Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-kuraġġ li nagħrfu li aħna midinbin jiftaħna għaż-żegħil ta’ Alla

Il-Ħamis, 18 ta' Settembru 2014

 

Il-kuraġġ li nagħrfu lilna nfusna bħala midinbin jiftaħna għaż-żegħil ta’ Alla, għall-maħfra tiegħu qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Il-liturġija tallum tippreżentalna l-Vanġelu tal-midinba li taħsel saqajn Ġesù bi dmugħha, troxxlu fuqhom iż-żejt ifuħ u tixxuttahomlu b’xaharha.

 

Ġesù mistieden f’dar ta’ fariżew “persuna ta’ ċertu livell, ta kultura, li xtaq jisma’ lil Ġesù, id-duttrina tiegħu, isir jaf aktar.  F’qalbu jiġġudika kemm lill-midinba kif ukoll lil Ġesù għax, jaħseb li kieku kien veru profeta kien ikun jaf xi kwalità ta’ mara kienet dik qed tmissu.  Ma kienx qalbu ħażina imma ma jirnexxilux jifhem il-ġest ta’ dik il-mara, osserva Franġisku.

 

Ma jirnexxilux jifhem ġesti elementari, il-ġesti elementari tan-nies.  Forsi dan il-bniedem kien nesa kif iżiegħel b’tarbija, kif jikkonsla lin-nanna.  Fit-teoriji tiegħu, fi ħsibijietu, fil-ħajja tiegħu fil-gvern, għax forsi kien xi kunsillier tal-fariżej, kien nesa l-ġesti elementari tal-ħajja, l-ewwel ġesti li lkoll kemm aħna, malli nitwieldu, bdejna nirċievu mingħand il-ġenituri tagħna.

 

Ġesù, żied Franġisku, iċnafar lill-fariżew bl-umiltà u bit-tenerezza.  Il-paċenzja tiegħu, imħabbtu, ix-xewqa li jsalva lil kulħadd, iġġiegħlu jispjega lill-fariżew dak li kienet għamlet miegħu l-mara midinba, u liema ġesti ta’ kortesija ma kienx għamillu hu.  U fost it-tfesfis ta’ kull min kien preżenti jgħid lill-mara: Dnubietek maħfura.  Mur fil-paċi, il-fidi tiegħek salvatek!.

Il-kelma “salvatek”, il-fidi tiegħek salvatek, Ġesù jgħidha biss lill-mara, li hi midinba.  U jgħidhielha għax hi rnexxilha tibki dnubietha, tistqarrhom u tgħid: jien midinba, u tgħid dan lilha nnifisha.

 

Ġesù ma jgħidx dil-kelma lil dawk in-nies, li ma kienux nies ħżiena imma kienu jemmnu li huma mhux midinbin.  Ġesù jgħid dil-kelma “Int salv, inti salva, int salvajt, biss, li min jiftaħ qalbu u jagħraf li hu midneb.  Is-salvazzjoni tidħol fil-qalb biss meta aħna niftħu qlubna fil-verità ta’ dnubietna.

 

Il-post privileġġjat tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù Kristu, kompla jgħid il-Papa, huma propju dnubietna.  Din tidher ereżija, osserva, imma kien jgħid dan anki San Pawl li kien jiftaħar b’żewġ affarijiet biss: bi dnubietu u b’Ġesù Rxoxt li salvah.

Għalhekk, li nagħrfu dnubietna, li nagħrfu l-miżerja tagħna, li nagħrfu dak li aħna u dak li għandna ħila nagħmlu jew li għamilna hu propju l-bieb li jiftaħna għaż-żegħil ta’ Ġesù, għall-maħfra ta’ Ġesù, għall-kelma ta’ Ġesù: “Mur fil-paċi, il-fidi tiegħek salvatek!”, għax kont kuraġġuż, kont kuraġġuża u ftaħt qalbek għal Dak li Hu biss jista’ jsalvak.

 

Lill-ipokriti Ġesù jgħidilhom: il-prostituti jaslu qalbilkom fis-Saltna tas-Smewwiet.  Qawwija din, temm il-Papa, għax dawk li jħossu li huma midinbin, meta jqerru dnubiethom jiftħu qlubhom għall-laqgħa ma’ Ġesù li ta’ Demmu għalina lkoll.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.