Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Imħabba lejn Alla u l-Proxxmu kontra idolatrija u ipokresija

It-Tlieta, 15 ta’ Ottubru 2013

L-Ipokresija u l-idolatrija «huma dnubiet kbar» li għandhom oriġini storika, imma li wkoll illum għadhom jirrepetu ruħhom bi frekwenza, ukoll fost l-insara. Li tegħlibhom «huwa tant diffiċli»: biex nagħmluh «ninħtieġu l-grazzja ta’ Alla». Din hija r-riflessjoni ssuġġerita lill-Papa Franġisku mill-qari tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tlieta 15 ta’ Ottubru, fil-kappella ta’ Santa Marta.

«Il-Mulej — fetaħ il-Papa — qalilna li l-ewwel kmandament huwa adura lil Alla, ħobb lil Alla. It-tieni huwa ħobb lill-proxxmu bħalek innifsek. Il-liturġija illum tkellimna dwar żewġ vizzji kontra dawn il-kmandamenti», li fir-realtà, huwa nnota, huwa wieħed: ħobb lil Alla u lill-proxxmu. U l-vizzji li dwarhom tkellem effettivament «huma dnubiet kbar: l-idolatrija u l-ipokresija». L-Appostlu Pawlu, innota l-Papa, ma jżommx lura l-kliem biex jiddeskrivi l-idolatrija. Huwa «mħeġġeġ», «qawwi» u jgħid: «Ir-rabja ta’ Alla tirrivela ruħha mis-sema kontra kull nuqqas ta’ ġustizzja, għaliex l-idolatrija hija nuqqas ta’ n gustizzja, hija nuqqas ta’ pietas. Hija nuqqas ta’ dak is-sens ta’ adorazzjoni lil Alla li lkoll kemm aħna għandna ġo fina. U r-rabja ta’ Alla kollha tirrivela ruħha kontra kull inġustizzja, kontra l-bnedmin li jifgaw il-verità fl-inġustizzja». Huma jifgaw il-verità tal-fidi, ta’ dik il-fidi «li ngħatatilna f’Ġesù Kristu, li fiha tirrivela ruħha l-ġustizzja ta’ Alla che». Hija. Kompla l-Papa, bħal mixja ta’ fidi fil-fidi «kif sikwit kien jgħid Ġwanni: grazzja fuq grazzja, ta’ fidi fil-fidi. Il-mixja tal-fidi». Imma lkoll kemm aħna «niħtieġu li naduraw, għaliex għandna t-timbru ta’ Alla ġewwa fina» u «meta ma nadurawx lil Alla naduraw lill-krejaturi» u dan huwa «il-passaġġ mill-fidi għall-idolatrija».

L-idolatri «m’għandhom ebda mottiv ta’ skuża. Alavolja saru jafu lil Alla — enfasizza l-Isqof ta’ Ruma — huma ma gglorifikawhx, lanqas ma rringrazzjawh bħala Alla». Imma liema hi t-triq tal-idolatri? Dan jgħidulna b’mod l-iktar ċar San Pawl lir-Rumani/ Hija triq li ġġegħlek tintilef: «Intilfu fir-raġunamenti tagħhom u moħħhom imsaħħab iddallam ». Għal dan iwassal «l-egoiżmu  tal-propju ħsieb, il-ħsieb, il-ħsieb omnipotenti» li jgħid «dak li jien naħseb huwa minnu, jien naħseb il-verità, jien nagħmel il-verità bi ħsiebi». U propju waqt li jiddikjaraw lilhom infushom għorrief, il-bnedmin li dwarhom jitkellem San Pawl «saru idjoti/ U bidlu l-glorja ta’ Alla inkorruttibbli ma; immaġni u figura ta’ bniedem korruttibbli, ta’ għasafar, ta’ annimali b’erbà saqajn, ta’ rettili».

