Omelija tal-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-bniedem tal-għajn penetranti

It-Tnejn, 16 ta’ Diċembru 2013

Meta l-profezija tonqos li tokkupa il-post ikun il-klerikaliżmu, l-iskema riġida tal-legalità li tagħlaq il-bieb f’wiċċ il-bniedem. Minn hawn it-talb li, fil-prospettiva tal-Milied, l-ispirtu tal-profezija jagħmel lilu nnifsu jinħass fost il-poplu.

Il-Papa Franġisku, fil-quddiesa ċċelebrata it-Tnejn filgħodu 16 ta’ Diċembru, fil-kappella ta’ Santa Marta, ried ifakkar li li nkunu profeti hija vokazzjoni tal-imgħammdin kollha. U dan għamlu, bħas-soltu, billi ħa spunt mill-kelma ta’ Alla tal-liturġija tal-jum. Il-Papa rripeta l-kliem tal-ktieb tan-Numri (24, 2-7.15-17b) li jpinġu l-figura tal-profeta,  «orakolu ta’ Balaam bin Beor u orakolu tal-bniedem tal-għajn penetranti; orakolu ta’ min jismà l-kelma ta’ Alla». Hekku, huwa spjega, «dan huwa l-profeta»: bniedem «li għandu għajnejh penetranti u li jismà u jgħid il-kliem ta’ Alla; li jaf jara fil-waqt u jmur fuq il-futur. Imma l-ewwel ikun samà, ikun ħass, il-kelma ta’ Alla».

U infatti «il-profeta għandu ġewwa fih dawn it-tliet waqtiet». Qabel xejn «il-passat: il-profeta — qal il-Qdusija Tiegħu — huwa kuxjenti tal-wegħda u ġewwa qalbu għandu l-wegħda ta’ Alla, għandu lilha ħajja, ifakkarha, jirrepetiha». Imma «mbagħad iħares lejn il-preżent, iħares lejn il-poplu tiegħu u jħoss il-qawwa tal-ispirtu biex jgħid kelma li tgħinu biex jimbotta, biex ikompli l-mixja lejn il-futur».

Mela, kompla l-Papa, «il-profeta huwa bniedemta’ tliet żminijiet: wegħda tal-passat, kontemplazzjoni tal-preżent, kuraġġ biex jindika l-mixja lejn il-futur». U, fakkar, «il-Mulej dejjem indokra l-poplu tiegħu bil-profeti fil-waqtiet diffiċli, fil-waqtiet li fihom il-poplu kien tilef il-kuraġġ jew kien distrutt; meta t-tempju ma kienx hemm; meta Ġerusalem kienet taħt il-poter tal-għedewwa; meta l-poplu kien jistaqsi ġewwa fih, imma Mulej inti wegħdtna dan u issa x’se jiġri?». Għal dan il-għan huwa żied: «L-istess forsi seħħ f’qalb il-Madonna, meta kienet f’riġlejn is-salib: Mulej, inti għidtli li dan kellu jkun il-ħellies ta’ Iżrael, il-mexxej, dak li jagħtina r-redenzjoni; u issa?».

«F’dak il-waqt tal-poplu ta’ Iżrael — kompla l-Papa — ikun meħtieġ l-intervent tal-profeta. U mhux dejjem il-profeta jkun milqugħ tajjeb. Tant drabi jkun imwarrab. L-istess Ġesù jgħid lill-Fariżej li missirijiethom kienu qatlu lill-profeti għaliex kienu jgħidu ħwejjeġ skomdi, kienu jgħidu l-verità, kienu jfakkru l-wegħda». Imma, enfasizza l-Papa, «meta fil-poplu ta’ Alla tonqos il-profezija, ikun jonqos xi ħaġa: ikun jonqos il-ħajja tal-Mulej».

Eżemplari, f’dan ir-rigward, l-istorja taż-żagħżugħ Samwel li, waqt li kien rieqed, kien samà s-sejħa tal-Mulej imma ma kienx jaf xinhi. U l-Bibbja tgħid dan: f’dawk iż-żminijiet “il-kelma tal-Mulej kienet rari u l-viżjonijiet ma kinux frekwenti”». (1 Ktieb ta’ Samwel 3, 1). Kien żmien li fih «Iżrael ma kellux profeti». Imma, ġiegħel jinnotaw l-Isqof ta’ Ruma, «l-istess iseħħ meta jiġi profeta u l-poplu ma jilqgħux», kif naqraw fis-silta tal-Vanġelu ta’ Mattew (21, 23-27).

«Meta mhemmx profezija — huwa kkummenta — il-qawwa taqà fuq il-legalità. U dawn is-saċerdoti marru għand Ġesù biex jitolbu l-fowlder tal-legalità: B’liema awtorità tagħmel dawn il-ħwejjeġ?». Dan bħal donnhom qalu: «Aħna s-sidien tat-tempju; int b’liema awtorità tagħmel dawn il-ħwejjeġ?». Fir-realtà «ma kinux fehmu l-profeziji, kienu nsew il-wegħda. Ma kinux jafu jaqraq is-sinjali tal-mument, la kellhom għajnejn penetranti u lanqas smigħ tal-kelma ta’ Alla. Kellhom biss l-awtorità».

Hekk «fiż-żmienm ta’ Samwel, meta l-kelma tal-Mulej kienet rara u l-viżjonijiet ma kinux frekwenti, kien l-istess. Il-legalità u l-awtorità». U dan kien seħħ għaliex «meta fil-poplu ta’ Alla ma jkunx hemm profezija, il-vojt li jitħalla jiġi okkupat mill-klerikaliżmu. U propju dan il-klerikaliżmu li jitlob lil Ġesù: b’liema awtorità tagħmel dawn il-ħwejjeġ, b’liema legalità?».

Hekk «it-tifkira tal-wegħda u t-tama li navanzaw jitnaqqsu biss għall-preżent: la passat, la futur u tama». Ikun bħallikieku li biex tavanza ikun jgħodd biss dak li huwa «preżent», dak li huwa «legali».

Bla dubju, spjega l-Papa, «forsi l-poplu ta’ Alla li kien jemmen, li kien imur biex jitlob fit-tempju, kien jibki f’qalbu għaliex ma kienx isib il-Mulej. Kien jonqos il-profezija. Kien jibki f’qalbu bħal ma kienet tibki Anna, omm Samwel, waqt li kienet titlob il-fekondità tal-poplu».

Dik il-fekondità, speċifika l-Papa, «li tiġi mill-qawwa ta’ Alla, meta huwa jqajmilna t-tifkira tal-wegħda tiegħu u jimbuttana lejn il-futur bit-tama. Dan huwa l-profeta. Dan huwa l-bniedem tal-għajn penetranti u li jismà l-kliem ta’ Alla».

Il-Papa Franġisku kkonkluda l-omelija tiegħu billi ppropona «talba f’dawn il-jiem li fihom qegħdin inħejju għall-Milied tal-Mulej». Talba lill-Mulej sabiex — huwa nvoka — «ma jonqsux il-profeti fil-poplu tiegħek. Aħna l-imgħammdin kollha aħna profeti. Mulej, sabiex ma ninsewx il-wegħda tiegħek; sabiex ma ngħejjewx navanzaw; li ma ningħalqux fil-legalitajiet li jagħlqu l-bibien. Mulej, eħles il-poplu tiegħek mill-ispirtu tal-klerikaliżmu u għinu bl-ispirtu tal-profezija».

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.