Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Inħarsu ix-xejn tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-kobor tal-Mulej. IIt-Tlieta, 21 ta’ Jannar 2014 Inħarsu ix-xejn tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-kobor tal-Mulej. Hekk afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Il-Qdusija Tiegħu enfasiżża li l-Mulej għandu rapport personali magħna, id-djalogu tiegħu qatt mhu djalogu mal-massa u l-Mulej dejjem jagħżel iż-żgħar u l-min għandu l-anqas poter għax iħares lejn l-umiltà tagħna.
Il-Mulej u ċ-ċkejknin. Il-Papa Franġisku iffoka l-omelija tiegħu fuq dawn iż-żewġ kelmiet u qal li r-rapport tal-Mulej mal-poplu tiegħu hu rapport personali u dejjem bejn persuna u oħra. Hu, żied jgħid, hu l-Mulej, u għalih il-poplu għandu isem, mhux djalogu bejn min għandu l-poter u l-massa imma hu djalogu personali. U fil-poplu, kull wieħed u waħda għandhom posthom. Imma l-Mulej qatt ma jitkellem hekk man-nies: mal-massa, qatt. Jitkellem dejjem personalment bl-isem ta' dak li jkun. U jagħżel personalment. Ir-rakkont tal-ħolqien jurina dan: hu l-istess Mulej li b'idejh, artiġjanalment, jagħmel lir-raġel u jith isem: Int tissejjaħ Adam.
B'hekk bdiet ir-rabta bejn Alla u l-bniedem. Imbagħad hemm ħaġ'oħra: hemm rapport bejn Alla u aħna fix-xejn tagħna: Alla l-kbir u aħna ċ-ċkejknin. Kull meta Alla jkun irid jagħżel lill-persuni dejjem jagħżel liż-żgħar. Alla, kompla l-Papa, jagħżel lill-poplu tiegħu għax hu l-aktar żgħir, għandu anqas setgħa mill-popli l-oħra. Jeżisti propju djalogu bejn Alla u ċ-ċokon tal-bniedem. Anki l-Madonna qalet: Il-Mulej ħares lejn l-umiltà tiegħi. Il-Mulej għażel liċ-ċkejknin.
Fl-ewwel qari tallum, osserva Franġisku, jidher ċar dan l-atteġġjament tal-Mulej. Il-Profeta Samwel jinsab quddiem l-akbar fost ulied Jesse u jaħseb li se jikkonsagrah għax hu raġel twil u godli. Imma l-Mulej, osserva l-Papa, jgħidlu biex ma jħarisx lejn l-aspett u l-istatura tiegħu, u jżid: Jien warrabtu għax dak li jara l-bniedem ma jgħoddx. Infatti, saħaq il-Papa, il-bniedem josserva dak li jidher imma l-Mulej jara l-qalb. Il-Mulej jagħżel skont il-kriterji tiegħu. U jagħżel iż-żgħar, il-mansweti, biex iħawwad lil min għandu s-setgħa fid-dinja.
Fl-aħħar il-Mulej jagħżel lil David, l-iżgħar wieħed li ma kien jinġieb xejn minn missieru. Ma kienx id-dar, kien qiegħed jirgħa n-nagħaġ. Madnakollu David kien il-magħżul.
Ilkoll
kemm aħna, bil-Magħmudija aħna magħżulin mill-Mulej. Ilkoll
magħżulin, għażilna wieħed wieħed, tana isem u jħares lejna. Hemm
djalogu għax din hi l-imħabba tal-Mulej. David ukoll sar re u
żbalja. Forsi għamel ħafna, imma l-Bibbja tirrakkutalna tnejn kbar,
żewġ żbalji mill-aktar ħoxnin. X'għamel David? Umilja ruħu. Reġa'
lura għax-xejn tiegħu u qal: Jien midneb, u talab maħfra u għamel
il-penitenza. U wara t-tieni dnub, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, David qal lill-Mulej: Ikkastiga lili imma mhux lill-poplu. Il-poplu m'għandux ħtija, il-ħtija hija tiegħi. David, irrifletta l-Papa, ħares lejn iċ-ċokon tiegħu bl-indiema, bit-talb, bid-dmugħ. Meta naħsbu dwar dawn il-ħwejjeġ, dwar dan id-djalogu bejn il-Mulej u x-xejn tagħna, nistaqsi: fejn hi l-fedeltà Nisranija?
Il-fedeltà Nisranija, il-fedeltà tagħna, hi sempliċiment li aħna nħarsu ċ-ċokon tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-Mulej. Inħarsu ċ-ċokon tagħna. Għalhekk l-umiltà, il-manswetudni, it-tjubija huma importanti ħafna fil-ħajja tan-Nisrani, għax huma kenn għaċ-ċokon tagħna li l-Mulej iħobb iħares lejh. U dejjem hekk se tibqa': djalogu bejn iċ-ċokon tagħna u l-kobor tal-Mulej.
Jalla l-Mulej, bl-interċessjoni ta' San David u anki
bl-interċessjoni tal-Madonna li bil-ferħ kantat lill-Mulej għax kien
ħares lejn l-umiltà tagħha, itina l-grazzja li nħarsu ċ-ċokon tagħna
quddiemu, temm il-Papa.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta. |