Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Jekk ma nkunux qrib il-persuna, jekk ma nsofrux man-nies u ma nnisslux it-tama, dawk il-prietki ma jiswewx, huma vanità. 

It-Tlieta, 16 ta' Settembru 2014

 

Jistgħu jsiru prietki sbieħ, imma jekk ma nkunux qrib il-persuna, jekk ma nsofrux man-nies u ma nnisslux it-tama, dawk il-prietki ma jiswewx, huma vanità.  Affermazzjoni qawwija oħra tal-Papa Franġisku magħmula waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta dalgħodu fil-jum li fih il-Knisja tfakkar lill-martri San Kornelju, Papa u l-isqof San Ċiprijanu.

 

L-Evanġelju tallum jurina li Ġesù resaq qrib korteo funebri:  l-armla ta’ Najn kienet tilfet lil binha l-waħdieni.  Il-Mulej jagħmel il-miraklu li jerġa’ jqajjem għall-ħajja liż-żgħażugħ, imma jagħmel aktar minn hekk, jersaq qrib.

Il-Papa osserva li n-nies jgħidu li Alla żar ‘il-poplu tiegħu.  Meta Alla jżur, ikun hemm xi ħaġa aktar, ikun hemm xi ħaġa ġdida, ikun ifisser li l-preżenza tiegħu tinsab f’dak il-post b’mod speċjali.  Ġesù hu qrib.

 

Kien qrib in-nies.  Alla qrib li jirnexxilu jifhem il-qalb tal-bniedem, il-qalb tal-poplu tiegħu.  Imbagħad jara dak il-korteo, u l-Mulej jersaq qrib.  Alla jżur lill-poplu tiegħu billi jersaq qribu.  Il-qrubija: dan huwa l-metodu ta’ Alla.  Imbagħad hemm espressjoni li nsibuha ħafna drabi mtennija fil-Bibbja: Il-Mulej ġietu ħniena kbira.

 

L-istess kompassjoni, jgħid il-Vanġelu li ħass meta ra tant nies quddiemu li kienu qieshom nagħaġ mingħajr sid.  Meta Alla jżur ‘il-poplu tiegħu, jersaq qribu, imur qrib u jħoss kompassjoni u jemozzjona ruħu.

Il-Mulej, kompla jgħid Franġisku, iħoss kompassjoni kbira bħalma ħass meta kien quddiem il-qabar ta’ Lażżru.  L-istess kif dak il-Missier ħassu kommoss meta ra lil ibnu l-ħali ġej lura d-dar.

 

Qrubija u kompassjoni: hekk iżur ‘il-poplu tiegħu l-Mulej.  U din hi t-triq li għandna nieħdu meta nkunu rridu nħabbru l-Vanġelu, meta nkunu rridu nwasslu l-Kelma ta’ Ġesù.

 

It-triq l-oħra hi dik tal-imgħallmin, tal-predikaturi ta’ dak iż-żmien: id-dutturi tal-liġi, l-iskribi, il-fariżej…… li kienu bogħod mill-poplu, kienu jafu jitkellmu.  Kienu jafu jgħallmu l-liġi tajjeb.  Imma bogħod.  U dik ma kinitx żjara tal-Mulej; kienet xi ħaġa oħra.

 

Il-poplu ma kienx iħoss dan bħala grazzja, għax ma kienx hemm qrubija, kienet nieqsa l-kompassjoni, jiġifieri li jbatu mal-poplu.

Hemm kelma oħra, qal il-Papa, li nsibuha meta naqraw li l-Mulej iżur ‘il-poplu: Il-mejjet qam bilqegħda u beda jitkellem, u Hu, Ġesù tah lura lil ommu.

Meta Alla jżur ‘il-poplu tiegħu, iroddlu lura t-tama, dejjem.  Nistgħu nipprietkaw il-Kelma t’Alla b’mod brillanti: fl-istorja kien hemm bosta predikaturi bravi.  Imma jekk dawn il-predikaturi ma rnexxilhomx jiżirgħu t-tama, dik il-prietka ma tiswiex.  Hija vanità.

Meta nħarsu lejn Ġesù li lill-omm raddilha ‘l-binha ħaj, temm l-omelija l-Papa Franġisku, nistgħu nifhmu xi tfisser żjara ta’ Alla lill-poplu tiegħu.  U nitolbu l-grazzja li x-xhieda tagħna bħala Nsara tkun xhieda li twassal iż-żjara ta’ Alla lill-poplu tiegħu, jiġfieri qrubija li tiżra’ t-tama.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.