Omelija tal-Papa Franġisku

Il-mistħija ta’ Pietru

Il-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju 2013

 

Li nkunu midimbin mhix problema; pjuttost hija problema l-fatt li ma nindmux li għamilna d-dnub, li ma nħossu ebda mistħija għal dak li nkunu għamilna. Il-Papa Franġisku - fl-omelija tal-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju, f’Santa Marta -  reġà rriveda l-istorja tal-laqgħat ta’ Pietru ma’ Ġesù, waqt li ppropona qari partikolari. Ġesù, sostna l-Papa, “jafda l-merħla tiegħu f’idejn midneb,” Pietru. “Midneb imma mhux korrott” minnufih ippreċiża, kważi ried jagħti qawwa ikbar lil dak li kien se jgħid indirizzat lill-parteċipanti għaċ-ċelebrazzjoni: “Midimbin iva, ilkoll, imma korrotti le!”

Il-Papa ifforma din ir-riflessjoni waqt li kkummenta il-qari tal-jum (Atti tal-Appostli, 25, 13-21 u  Ġwanni, 21, 15-19), waqt li pponta l-iktar fuq id-djalogu bejn Pietru u Ġesù wara l-ewwel laqgħa “meta ħuh Indri - fakkar il-Papa - kien ħadu għand Ġesù,” li wara li kien fligħ jgħidlu: Imma inti Xmun? Minn issa se nsejjaħlek Kefa, ġebla.” Kien il-bidu ta’ missjoni, spjega, ukoll jekk “Pietru ma kien fehem xejn, imma l-missjoni hemm kienet.”

Il-Papa Franġisku imbagħad fakkar il-laqgħat li dwarhom jitkellem il-Vanġelu, bħal ngħidu aħna “dik id-darba, meta Ġesù jagħmel il-miraklu tas-sajda; meta Pietru jgħid lil Ġesù: Jiena midneb, f’laqgħa, u jgħidlu wkoll: Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena midneb! Imbagħad f’laqgħa oħra ma’ Ġwsù, meta Ġesù jitkellem dwar l-Ewkarestija - le? Nieklu l-ħobż, ġismu - u xi wħud telqu, għaliex ma fehmux” u għaliex kien diskors “li lilhom m’għoġobhomx.” U lil dawk li kien fadal “Ġesù jistaqsihom: Tridux tmorru intom ukoll? U Pietru jgħid: Imma Mulej, inti biss għandek il-kliem tal-ħajja eterna.”

Il-Qdusija Tiegħu mbagħad fakkar l-episodju evanġeliku taċ-ċaħda ta’ Pietru, meta mill-ġdid jiltaqgħu il-ħarsa ta’ Ġesù u tal-ewwel fost l-Appostli: “Dik il-ħarsa ta’ Ġesù hekk sabiħa, hekk sabiħa! U Pietru jibki.” Din “hija l-istorja tal-laqgħat” li waqthom Ġesù jagħġen fl-imħabba l-qalb tal-Appostlu. Dik l-imħabba li biha Pietru jibki meta Ġesù waqt laqgħa oħra, “jitolbu għal tliet darbiet: Xmun, bin Ġwanni, tħobbni?” Kull darba li Ġesù jtenni din id-domanda lil Pietru jiġih f’moħħu li hu kien ċaħdu, li kien qal li ma kienx jafu “u jistħi. Il-mistħija ta’ Pietru, le?”

Insomma, “huwa bniedem kbir, dan Pietru. Midneb, midneb. Imma l-Mulej iġiegħlu jħoss dan, lilu kif ukoll lilna, li lkoll aħna midimbin” u li “l-problema mhix li aħna midimbin,” daqs kemm “il-fatt li ma nindmux mid-dnub, li ma nistħux minn dak li nkunu għamilna. Dik hija l-problema. Imma Pietru jħossha din il-mistħija, din l-umiltà, le?”

Biss li Pietru kellu qalb kbira u dan “iwasslu għal laqgħa ġdida ma’ Ġesù, għall-ferħ tal-maħfra, dik il-għaxija, meta nfexx jibki.” Il-Mulej ma jmurx lura minn dak li kien wiegħed, jiġifieri “Inti blata, u wkoll f’dan il-waqt jgħidlu: Irgħa l-merħla tiegħi” u jafda l-merħla tiegħu lil midneb. “Imma Pietru - ippreċiża l-Isqof ta’ Ruma - kien midneb, imma mhux korrott, eh? Midimbin iva, ilkoll, korrotti le!”

Imbagħad il-Papa rrakkonta, kif spiss jiġri waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ filgħodu, episodju minn ħajtu stess: “Darba sirt naf dwar saċerdot, kappillan tajjeb li kien jaħdem sewwa; ġie nominat Isqof, u hu staħa għaliex ma ħassux dehen, kellu turment spiritwali. Mar għand il-konfessur. Il-konfessur semgħu u mbagħad qallu: Imma la tibżà xejn. Ġaladarba b’dik il-waħda kbira li għamel Pietru, għamluh Papa, inti kompli miexi! Mela x’inhu l-Mulej huwa hekk. Il-Mulej huwa hekk. Il-Mulej jimmaturana permezz ta’ bosta laqgħat miegħu, ukoll bid-debbolizzi kollha tagħna, meta aħna nagħrfuhom; bid-dnubiet tagħna. Huwa hekk, u l-istorja ta’ dan il-bniedem li ħalla lilu nnifsu jiġi mfassal - naħseb li hekk jingħad - b’tant laqgħat ma’ Ġesù, isservi għalina lkoll, għax ninsabu fl-istess triq, wara Ġesù biex nipprattikaw il-Vanġelu. Pietru huwa kbir, imma mhux għaliex huwa duttur f’dan jew huwa wieħed bravu li għamel hekk. Le, huwa kbir, huwa nobbli, għandu qalb nobbli u din in-nobbiltà twasslu għall-biki, twasslu għan-niket, għall-mistħija, imma wkoll biex jaqbad xogħlu li jirgħa l-merħla.”

U huwa eżempju għal kulħadd dan il-bniedem li jiltaqà kontinwament mal-Mulej, li “jippurifikah, li jimmaturah iktar” propju b’dawn il-laqgħat, qal il-Papa Franġisku, li kkonkluda: “Nitolbu li jgħin lilna wkoll biex inkomplu navanzaw infittxu l-Mulej u niltaqgħu miegħu. Imma iktar minn dan huwa mportanti li nħallu lilna nfusna niltaqgħu mal-Mulej: hu dejjem ifittixna, huwa dejjem qribna. Imma bosta drabi aħna nħarsu n-naħa l-oħra għaliex ma jkollnix aptit nitkellmu mal-Mulej jew li nħallu lilna nfusna niltaqgħu mal-Mulej: din hija grazzja. Hekk hi l-grazzja li jgħallimna Pietru.”

Fiċ-ċelebrazzjoni ħadu sehem dipendenti tal-Mużewijiet Vatikani u l-istaff tas-Servizzi għas-sikurezza tal-postijiet tax-xogħol fil-Vatikan.

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.