Omelija tal-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Bla biżà mil-libertà

Il-Ġimgħa, 13 ta’ Diċembru 2013

Jeżistu nsara li għandhom «ċerta allerġija għall-predikaturi tal-kelma»: jaċċettaw «il-verità tar- rivelazzjoni» imma mhux «il-predikatur», waqt li jippreferu «ħajja ingabbjata». Dan seħħ fi żmien Ġesù u sfortunatament għadu jseħħ ukoll illum f’dawk li jgħixu magħluqin fihom infushom, għaliex jibżgħu mil-libertà li tiġi mill-Ispirtu Santu.

Dan kien gl-Papa Franġisku t-tagħlim li joħroġ mill-qari tal-liturġija ċcelebrata l-Ġimgħa filgħodu, 13 ta’ Diċembru, fil-kappella ta’ Santa Marta. Il-Papa waqaf b’mod speċjali fuq is-silta tal-Vanġelu ta’ Mattew (11, 16-19) li fiha Ġeù jqabbel il-ġenerazzjoni ta’ dawk ta’ żmienu «ma sawk it-tfal bilqiegħda fil-misraħ li jduru fuq sħabhom l-oħra u jgħidu: daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, kantajnielkom lament u ma bkejtux».

Dwar dan l-Isqof ta’ Ruma fakkar li Kristu fil-Vanġeli «jitkellem dejjem tajjeb dwar it-tfal», billi joffrihom bħala «mudelli tal-ħajja nisranija» u billi jistieden «biex inkunu bħalhom sabiex nidħlu fis-saltna tas-smewwiet». Għall-kuntrarju — huwa ġibed l-attenzjoni — fis-silta in kwestjoni «din hija l-unika darba li ma tantx jitkellem daqstant sabiħ dwarhom». Għall-Papa din hija xbiha tat-tfal «daqsxejn waħda speċjali: maledukati, imdejqin, saħansitra screanzati»; tfal li ma jafux ikunu ferħanin waqt li jilagħbu u li «dejjem jirrifjutaw l-istedina tal-oħrajn: xejn ma jinżlilhom tajjeb». B’mod partikulari Ġesù juża din ix-xbiha biex jiddeskrivi «il-mexxejja tal-poplu tiegħu», iddefiniti mill-Papa bħala «nies li ma kinux miftuħin gl-kelma ta’ Alla».

Għall-Qdusija Tiegħu hemm aspett interessanti f’dan l-atteġġjament: ir-rifjut tagħhom, appuntu, «ma kienx għall-messaġġ, dan kien għall-messaġġier». Biżżejjed inkomplu naqraw is-silta evanġelika biex ikollna konferma.  «Ġie Ġwanni, li la jiekol u linqas jixrob — ġibed l-attenzjoni l-Papa — u dawn qalu: għandu demonju. Ġie Bin il-Bniedem, li jiekol u jixrob, u dawn jgħidu: hawn hu wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u tal-midimbin». Prattikament il-bnedmin dejjem isibu mottivi biex jilleġittimaw lill-predikatur. Biżzejjed naħsbu dwar in-nies ta’ dak iż-żmien, li kienu jippreferu «jistaħbew f’reliġjon ftit jew wisq elaborata: fil-preċetti morali, bħall-Fariżej; fil-kompromess politiku, bħas-Saduċej; fir-rivoluzzjoni soċjali, bħaż-Żeloti; fl-ispiritwalità njostika, bħall-Esseni». Ilkoll, huwa żied, «bis-sistema tagħhom tassew pulita, magħmula sewwa», imma li ma taċċettax «il- predikatur». Hekk hu għaliex Ġesù jirrinfreskalhom il-memorja billi jfakkarhom fil-Profeti, li kienu ġew ippersegwitati u maqtula.

Li taċċetta «il-verità tar-rivelazzjoni» u mhux «il-predikatur» jirrivela għall-Papa mentalità frott ta’ «ħajja ingabbjata fil-preċetti, fil-kompromessi, fil-pjani rivoluzzjonarji, fl-ispiritwalità mhix imlaħħma». Il-Papa Franġislu għamel riferiment b’mos speċjali għal dawk l-insara «li jippermettu li ma jiżfnux meta l-predikatur jtik aħbar sabiħa ta’ ferħ, u jippermettu li ma jibkux meta l-predikatur itik aħbar ta’ niket». Lil dawk l-insara, jiġifieri, «li huma magħluqin, ingabbjati, li mhumiex liberi». U il-mottiv huwa  «l-biżà mil-libertà tal-Ispirtu Santu, li tiġi permezz tal-predikazzjoni».

Mill-bqija, «dan huwa l-iskandlu tal-predikazzjoni li dwaru tkellem San Pawl; l-iskandlu tal-predikazzjoni li jispiċċa fl-iskandlu tas-salib». Infatti «jiskandalizza li Alla jkellimna permezz ta’ bnedmin limitati, bnedmin midimbin; u jiskandalizza iktar li Alla jkellimna u jsalvana permezz ta’ bniedem li jgħid li hu l-iben ta’ Alla, imma li jispiċca bħala kriminal». Hekk il-Papa Franġisku jispiċċa biex ikopri «il-libertà li tiġi mill-Ispirtu Santu», għaliex f’analisi aħharija «dawn l-insara mdejqin ma jemmnux fl-Ispirtu Santu; ma jemmnux f’dik il-libertà li tiġi mill-predikazzjoni, li twissik, tgħallmek, saħansitra ttik bil-ħarta, imma hija propju l-libertà li tgħin tikber il-Knisja».

Mela x-xbiha tal-Vanġelu, bit-«tfal li jibżgħu jiżfnu, jibku», li «jibżgħu minn kollox, li jitolbu sikurezza f’kollox», iġġegħlek taħseb «f’dawn l-insara mdejqin, li dejjem jikkritikaw lill-predikaturi tal-verità, għaliex jibżgħu jiftħu l-bieb lill-Ispirtu Santu». Minn hawn l-eżortazzjoni tal-Papa biex nitolbu għalihom u biex nitolbu wkoll għalina nfusna, sabiex «ma nsirux insara mdejqin», minn dawk li jneħħu «lill-Ispirtu Santu l-libertà li jiġi għandna permezz tal-iskandlu tal-predikazzjoni».

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.