħtieġ biex timxi warajh. Kienet iċcentrata fuq il-ħars ta’ Ġesù il-meditazzjoni tal-Papa Franġisku waqt il-quddiesa f’Santa Marta ta’ dalgħodu, is-Sibt 21 ta’ Settembru. Hija data fundamentali fil-bijografija ta’ Jorge Mario Bergoglio, għaliex fil-jum tal-festa liturġika ta’ San Mattew ta’ sittin sena ilu - kien il-21 Ta’ Settembru 1953 - huwa jqis li dak kien il-jum li fih wasal biex għamel l-għażla ta’ ħajtu. Jistà jkun li minħabba dan ukoll, waqt li kkummenta r-rakkont tal-konversjoni tal-Evanġelista (Mattew, 9, 9-13), il-Papa enfasizza l-qawwa tal-ħarsa ta’ Kristu, li huwa kapaċi jbiddel għal dejjem il-ħajja ta’ dawk li fuqhom taqà.

Propju bħal ma seħħ lill-ġabbar tat-taxxi li sar dixxiplu tiegħu: “Għalija huwa ftit diffiċli nifhem kif Mattew setà jismà l-leħen ta’ Ġesù,” li f’nofs dawk in-nies kollha jgħidlu “imxi warajja.” Anzi, l-Isqof ta’ Ruma mhuwiex ċert li l-imsejjaħ kien semà l-leħen tan-Nazzarenu, imma huwa ċert li hu kien “ħass f’qalbu l-ħarsa ta’ Ġesù li kien qed iħares lejh. U dik il-ħarsa hija wkoll wiċċ,” li “biddillu ħajtu. Aħna ngħidu: “ikkonvertih.” Hemm imbagħad azzjoni oħra deskritta fix-xena: “hekk kif ħass f’qalbu dik il-ħarsa, huwa qam u mar warajh.” Għal dan il-Papa ġegħel jinnutaw li “il-ħarsa ta’ Ġesù tqajjimna dejjem, tgħollina ‘l fuq,” tqanqalna; qatt ma “tħallina hemm” fejn konna qabel ma ltqajna miegħu. Tant inqas tneħħi xi ħaġa. “Qatt ma tbaxxik, qatt ma tumiljak, tistiednek biex tqum,” u waqt li ġġiegħlek tħoss imħabbtu tagħtik il-kuraġġ meħtieġ biex tkun tistà ssegwih.

Hekk hi allura l-mistoqsija tal-Papa: “Imma kif kienet din il-ħarsa ta’ Ġesù?” It-tweġiba hija li “ma kinitx ħarsa maġika,” ġaladarba Kristu “ma kienx speċjalista tal-ipnosi,” imma xi ħaġa aħjar. Biżżejjed naħsbu “kif kien iħares lejn il-morda u jfejjaqhom” jew għal “kif kien iħares lejn il-folla li kienet tqanqlu, għaliex kien iħossha bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” U fuq kollox skont il-Qdusija Tiegħu biex ikollok tweġiba għall-mistoqsija inizjali hemm bżonn li tirrifletti mhux biss għal “kif kien iħares Ġesù” imma wkoll fuq “kif kienu jħossuhom l-imħarsa” id-destinarji ta’ dak il-ħars. Għaliex - huwa spjega - “Ġesù kien iħares lejn kull wieħed” u kull wieħed kien iħossu mħares minn Ġesù,” bħallikieku hu kien isejjaħ lil kull wieħed b’ismu propju.

Għalhekk il-ħarsa ta’ Ġesù “tbiddel il-ħajja.” Lil kulħadd u f’kull sitwazzjoni. Ukoll, żied il-Papa Franġisku, fil-waqtiet ta’ diffikultà u ta’ sfiduċja. Bħal meta jistaqsi lid-dixxipli tiegħu: tridux tmorru intom ukoll? Dan jagħmlu jħarsilhom “f’għajnejhom u huma jkunu nkuraġġiti jgħidulu: le, se niġu miegħek;” jew kif meta Pietru wara li kien ċaħdu, ltaqà mill-ġdid mal-ħarsa ta’ Ġesù, “li bidlitlu qalbu u wasslitu għall-biki b’tant dispjaċir: ħarsa li kienet tbiddel kollox.” U fl-aħħarnett hemm “l-aħhar ħarsa ta’ Ġesù,” dik li biha mill-għoli tas-salib, “ħares lejn ommu, ħares lejn id-dixxiplu:” b’dik il-ħarsa “qalilna li l-omm kienet tagħna: u l-Knisja hija omm.” Għal dan il-mottiv “iġegħelna naħsbu sewwa, nitolbu g din il-ħarsa ta’ Ġesù u wkoll inħallu lilna nfusna niġu mħarsa minnu.”

Il-Papa Franġisku allura dar fuq ix-xena Evanġelika, li tkompli b’Ġesù bilqiegħda mal-pubblikani u l-midimbin. “Iva ġriet il-kelma u s-soċjetà kollha, mhux is-soċjetà “pulita,” ħassitha mistiedna għal dak il-pranzu,” ikkummenta l-Papa Franġisku, għaliex “Gesù kien ħares lejhom u dik il-ħarsa fuqhom kienet nifs fuq il-ħatab, ħassew li ġo fihom kien hemm nar;” u sperimentaw ukoll “li Ġesù kien qiegħed itellagħhom,” kien qed jgħollihom, “qed ireġġagħhom lura lejn id-dinjità,” għaliex “il-ħarsa ta’ Ġesù dejjem tagħmilna denji, ittina dinjità.”

Fl-aħħar il-Papa identifika l-aħħar karatteristika fil-ħarsa ta’ Ġesù: il-ġenerożità. Huwa mgħallem li jippranza mal-ħmieġ tal-belt, imma li jaf ukoll li “taħt dak il-ħmieġ kien hemm il-ħatab tax-xewqa ta’ Alla” mixtieqa li xi ħadd “jgħinhom iħeġġu mn-nar.” U dan huwa dak li propjament tagħmel “il-ħarsa ta’ Ġesù:” dakinhar kif ukoll illum. “Jiena nemmen li aħna lkoll fil-ħajja - qal il-Papa Franġisku - ħassejna din il-ħarsa u mhux darba, imma tant drabi. Jistà jkun li fil-persuna ta’ saċerdot li kien jgħallimna d-duttrina jew li kien jaħfrilna dnubietna, jistà jkun li fl-għajnuna ta’ persuni ħbieb.” U fuq kollox “ilkoll kemm aħna nsibu ruħna quddiem dik il-ħarsa, dik il-ħarsa meraviljuża.” Għal dan nibqgħu mexjin “’il quddiem fil-ħajja, fiċ-ċertezza li hu qed iħares lejna u li jistenniena biex iħarsilna definittivament. U dik l-aħħar ħarsa ta’ Ġesù fuq ħajjitna tkun għal dejjem, tkun eterna.” Biex dan nagħmluh nistgħu nitolbu għajnuna fit-talb lil “qaddisin kollha li lkoll kienu mħarsa minn Ġesù,” sabiex dawn “iħejjuna biex iħalluna nkunu mħarsa f’ħajjitna u biex iħejjuna wkoll għal dik l-aħħar ħarsa ta’ Ġesù.”

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb