Omelija tal-Papa Franġisku f'Dar Santa Marta

Il-poter tal-flus

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru 2013

 

Hemm bżonn li noqogħdu attenti miċ-ċediment għat-tentazzjoni tal-adorazzjoni tal-flus. Dan ifisser li niddebolixxu l-fidi tagħna u hekk nissugraw li naċċettaw l-qerq ta’ xewqat bla sens u perikolużi, tali li jwasslu l-bniedem fil-punt li jifga fir-rovina u fit-telfien. Minn dan il-perikolu, il-Papa Franġisku, talab li ngħassu waqt l-omelija tal-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, il-Ġimgħa 20, fil-kappella ta’ Santa Marta.

“Ġesù - qal il-Qdusija Tiegħu waqt li kkummenta l-qari - qalilna bl-iktar mod ċar u definittiv li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: ma nistgħux naqdu lil Alla u lill-flus. Hemm xi ħaġa li mhix f’postha bejn dawn it-tnejn. Hemm xi ħaġa fl-atteġġjament tal-imħabba lejn il-flus li tbegħedna minn Alla.” U waqt li kkwota l-ewwel ittra ta’ San Pawl lil Timoteju (6, 2-12), il-Papa qal: “dawk li jridu jsiru sinjuri jaqgħu fit-tentazzjoni tal-qerq ta’ bosta xewqat bla sens u perikolużi, li jġegħelu jifgaw l-bnedmin fir-rovina u fit-telfien.”

Ir-rgħeba infatti - huwa kompla - “hija l-għerq ta’ kull ħażen. Maħkuma minn din ix-xewqa, uħud iddevjaw mill-fidi u ġabu fuqhom bosta turmenti. Huwa hekk kbir il-poter tal-flus li jġiegħlek tiddevja mill-fidi pura. Ineħħulek il-fidi, idgħejfuha u inti titlifha.” U, waqt li dejjem baqà fuq l-ittra Pawlina, ġiegħel jinnutaw li iktar ‘il quddiem l-Appostlu jsostni li “jekk xi ħadd jgħallem b’mod differenti u ma jsegwix il-kliem san tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu u d-duttrina li taqbel mal-vera reliġjożità huwa mogħmi mill-kburija, ma jifhem xejn u huwa fanatiku ta’ kwistjonijiet bla sens u diskussjonijiet inutli.”

Imma San Pawl imur iktar minn hekk u, innota l-Papa, jikteb li huwa propju minn dan “li jinbtu l-għira, il-ġlied, it-tqasqis, is-suspetti ħżiena, il-konflitti ta; bnedmin korrotti fil-moħħ, u neqsin mill-verità li jikkonsidraw ir-reliġjon bħala fonti ta’ qligħ”.

L-Isqof ta’ Ruma imbagħad irrifera għal dawk li jgħidu li huma kattoliċi ġhaliex imorru għall-quddies, għal dawk li jifhmu l-fatt li huma kattoliċi bħala status u li “minn taħt it-taħt jagħmlu dak li jfettlilhom.” Għal dan il-għan il Papa jfakkar li Pawlu juża terminu partikulari, li “nsibu tant u tant frekwenti fuq il-ġurnali: Bnedmin korrotti f’moħħhom! Il-flus jikkorrompu. Mhemmx minn fejn wieħed jaħrab. Kemm-il darba tagħżel it-triq tal-flus fl-aħħar minn l-aħħar issir korrott. Il-flus għandhom din is-soluzzjoni, li jġiegħluk tiżloq bil-mod il-mod fit-telfien tiegħek. U għal dan Ġesù huwa tant deċiż: ma tistax taqdi lil Alla u lill-flus, ma tistax: jew il-wieħed jew lill-ieħor. U dan mhux komuniżmu, dan huwa l-Vanġelu pur. Dawn l-affarijiet huma kliem Ġesù.”

Imma “x’jiġri mela bil-flus?” staqsa l-Papa. “Il-flus - kienet it-tweġiba tiegħu - joffrulek ċertu ġid: tmur tajjeb, tħossok xi ftit importanti u mbagħad tidħol il-vanità. Dan qrajnieh fis Salm[48]: taqbdek din il-vanità. Din il-vanità li mhemmx bżonnha, imma tħossok persuna mportanti.” Vanità, kburija, għana: huwa dan li jiftaħru bih il-bnedmin deskritt fis-salm” dawk li “jafdaw f’qawwiethom, li jiftaħru bil-għana kbira tagħhom.” Mela allura x’inhi l-verità? Il-verità, spjega l-Papa, hija li “ħadd ma jistà jifdi lilu nnifsu, lanqas iħallas lil Alla l-prezz propju. Għolja wisq tkun il-fidwa ta’ ħajja waħda. Ħadd ma jistà jsalva lilu nnifsu bil-flus,” ukoll jekk qawwija hija  t-tentazzjoni li ssegwi “l-għana biex tħossok sodisfatt, il-vanità biex tħossok importanti u, fl-aħharnett, il-kburija u s-suppervja.”

Il-Papa imbagħad daħħal id-dnub marbut mal-kilba tal-flus, b’dak kollu li jiġi wara, fl-ewwel minn l-għaxar kmandamenti: jidneb bl-“idolatrija” huwa qal: “Il-flus - huwa nfatti spjega - jsiru idolu u int tadurahom. U minħabba f’hekk Ġesù jgħidilna: ma tistax taqdi l-idolu flus u lil Alla ħaj. Jew wieħed jew l-ieħor.” L-ewwel Missirijiet tal-Knisja “jgħidu kelma qawwija: il-flus huma d-demel tax-xitan. Huwa hekk, għaliex jagħmluna idolatri u jmarrdulna moħħna bil-kburija u jagħmluna fanatiċi ta’ kwistjonijiet għażżiena u jbegħduna mill-fidi. Jikkorrumpuna.” L-Appostlu Pawlu mill-banda l-oħra jgħidilna biex inżommu mal-ġustizzja, mal-ħniena, mal-fidi, mal-karità, mas-sabar. Kontra l-vanità, kontra l-kburija “tinħtieġ il-manswetudni.” Anzi “din hija t-triq ta’ Alla, mhux dik tal-poter idolatriku li jistgħu jtuna l-flus. Hija t-triq tal-umiltà ta’ Kristu Ġesù li għalkemm għani sar fqajjar biex jistagħna propju bil-faqar. Din hija t-triq biex naqdu lil Alla. U jalla l-Mulej jgħinna lkoll biex ma naqgħux fin-nassa tal-idolatrija tal-flus.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb