Omelija tal-Papa Franġisku

Manjieri tajba u drawwiet ħżiena

Is-Sibt, 18 ta’ Mejju 2013

Wara l-“insara tas-salott,” huma l-“insara qasqasa” l-oġġett tas-sejħa l-ġdida tal-Papa Franġisku fil-konfront ta’ kemm tilfu s-sens tagħhom ta’ appartenenza għall-Knisja, għall-poplu ta’ Alla.

Dalgħodu, is-Sibt 18 ta’ Mejju, waqt iċ-ċelebrazzjoni matutina fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, il-Papa Bergoglio saħaq fuq id-“drawwiet ħżiena” li jikkontrastaw mal-“manjieri tajbin” li juru tant insara. U fost id-drawwiet ħżiena hemm propju dik li “nintfu lil xulxin bil-kliem, bin-nuqqas ta’ nformazzjoni u bil-kalunja. “It-tqasqis - sostna - huwa distruttiv fil-Knisja.”  U veru li Ġesù kien jitkellem ferm ma’ Pietru u mal-oħrajn kollha, hekk kif l-Appostli kienu jitkellmu bejniethom u mal-oħrajn; imma dan kien djalogu ta’ mħabba.”

Ġesù, fakkar il-Papa waqt l-omelija, kien staqsa iktar minn darba lil Pietru “kienx iridlu l-ġid, kienx iħobbu, iktar mill-oħrajn. Pietru kien wieġbu li iva u l-Mulej tah il-missjoni: Irgħa l-merħla tiegħi.” Dan kien propju djalogu ta’ mħabba.” Imma f’ċertu punt, spjega l-Qdusija Tiegħu, Pietru kellu t-tentazzjoni li jindaħal fil-ħajja ta’ ieħor, Ġuda. U wara li sar jaf li kien se jittradixxi, staqsa lil Ġesù għaliex kien għadu jħallih isegwih. Ġesù, għal darb’oħra, ikollu jċanfru: Inti x’jimpurtak? Din il-kelma hija qawwija: Lilek x’jimpurtak? La tindaħalx fil-ħajja tal-ieħor. Lilek x’jimpurtak jekk jien hekk irrid?” ikkonferma l-Papa waqt li rrifera għas-silta enġelika ta’ Ġwanni (21, 20-25).

Pietru, spjega l-Isqof ta’ Ruma, huwa bniedem u għalhekk huwa wkoll iġarrab it-tentazzjoni li jindaħal fil-ħajja tal-oħrajn, jiġifieri “kif jingħad b’mod volgari, jindaħal fejn ma jesgħux.” Dan iseħħ ukoll fil-ħajja nisranija tagħna: “kemm drabi - staqsa l-Papa Franġisku - nkunu ttentati biex nagħmlu dan? Id-djalogu, dak id-djalogu ma Ġesù, jiġi mdawwar fuq linja oħra. U dan l-indħil fil-ħajja tal-oħrajn għandu tant modi.” Il-Papa indika tnejn: it-taqbil dejjem mal-oħrajn u t-tqasqis.

Il-paragun, ippuntwalizza, huwa li dejjem nistaqsu: “Għaliex dan jiġrili u mhux dan? Alla mhux Ġust!” Biex jirrendi l-kunċett iktar ċar, ġab l-eżempju ta’ Santa Tereżina, li, “meta kienet tifla, kellha l-kurżità biex tifhem għaliex Ġesù ma kienx jidher ġust: lil wieħed jagħtih tant u lill-ieħor tant ftit. Kienet tifla u kienet staqsiet lil oħtha ikbar minnha - għarfa din oħtha! - qabdet ħolqa tal-ħjata u tazza. Imliethom bl-ilma, it-tnejn, imbagħad staqsietha: Għidli Tereżina, liema minn dawn it-tnejn hija l-iktar mimlija? It-tnejn li huma mimlijin! U hekk ukoll huwa Ġesù magħna; ma jimpurtahx jekk intix kbira, intix żgħira. Jinteressah intix mimlija bl-imħabba ta’ Ġesù u bil-grazzja ta’ Ġesù! Ġesù magħna hekk jagħmel.”

