Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Erba' mudelli ta nies li jemmnu, bħala riflessjoni fuq il-veru xhieda tan-Nisrani

It-Tlieta, 14ta’ Jannar 2014

Erba' mudelli ta nies li jemmnu, bħala riflessjoni fuq il-veru xhieda tan-Nisrani: fil-qudiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta l-Papa Franġisku kien imnebbaħ minn erba' figuri tal-qari tallum u fisser in-novità li ġab miegħu Kristu u l-imħabba t'Alla lejn kull wieħed u waħda minna.  Imbagħad wissa' dwar l-atteġġjamenti ipokriti u legalisti li jbegħedu lin-nies mill-fidi.

 

Fl-omelija l-Papa Franġisku tkellem dwar erba' mudelli ta' nies li jemmnu: Ġesù, l-iskribi, is-saċerdot Eli u ż-żewġ uliedu, saċerdoti wkoll.  Il-Vanġelu jgħidilna x'kien l-atteġġjament ta' Ġesù hu u jgħallem: kien jgħallem bħala bniedem li għandu l-awtorità u mhux bħall-iskribi.  Dawn tal-aħħar, afferma l-Papa, kienu jgħallmu, jipprietkaw imma kienu jgħabbu fuq spallejn l-oħrajn tant affarijiet tqal, tant li l-imsejkna nies ma setgħux ilaħħqu magħhom.

 

U Ġesù stess jgħid lin-nies li dawn l-iskribi kienu ipokriti u jżid jgħidilhom “agħmlu dak li jgħidulkom imma tagħmlux bħalhom.  Nies inkoerenti dejjem dawn l-iskribi u l-fariżej!  U kemm kienu jsawwtu n-nies hux veru?  Kienu jgħidulhom “tridu tagħmlu din u dik lill-povri nies, imma Ġesù jgħidilhom: b'hekk intom tagħlqu l-bieb tas-Saltna tas-Sema.  Ma tħallux lil ħaddieħor jidħol u lanqas tidħlu intom.  Dan hu mod kif wieħed jipprietka, jgħallem u jagħti xhieda tal-fidi tiegħu..... u kemm hemm min jaħseb li dik hija l-fidi!?

 

Fl-ewwel qari meħud mill-Ktieb ta' Samwel, kompla l-Papa, insibu l-figura ta' Eli, saċerdot imsejken, dgħajjef, biered li kienu iħalli lil uliedu jgħamlu tant affarijiet koroh.  Eli kien bilqegħeda quddiem it-Tempju tal-Mulej u jara lil Anna, mara li qed titlob kif tħoss hi, li titlob biex ikollha iben.

 

Din il-mara kienet qed titlob kif jitolbu n-nies umli, b'mod sempliċi imma mill-qalb, bl-ilfiq.  Anna kienet qed iċċqlaq xufftejha kif jagħmlu tant nisa twajba fil-knejjes u fis-santwarji tagħna.  Kienet qed titlob hb'dal-mod u tixtieq il-miraklu.  Ix-xwejjaħ Eli kien iħares lejha u jgħid bejnu u bejn ruħu: din il-mara fis-sakra.  B'hekk iddisprezzaha.  Eli, wissa' l-Papa, kien ir-rappreżentant tal-fidi, il-mexxej tal-fidi, imma qalbu ma kinitx taf tħoss sew u għalhekk idisprezza lil dik il-mara.  Kemm-il darba l-Poplu t'Alla ma ħassux milqugħ minn dawk li suppost jagħtu xhieda; mill-Insara, mill-Insara lajċi, mis-saċerdoti, mill-isqfijiet... Dawn huma msejknin li ma jifhmu xejn u għandhom bżonn jagħmlu kors tat-teoloġija biex jifhmu sew.  Imma, min-naħa l-oħra għaliex inħoss ċertu simpatija lejn dan ir-raġel?  Għax f'qalbu kien għad kellu d-dilka u għax meta l-mara spjegatlu s-sitwazzjoni Eli jgħidilha: mur bis-sliem u Alla ta' Iżrael itik dak li qed titolbu.  Hemmhekk toħroġ id-dilka saċerdotali: miskin, kien ħbieha fih innifsu, fl-għażż tiegħu.... hu bniedem biered.  Wara, jispiċċa ħażin povru raġel!  
 

