Omelija tal-Papa Franġisku

Satana dejjem iqarraq bina

It-Tlieta, 14 ta’ Mejju 2013

 

L-egoiżmu ma jwassalna mkien. L-imħabba mill-banda l-oħra tillibera. Minħabba dan min hu kapaċi jgħix il-ħajja propja bħala “rigal biex jingħata lill-oħrajn” ma jibqà qatt waħdu u ma jisperimentax “id-dramm tal-kuxjenza iżolata,”  priża faċli ta’ dak is-“Satana ħallas krudil” dejjem “lest biex iqarraq” b’min jagħżel triqtu. Din hija r-riflessjoni li l-Papa Franġisku ħalla dalgħodu, it-Tlieta 14 ta’ Mejju, lil dawk kollha li attendew għall-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctae Martrhae.

Waqt li kkummenta l-qari tal-jum, meħudin mill-Atti tal-Appostli (1, 15-17, 20-26) u mill-vanġelu ta’ Ġwanni (15, 9-17), il-Papa beda billi fakkar li f’dawn iż-żmenijiet ta’ stennija tal-Ispirtu Santu jerġà jfiġġ il-kunċett tal-imħabba, il-kmandament il-ġdid: “Ġesù jgħidilna kelma qawwija: ‘Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek.’ L-ikbar imħabba: li tagħti ħajtek. L-imħabba dejjem timxi minn din it-triq: li tagħti ħajtek. Tgħix ħajtek bħala rigal, rigal biex jingħata. Mhux teżor biex jinżamm. U Ġesù hekk għixha, bħala rigal. U jekk tgħix ħajtek bħala rigal, inti tagħmel dak li jrid Ġesù: “Waqqaftkom sabiex tmorru u ġġorru l-frott’.” Mela mhemmx għalfejn naħarqu ħajjitna bl-egoiżmu.

Għal dan il-għan il-Papa reġà ppropona l-figura ta’ Ġuda, li kellu atteġġjament kuntrarju ta’ min iħobb, għaliex “qatt ma fehem, miskin, xi jkun rigal.” Ġuda kien wieħed minn dawk il-bnedmin li qatt ma jaslu li jagħmlu ġest ta’ altruwiżmu u li dejjem jgħixu fl-isfera tal-propju jien, bla ma qatt “iħallu jinħatfu mis-0sitwazzjonijiet sbieħ.” Atteġġjament li, minflok, huwa tal-“Maddalena, meta taħsel riġlejn Ġesù bl-ingwent, tant iqum flus.”

Dan huwa mument — sostna l-Isqof ta’ Ruma — «reliġjuż, mument ta’ gratitudni, mument ta’ mħabba.” Ġuda, mill-banda l-oħra jgħix maqtugħ, fis-solitudni tiegħu, u jibqà javanza f’dik it-triq. “Qrusa tal-qalb” iddefiniha l-Qdusija Tiegħu. U hekk “bħal ma l-imħabba tikber fir-rigal,” ukoll fl-atteġġjament l-ieħor, dak “tal-egoiżmu, jikber. U kiber, f’Ġuda, sat-tradiment ta’ Ġesù.” Min iħobb, qal fis-sustanza l-Papa, jagħti l-ħajja bħala rigal: min hu egoista, jittradixxi, jibqà dejjem waħdu u “jiżola l-kuxjenza tiegħu fl-egoiżmu, f’dik il-kura tal-propja ħajja; imma fl-aħħar jitlifha.”

U li naqgħu fl-egoiżmu huwa faċli għal kulħadd. Il-Papa reġà indika għal darb’oħra l-eżempju ta’ Ġuda, li “kien idolatur, marbut mal-flus. Jgħidu l-istess Ġwanni: kien ħalliel. U din l-idolatrija wasslitu biex jiżola lilu nnifsu mill-komunità tal-oħrajn: dan huwa d-dramm tal-kuxjenza iżolata.” Meta nisrani jibda jiżola lilu nnifsu, “jiżola l-kuxjenza tiegħu mis-sens komunitarju, mis-sens tal-Knisja, minn dik l-imħabba li Ġesù jagħtina.” U fl-aħħar, propja bħal Ġuda, jitlef ħajtu. “Ġwanni - fakkar il-Papa waqt li reġà dar fuq ir-rakkont evanġeliku - jgħidilna li ‘f’dak il-waqt Satana daħal f’qalb Ġuda.’ U, hemm bżonn li ngħiduh: Satana huwa ħallas krudil. Dejjem jingannana, dejjem!”

Mela hemm żewġ toroq x’nagħżlu: ngħixu l-ħajja għaliha nfisha jew ngħixuha bħala rigal, iġifieri bħal “ma għamel Ġesù: ‘Bħal ma ħabbni l-Missier, hekk jibgħatni għall-imħabba u jien nirregala ruħi għall-imħabba’.” F’dawn il-jiem ta’ stennija għall-festa tal-Ispirtu Santu - ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu - nitolbu: ‘Ejja, ejja u tini qarb wiesgħa, li tkun kapaċi tħobb b’uniltà, b’manswetudni’.” U “Nitolbuh ukoll li jeħlisna dejjem mit-triq l-oħra, dik tal-egoiżmu, li fl-aħħar tispiċċa ħażin.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.