Meta minflok isiru l-paraguni, “nispiċċaw fil-qrusa u fil-għira. Xi ħaġa li jrid ix-xitan. Nibdew billi nfaħħru lil Ġesù u mbagħad, minħabba din it-triq tat-taqbil, nispiċċaw fil-qrusa u wkoll fil-għira.” Imma l-għira “issaddad Il-komunità nisranija” u “tant tagħmel ħsara, tant tagħmel ħsara lill-komunità nisranija.” It-tieni metodu li għalih irrifera l-Qdusija Tiegħu huwa magħmul mit-tqasqis, is-seksik. Jibda billi nuru li tant aħna edukati: “Imma jien ma rridx nitkellem ħażin dwar ħadd imma jidhirli li....” u mbagħad nispiċċaw biex “inqaxxru lill-proxxmu. Hekk hu eżattament! Kemm tqasqis fil-Knisja! Kemm inseksku aħna l-insara!” U s-seksik “huwa propju tqaxxir, nagħmlu ħsara lil xulxin, bHallikieku rridu nċekknu lill-ieħor biex nidhru kbar aħna. Għall-Papa dan “mhux sewwa! Jidher sabiħ li tqasqas.... Ma nafx għaliex, imma jidher sabiħ. Bħall-karamelli tal-għasel, le? Tieħu waħda u tgħid: Ah, xi ħlew! U mbagħad oħra, oħra, oħra u fl-aħħar jaqbdek uġigħ ta’ żaqq.” It-tqasqis huwa hekk: “huwa ħelu fil-bidu u mbagħad jirrovinak, jirrovinalek ruħek! It-tqasqis u s-seksik huma distruttivi fil-Knisja, huma distruttivi. Huma ftit jew wisq l-ispirtu ta’ Kajjin: toqtol lil ħuk, b’ilsienek.” U dan tagħmlu “b’manjieri tajbin. Imma f’din it-triq insiru nsara tal-manjieri tajbin u ta’ drawwiet ħżiena! Insdara edukati, imma kattivi.”

Għalhekk il-Qdusija Tiegħu elenka tliet imġibiet negattivi oħra. Fuq kollox in-nuqqas ta’ nformazzjoni, jiġifieri meta ngħidu “ biss in-nofs li jaqbel lilna u mhux in-nofs l-ieħor: in-nofs l-ieħor ma ngħiduhx għaliex mhix konvenjenti għalina.” Imbagħad id-diffamazzjoni: meta hekk kif “persuna veru għandha difett, allura tkun għamlet waħda kbira,” din hemm bżonn nirrakkontawha, “nagħmluha tal-ġurnalista, le? U l-fama ta’ din il-persuna tiġi rovinata!” U t-tielet insibu l-kalunja: “tgħid affarijiet li mhumiex minnhom. Dan huwa propju qtil ta’ ħuk!”

Diżinformazzjoni, diffamazzjoni u kalunja “huma dnub! Dan huwa dnub! Dan huwa għoti ta’ daqqa ta’ ħarta lil Ġesù” permezz ta’ wliedu, ħutu. U “l-Mulej dan jafu, għaliex jaf kif aħna;” minħabba f’dan jgħid lil Pietru: Int x’jimpurtak? Int imxi warajja! Propju uri t-triq: la tħares ‘l hawn u linqas ‘l hinn.” It-taqbil mal-oħrajn “ma jagħmillekx ġid, imma jwasslek għall-għira u l-qrusa. Imxi warajja! It-tqasqis u s-seksik ma jagħmlulekx ġid, giex iwassluk propju g dan l-ispirtu ta’ qerda fil-Knisja. Imxi warajja! Sabiħa din il-kelma ta’ Ġesù, hijas tant ċara, hija tant maħbuba għalina.”  Bħal donnha tgħidilna: la toħolmux billi taħsbu li s-salvazzjoni tinsab fit-taqbil mal-oħrajn jew fit-tqasqis. Is-salvazzjoni hija li timxi warajja. Insegwu lil Ġesù! Nitolbu llum lil Ġesù li jtina din il-grazzja li ma nindaħlu qatt fil-ħajja tal-oħrajn, biex ma nsirux insara tal-manjieri tajbin u ta’ drawwiet kattivi.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.