Fis-silta tal-ewwel qari ma narawx lil uliedu, imma dawn kienu s-saċerdoti li kienu jmexxu t-Tempju u kienu briganti.  Kienu saċerdoti imma saċerdoti briganti.  Kien moħhom fil-poter, fil-flus.  Kienu jisfruttaw in-nies, japprofittaw ruħhom mill-elemożina, mir-rigali u l-Mulej jikkastigahom bl-aħrax. Din hi l-figura, qal il-Papa, tan-Nisrani korrott, tal-lajk korrott, tas-saċerdot korrott, tal-isqof korrott, li japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni, mill-privileġġ li ttih il-fidi tiegħu, mill-fatt li hu Nisrani.  B'hekk qalbu tkun korrotta kif kienrt ta' Ġuda.  Minn qalb korrotta, kompla jgħid Franġisku, joħroġ it-tradiment: Ġuda jittradixxi lil Ġesù.  Għalhekk ulied Eli huma t-tielet mudell ta' dawk li jemmnu.  Wara dawn it-tlieta negattivi hemm ir-raba' wieħed: Ġesù.  Dwaru n-nies tgħid: dan jgħallem bħal wieħed li għandu s-setgħa; dan hu tagħlim ġdid!  Imma fejn hi n-novità, staqsa l-Papa Franġisku?

 

Din hi s-setgħa tal-qdusija.  In-novità ta' Ġesù hi dik li fih iġorr il-Kelma t'Alla, il-messaġġ t'Alla, jiġifieri l-imħabba t'Alla lejn kull wieħed u waħda minna.

Ġesù, tenna l-Papa, jressaq lil Alla lejn in-nies u biex jagħmel dan l-ewwel jersaq Hu: Hu qrib tal-midinbin.  Ġesù, fakkar il-Papa, jaħfer lill-adultera, jitkellem dwar it-teoloġija mas-Sammaritana..... li ma kinitx xi anġlu!  Ġesù, kompla jispjega, ifittex il-qlub tal-bnedmin, Ġesù jersaq lejn il-qalb feruta tal-bnedmin.  L-interess ta' Ġesù hu biss il-persuna u Alla.  Ġesù jrid li n-nies tersaq qribu, tfittxu u jħossu mqanqal meta jarahom qieshom merħla mingħajr ragħaj.  Dan l-atteġġjament kollu, hu dak li n-nies isejħulu tagħlim ġdid.  Le, mhux hekk, osserva l-Papa, mhux it-tagħlim huwa ġdid.  Dak li hu ġdid hu l-mod kif isir.  Hija t-trasparenza Evanġelika.

 

Nitolbu lill-Mulej biex dawn iż-żewġ siltiet tallum jgħinuna fil-ħajja Nisranija tagħna: lilna lkoll, kulħadd fir-roqgħa tiegħu, biex ma nkunux purament legalisti, ipokriti bħall-iskribi u l-fariżej.  Biex ma nkunux korrotti bħal ulied Eli.  Biex ma nkunu bierda bħal Eli, imma biex inkunu bħal Ġesù, biż-żelu li nfittxu lin-nies, li nfejquhom, li nħobbuhom u b'hekk ngħidulhom: Imma jekk jien qed nagħmel dan il-ftit, aħseb kemm iħobbok Alla, li hu Missierek!  Dan hu t-tagħlim ġdid li Alla jitlob minna.  Ejjew nitolbu dil-grazzja, temm il-Qdusija Tiegħu.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.