Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Nitolbu għall-politiċi biex jiggvernawna tajjeb

It-Tnejn, 16 ta’ Settembru 2013

 

Nisrani tajjeb jieħu sehem attiv fil-ħajja politika u jitlob sabiex il-politiċi jħobbu l-poplu tagħhom u jaqduh b’umiltà. Din hija r-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku dalgħodu, it-Tnejn 16 ta’ Settembru, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella ta’ Santa Marta.

Waqt li kkummenta s-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa (7, 1-10) fejn hemm irrakkuntat il-fejqan, opra ta’ Ġesù, tal-qaddej taċ-ċenturjun ġo Kafarnaw, il-Papa saħaq dwar “żewġ atteġġjamenti tal-governant.” Huwa għandu fuq kollox “iħobb il-poplu tiegħu. Ix-xjuħ Lhud jgħidu lil Ġesù: huwa jimmeritah dak li qed jitlob għaliex iħobb lill-poplu tagħna. Governant li ma jħobbx ma jistax jiggverna. L-iktar l-iktar jistà jwaqqaf ftit ordni imma ma jistax jiggverna.” U biex jispjega is-sinifikat tal-imħabba li l-governant għandu jkollu għall-poplu tiegħu il-Qdusija Tiegħu fakkar fl-eżempju ta’ David li jikser ir-regoli taċ-ċensiment awtorizzati mil-liġi możajka sabiex jenfasizzaw l-affiljazzjoni tal-ħajja ta’ kull bniedem lill-Mulej (cfr. Esodu 30, 11-12). David, iżda, hekk kif fehem id-dnub tiegħu, għamel minn kollox biex jevita l-kastig lill-poplu tiegħu. U dan għaliex għalkemm kien midneb, lill-poplu tiegħu kien iħobbu.

Għall-Papa Franġisku il-governant għandu jkun ukoll umli bħaċ-ċenturjun tal-Vanġelu, li setà jieħu vantaġġ mill-poter li kellu li kieku talab lil Ġesù biex imur għandu, imma “hu kien raġel umli u qal lill-Mulej: toqgħodx tiskomoda ruħek, jien ma jixraqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. U b’umiltà: għid kelma u l-qaddej tiegħi ikun imfejjaq. Dawn huma ż-żewġ virtujiet ta’ governant, hekk bħal ma ġġiegħlna naħsbu l-kelma ta’ Alla: Imħabba tal-poplu u umiltà.”

Mela “kull raġel u kull mara li jassumu responsabbiltà ta’ gvern gm jagħmlu żewġ mistoqsijiet: jien inħobb lill-poplu tiegħi biex inservih aħjar? U jien umli li nismà l-opinjonijiet tal-oħrajn sabiex inkun nistà nagħżel l-aħjar triq?” Jekk dawn - emfasizza l-Papa - “ma jagħmlux lilhom infushom dawn il-mistoqsijiet il-gvern tagħhom ma jkunx tajjeb.”

Ukoll is-sudditi iżda, jridu jagħmlu l-għażliet tagħhom li jridu jwettqu. X’hemm bżonn mela li jsir? Wara li nnota li aħna “bħala poplu għandna ħafna governanti” il-Papa fakkar sentenza ta’ San Pawl meħuda mill-ewwel ittra lil Timoteju (2, 1-8): Nirrakkomandalek, l-ewwel u qabel xejn, li nagħmlu domandi, suppliki u ringrazzjamenti għall-bnedmin kollha, gaten u g dawk kollha li jinsabu fil-poter, sabiex ikunu jistgħu jgħaddu ħajja kalma u trankwilla, dinjituża u ddedikata lil Alla

Dan ifisser — ippuntwalizza l-Papa Franġisku — li “ħadd minna ma jistà jgħid: imma jien m’għandix x’naqsam, huma huma li qegħdin jiggvernaw. Le, jien responsabbli tal-gvern tagħhom u jeħtieġ nagħmel l-almu tiegħi biex huma jiggvernaw sewwa, billi nieħu sehem fil-politika kif nistà.Il-politika, tgħid id-duttrina soċjali tal-Knisja, hija waħda mill-ogħla forom tal-karità, giex hija li sservi l-ġid komuni. U jien ma nistax naħsel idejja: kull wieħed u waħda minna ninħtieġu li nagħmlu xi ħaġa.Imma issa daħhalna d-drawwa li naħsbu li dwar il-governanti rridu biss imparlaw, ngħidu kontrihom u kontra dawk l-affarijiet li jmorru żmerċi.”

F’dan ir-rigward il-Qdusija Tiegħu innota li fuq it-televiżjoni u fuq il-ġurnali jispikkaw fuq kollox “bastonati” għall-politiċi: diffiċilment insibu osservazzjonijiet bħal “dan il-governant f’dan għamel sewwa; dan il-governant għandu din il-virtù; żbalja f’din u f’din u f’din, però hawn għamel sewwa.” Għall-kuntrarju, dwar il-politiċi nitkellmu “dejjem ħażin u iva dejjem kontra. Jistà jkun li l-governant ikun midneb, bħal ma kien David. Imma jien hemm bżonn li nikkollabora, bl-opinjoni tiegħi, bil-kelma tiegħi, ukoll bit-twiddib tiegħi: ma naqbilx għalhekk u għalhekk. Hemm bżonn li nipparteċipaw għall-ġid komuni. Xi daqqiet smajna min jgħid: kattoliku tajjeb ma jinteressax ruħu fil-politika. Dan mhux veru: kattoliku tajjeb jiddeffes fil-politika u joffri l-aħjar tiegħu sabiex il-governant ikun jistà jiggverna.”

Xinhi allura “l-aħjar ħaġa li nistgħu noffru” lill-governanti? “Huwa t-talb” wieġeb il-Papa, waqt li spjega: “Huwa dak li jgħid Pawlu: itolbu għas-sultan u għal dawk kollha li għandhom il-poter.” Imma “wieħed jasal li jgħid: dak bniedem bla qalb, imissu jmur l-infern. Le, itlob għalih, itlob għaliha, sabiex ikun/tkun jistà/tistà jiggverna/tiggverna sewwa, sabiex iħobbu l-poplu tagħhom, sabiex ikunu umli. Nisrani li ma jitlobx għall-governanti mhuwiex nisrani tajjeb. Hemm-bżonn li nitolbu. U dan - ippreċiża -mhux qed ngħidu jien. Qalu San Pawl. Il-governanti jeħtieg li jkunu umli u jħobbu lill-poplu tagħhom. Aħna, l-iggvernati, nagħmlu mill-aħjar li nistgħu. Speċjalment bit-talb.”

“Nitolbu għall-governanti - ikkonkluda l-Papa Franġisku - sabiex jiggvernawna sewwa. Sabiex iwasslu lill-art twelidna, in-nazzjon tagħna ‘l quddiem, u wkoll id-dinja; u jkun hemm il-paċi u l-ġid komuni. Din il-kelma ta’ Alla tgħinna biex nipparteċipaw aħjar fil-ħajja komuni ta’ poplu: dawk li jiggvernaw, bis-servizz tal-umiltà u bl-imħabba; l-iggvernati, bil-parteċipazzjoni, u fuq kollox bit-talb.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.