Nistgħu nitwasslu biex naħsbu, wissa l-Papa, li dan huwa atteġgjament tal-imgħoddi: «Illum ħadd ma jmur għal għonq it-triq jadura l-istatwi». Imma mhuwiex hekk għaliex «illum ukoll — qal il-Papa — jeżistu tant idoli u llum ukoll hawn tant idolatri. Tant li jaħsbu li huma għorrief, ukoll fostna l-insara». U dlonk żied: «Jien ma nitkellimx minn dawk li mhumiex insara; nirrispettahom. Imma fostna fil-familja». Hafna nsara infatti «jaħsbu li huma għorrief, jafu kollox», imma fl-aħħar «isiru idjoti u jibdlu l-glorja ta’ Alla inkorruttibbli, ma’ xbiha: il-jien innifsu», bl-ideat propji, bil-kumdità propja.

U din mhix ħaġa ta’ żmenijiet oħra għaliex  «ukoll illum — saħaq il-Papa — fit-toroq jinsabu l-idoli». Imma hemm iktar, huwa żied: «Ilkoll kemm aħna għandna xi idolu moħbi. U nistgħu nistaqsu quddiem Alla liema hu l-idolu moħbi tiegħi li jokkupa post il-Mulej. Kittieb Franċiż, reliġjuż ħafna, kien jirrabja faċilment u sikwit. Dan kien jgħid: min ma jitlobx lil Alla, jitlob lid-demonju. U jekk int ma tadurax lil Alla, tadura dejjem xi idolu». Il-bżonn tal-bniedem li jadura, ta’ Alla, li jitwieled mill-fatt li nġorru ttimbrata ġewwa fina t-«timbru»,hija tali «li jekk mhemmx Alla l-ħaj, ikun hemm dawn l-idoli». U waqt li kkonkluda, b’mod kważi provokatorju, il-Papa talab lil kulħadd biex jagħmel eżami tal-kuxjenza u li jagħmel lilu nnifsu l-mistoqsija: «Liema hu l-idolu tiegħi?»

Id-dnub l-ieħor «kontra l-ewwel kmandament propost mil-liturġija tallum huwa l-ipokresija», kompla l-Qdusija Tiegħu. L-ispunt għal  din ir-riflessjoni addizzjonali kien offrut mir-rakkont ta’ Luqa li fih jitkellem dwar «dak ir-raġel li jistieden lil Ġesù għal pranzu u jiskandalizza ruħu għaliex ma jaħsilx idejh» u jaħseb li Ġesù huwa «inġust» minħabba «li ma jwettaqx dak li jrid ikun imwettaq».

Imma hekk «bħal ma Pawlu ma joqgħodx lura mill-kliem kontra l-idolatri— innota l-Qdusija Tiegħu — hekk Ġesù ma joqgħodx lura mill-kliem kontra l-ipokriti: intom Fariżej tnaddfu minn l-estern tat-tazza u tal-platt, imma l-intern tagħkom mimli xeħħa u kattiverija. Huwa ċarissimu! Intom xħaħ u kattivi, idjoti». Juża «l-istess kelma li Pawlu jgħid għall-idolatri: saru idjoti, idjoti/ U x’parir jagħti Ġesù? Pjuttost agħtu bħala karità dak li hemm fil-platt u hekk hu li għalikom kollox ikun iktar pur».

Ġesù mela jagħti l-parir li  «ma nħarsux lejn l-apparenzi» imma li nmorru fil-qalba tal-verità: «Il-platt huwa l-platt, imma huwa iktar importanti dak li hemm fil-platt: l-ikel. Imma jekk inti vanituż, jekk int karrerista, jekk inti ambizzjuż, jekk int persuna li dejjem titkabbar bik innifsek jew li jogħġbok titkabbar, għax taħseb li int perfett, agħmel daqsxejn karità u dik tfejjaq l-ipokresija tiegħek».

«Hekk hi — temm jgħid il-Papa — it-triq tal-Mulej: adura lil Alla, ħobb lil Alla fuq kollox, u ħobb lill-proxxmu. Hija tant sempliċi, imma tant diffiċli. Din tistà ssir bil-grazzja. Nitolbu l-grazzja».

Migjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.