Omelija tal-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Kunjom Alla

It-Tlieta, 17 ta’ Diċembru 2013

Il-bniedem huwa il-kunjom ta’ Alla: il-Mulej, infatti jieħu isem kull wieħed u waħda minna — sew jekk aħna qaddisin, kif ukoll jekk aħna midimbin — sabiex jagħmlu jsir il-propju kunjomu. Għaliex meta nkarna l-Mulej għamel storja mal-umanità: il-ferħ tiegħu kien li jaqsam ħajtu magħna, «u dan iġiegħlek tibki: tant imħabba, tant ħlewwa».

Kien bil-ħsieb mixħut fuq il-Milied, issa imminenti li l-Papa Franġisku kkummenta it-Tlieta 17 ta’ Diċembru ż-żewġ qari proposti mill-liturġija tal-kelma, meħudin rispettivament mill-Ġenesi (49, 2.8-10) u mill-Vanġelu ta’ Mattew (1, 1-17). F’jum għeluq is-sebgħa u aebgħin sena tiegħu, il-Qdusija Tiegħu ppresieda bħas-soltu l-quddiesa ta’ filgħodu fil-kappella ta’ Santa Marta. Fost oħrajn ikkoncelebra miegħu il-Kardinal Dekan Angelo Sodano, li esprimielu l-awguri tal-kulleġġ kardinalizju kollu.

Fl-omelija, iċċentrata fuq il-preżenza ta’ Alla fl-istorja tal-umanità, l-Isqof ta’ Ruma individwa f’żewġ termini — eredità u ġeneloġija — l-imfietaħ biex jinterpreta rispettivament l-ewwel qari (riguardanti l-profezija ta’ Ġakobb li jlaqqà lil uliedu u jħabbrilhom dixxendenza glorjuża għal Ġuda) u s-silta evanġelika li fiha l-ġeneloġija ta’ Ġesù. Waqt li waqaf b’mod partikulari fuq din tal-aħħar, huwa enfasizza li din mhix «elenku telefoniku», imma «argument importanti: hija storja pura», għaliex «Alla bagħat lil ibnu» f’nofs il-bnedmin. U, żied, «Ġesù konsostanzjali mal-missier, Alla; imma wkoll konsostanzjali ma’ ommu, mara. U din hija dik il-konsostanzjalità tal-omm: Alla għamel l-istorja, Alla ried li jsir storja. U magħna. Mexa magħna».

Mixja — kompla l-Isqof ta’ Ruma — mibdija fil-bogħod, fil-Ġenna, eżatt wara d-dnub oriġinali. Infatti, minn dak il-waqt, il-Mulej «kellu din l-idea,: jagħmel mixja magħna». Għalhekk «sejjaħ lil Abraham, l-ewwel wieħed imsemmi f’din il-lista, f’dan l-elenku, u stiednu biex jimxi. U Abraham beda dik il-mixja: iġgenera lil Iżakk, u Iżakk lil Ġakobb, u Ġakobb lil Ġuda». U l-kumplament, navanzaw fl-istorja tal-umanità. «Alla jimxi mal-poplu tiegħu», mela, għaliex «ma riedx jiġi jsalvana mingħajr storja; huwa ried jagħmel l-istorja magħna».

Storja, sostna l-Papa, magħmula minn qdusija u dnub, għaliex fl-elenku tal-ġenoloġija ta’ Ġesù kien hemm qaddisin u midimbin. Fost ta’ quddiem nett il-Papa fakkar «lil missierna Abraham» u «lil David, li wara d-dnub ikkonverta». Fost tat-tieni ndividwa «midimbin ta’ livell għoli, li wettqu dnubiet ħoxnin», imma li magħhom Alla xorta «wettaq l-istorja». Midimbin li ma għarfux iwieġbu għall-proġett li Alla kien immaġina għalihom: bħal «Salomun, hekk kbir u intelliġenti, li spiċċa bħal imsejken li linqas biss ma kien jaf x’jismu». Madankollu, osserva l-Papa Franġisku, Alla kien miegħu ukoll.  «U dan huwa s-sabiħ: Alla jagħmel l-istorja magħna. Iktar, meta Alla jrid jgħid min hu, jgħid: Jien l-Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb».

Hekk hu għaliex għall-mistoqsija «xinhu l-kunjom ta’ Alla?» għall-Papa Franġisku huwa possibbli li jwieġeb: «Huwa aħna, kull wieħed u waħda minna. Huwa jieħu isimna mingħandna biex jagħmel kunjomu». U fl-eżempju offrut mill-Papa mhemmx biss l-isem tal-missirijiet tal-fidi tagħna, imma wkoll dawk ta’ nies komuni. «Jien l-Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb, ta’ Pedro, ta’ Marjetta, ta’ Harmony, ta’ Marisa, ta’ Xmun, tagħna lkoll. Mingħandna jieħu kunjomu. Il-kunjom ta’ Alla huwa kull wieħed u waħda minna», huwa spjega.

Minn hawn il-konstatazzjoni li waqt li ħa «il-kunjom minn isimna, Alla għamel l-istorja flimkien magħna»; anzi, iktar: «ħalla li tinkieb l-istorja minna». U aħna għadna nkomplu llum niktbu «din l-istorja», li hija magħmula «minn grazzja u minn dnub»,waqt li l-Mulej ma jgħejjiex jiġi warajna: «din hija l-umiltà ta’ Alla, il-paċenzja ta’ Alla, l-imħabba ta’ Alla». Mill-bqija, ukoll «il-ktieb tal-Għerf jgħid li l-ferħ tal-Mulej huwa fost ulied il-bniedem, magħna».

Hekk hu allura li «waqt li noqorbu lejn il-Milied», għall-Papa Franġisku — kif huwa nnifsu stqarr waqt li kkonkluda r-riflessjoni tiegħu — ġieh naturali li jaħseb: «Jekk hu għamel l-istorja tiegħu magħna, jekk huwa ħa kunjomu mingħandna, jekk huwa ħalla li aħna niktbu l-istorja tiegħu», aħna min-naħa tagħna hemm bżonn li nħallu lil Alla jikteb l-istorja tagħna. Għaliex, huwa ċċara, «il-qdusija» hija propju «li nħallu lill-Mulej jikteb l-istorja tagħna». U dan huwa l-awgurju tal-Milied li l-Papa ried jagħmel «lilna lkoll». Awgurju li huwa stedina biex niftħu qalbna: «Tagħmel li l-Mulej jiktiblek l-istorja u int tħalli li hu jiktibhielek».  

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.