Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Spirtu ta’ għaqal li jirbaħ il-kurżità mondana

Il-Ħamis, 14 ta’ Novembru 2013

 

Kien dwar l-ispirtu tal- «kurżità mondana» tal-ħerqa li nkunu nafu l-futur billi nipprovaw naħtfu l-proġetti ta’ Alla li l-Papa Franġisku wissa fil-quddiesa ċċelebrata l-Ħamis filgħodu, 14 ta’ Novembru, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-meditazzjoni tal-Papa ħadet spunt mill-ewwel qari tal-Liturġija, meħud mill-Ktieb tal-Għerf (7, 22-8, 1). Il-pass bibliku, huwa spjega, «jurina deskrizzjoni tal-istat spirituali   tar-ruħ tar- raġel u tal-mara», kważi karta tal-identità spiritwali tal-veru nisrani u tal-vera nisranija li jgħixu «fil-għerf tal-Ispirtu Santu». Għerf msejjes fuq «spirtu intelliġenti, qaddis, uniku, irqiq». L-atteġgjament ġust huwa propju dak li «tmur ‘il quddiem, jgħidu l-qaddisin, bi spirtu tajjeb». In-nisrani, mela, huwa msejjaħ biex «biex jimxi fil-ħajja b’dan l-ispirtu: l-ispirtu ta’ Alla li jgħinna biex niġġudikaw, biex nieħdu deċiżjonijiet skont il-qalb ta’ Alla. U dan l-ispirtu jagħtina l-paċi, dejjem. Huwa l-ispirtu ta’ paċi, l-ispirtu ta’ mħabba, l-ispirtu ta; fraternità».

«Il-qdusija — ippuntwalizza l-Papa — hija propju dan». Hija dak «li Alla kitlob lil Abraham: imxi fil-preżenza tiegħi u kun bla dnub. Huwa dan, hija din il-paċi». Dan ifisser mela li «nmorru taħt il-mozzjoni tal-ispirtu ta’ Alla u ta’ dan l-għaqal. U dak ir-raġel u dik il-mara li jimxu hekk, nistgħu ngħidu li huma raġel u mara għaqlin. Raġel għaqli u mara għaqlija, għaliex jimxu taħt il-mozzioni tas-sabar ta’ Alla».

Imma fis-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa (17, 20-25), kompla l-Papa, «aħna nsibu ruħna qudiem spirtu ieħor, il-kuntrarju ta’ dan tal-għerf ta’ Alla: l-ispirtu ta’ kurżità. Dan hu meta aħna nkunu rridu naħtfu xi proġetti ta’ Alla, tal-futur, tal-affarijiet, insiru nafu kollox, nieħdu f’idejna kollox». Fis-silta ta’ Luqa naqraw li l-Fariżej jistaqsu lil Ġesù «Meta se jiġi r-Renju ta’ Alla?». U l-Papa ikkummenta: «Kurjużi! Riedu jkunu jafu d-data, il-jum...».

Propju dan «l-ispirtu ta’ kurżità — huwa spjega — ibegħdna mill-ispirtu tal-għerf», għaliex jimbuttana biex inħarsu biss lejn «id-dettalji, l-aħbarijiet, l-aħbarijiet żgħar ta’ kuljum: dan kif isir? Huwa il-kif, huwa l-ispirtu tal-kif ». Skont l-idea tal-Papa «l-ispirtu tal-kurżità mhux spirtu tajjeb: huwa l-ispirtu tat-tifrix, tat-tbigħid minn Alla, l-ispirtu tat-tpaċpiċ żejjed».

Dwar dan Ġesù jgħidilna «ħaġa nteressanti: dan l-ispirtu ta’ kurżità, li huwa mondan, iwassalna għall-konfużjoni». Il-Qdusija Tiegħu dan spjegah billi ġibed l-attenzjoni għall-kliem ta’ Ġesù riferiti mis-silta tal-Vanġelu: «Għad jiġu jiem li fihom tkunu tixtiequ taraw ukoll jum wieħed ta’ Bin il-bniedem, imma ma tarawhx. Jgħidulkom: “Hemm hu,” jew inkella: “Hawn hu”,». F’dawn il-każi — huwa nnota — tkun «il-kurżità» li timbuttana biex «nisimgħu dawn il-ħwejjeġ. Jgħidulna: Il-Mulej jinsab hawn, huwa hemm, huwa hemm! Imma jiena naf bassar, bassara li jirċievi ittri tal-Madonna, messaġġi tal-Madonna». U il-Papa kkummenta: «Imma ħarsu, il-Madonna hija Omm! U tħobb lilna lkoll. Imma mhix mexxejja ta’ uffiċċju tal-posta, biex tibgħat messaġġi kuljum». Fir-realtà, «dawn l-innovazzjonijiet ibegħduna mill-Vanġelu, ibegħduna mill-Ispirtu Santu, ibegħduna mill-paċi u mill-għerf, mill-glorja ta’ Alla, mis-sbuħija ta’ Alla».

Il-Papa Franġisku imbagħad reġà tenna t-tagħlim ta’ Ġesù: ir-Renju ta’ Alla «ma jiġix b’mod li jqanqal l-attenzjoni» imma jiġi fil-għaqal; «ir-Renju ta’ Alla huwa f’nofskom». U «r-Renju ta’ Alla huwa dan ix-xogħol, din l-azzjoni tal-Ispirtu Santu li jagħtina l-għaqal, li jagħtina l-paċi. Ir-Renju ta’ Alla ma jiġix fil-konfużjoni. Bhal ma Alla ma kellimx lill-Profeta Elija fir-riħ, fil-persekuzzjoni, fit-tifun. Kellmu fiż-żiffa ħelwa, iż-żiffa li kienet l-għerf».

Imbagħad il-Papa reġà ppropona ħsieb ta’ Tereża tal-Bambin Ġesù, li għalih huwa għażiż b’mod partikulari. «Santa Tereżina» fakkar «kienet tgħid li hija kien imissha tieqaf dejjem quddiem l-ispirtu tal-kurżità. Meta kienet titkellem ma’ soru oħra u din is-soru kienet tirrakkonta storja, xi ħaġa tàl-familja,  dwar in-nies, u xi daqqiet kienet tgħaddi għal argument ieħor, hija kienet tkun xewqana li ssir taf tmiem l-istorja. Imma kienet tħoss li dak ma kienx l-ispirtu ta’ Alla għaliex huwa spirtu ta’ tifrix, ta’ kurżità».

«Ir-Renju ta’ Alla huwa f’nofsna» temm jgħid il-Papa Franġisku waqt li tenna kliem il-Vanġelu. U stieden biex «ma nfittxux affarijiet strambi, ma nfittxux novitajiet b’kurżità mondana. Inħallu li l-ispirtu jmexxina ‘l quddiem b’dak l-għaqal li huwa żiffa ħelwa. Dan huwa l-ispirtu tar-Renju ta’ Alla li dwaru jitkellem Ġesù».

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.