Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-veru korrezzjoni fraterna tweġġa’ għax issir bl-imħabba, fil-verità u bl-umiltà.

II-Ġimgħa, 12 ta' Settembru 2014

 

Il-veru korrezzjoni fraterna tweġġa’ għax issir bl-imħabba, fil-verità u bl-umiltà.  Jekk aħna nieħdu pjaċir nikkoreġu, dan ma jkunx ġej minn Alla.  Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel fid-Dar Santa Marta waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu. 

 

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jwiddeb lil min jara t-tibna f’għajn ħuh u ma jindunax bit-travu li għandu f’għajnu.  Hu u jikkummenta din is-silta l-Papa reġa tkellem dwar il-korrezzjoni fraterna.

 

Qabel xejn, min ikun żbalja jeħtieġ li nikkoreħuh bil-karità.  Ma nistgħux nikkoreġu persuna mingħajr imħabba u karità.  Ma nistgħux nagħmlu operazzjoni mingħajr il-loppju għax inkella l-pazjent imut bl-uġigħ.  Il-karità hija bħal-loppju li jgħin li dak li jkun jaċċetta l-korrezzjoni.  Bniedem iwiddeb billi jieħu li min żbalja fil-ġenb, ikellmu bil-ħlewwa u bl-imħabba.

 

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li hemm bżonn issir korrezzjoni fil-verità: ma jingħadx dak li mhux veru.  Kemm-il darba, żied jgħid, fil-komunitajiet tagħna jingħad diskors li ma jkunx veru dwar persuna oħra: dawn huma kalunnji.  Jew, jekk ikunu veri, lil dik il-persuna jwaqqgħulha l-fama.

 

It-tqassis jagħmel ġerħa, is-seksik hu daqqa ta’ ħarta lill-fama tal-persuna, huwa daqqiet ta’ ħarta lill-qalb tal-persuna.  Minnu, żied jgħid Franġisku, li meta jgħidulek il-verità ma tieħux gost tismagħha.  Imma jekk din tingħad bil-karità, bl-imħabba, jkun aktar faċli li tkun aċċettata.  Għalhekk, biex nitkellmu dwar id-difetti tal-oħrajn irridu nużaw il-karità.

 

It-tielet punt hu li nikkoreġu bl-umiltà.  Jekk int trid tikkoreġi xi difett żgħir ftakar li int għandek oħrajn li huma akbar!  Il-korrezzjoni fraterna hija att li jfejjaq il-ġisem tal-Knisja.  Hemm toqba fid-drapp tal-Knisja, li hemm bżonn titraqqa’.

U bħal meta l-ommijjiet, in-nanniet, iraqqgħu b’tant delikatezza, l-istess għandna nagħmlu aħna biex nikkoreġu fraternament.  Jekk m’għandekx ħila tikkoreġi bl-imħabba, bil-karità, fil-verità, bl-umiltà, int twettaq offiża, terqed il-qalb ta’ dik il-persuna, int tkun żidt għajdut ieħor li jferi, int issir għama ipokrita kif jgħid Ġesù: Ipokrita, l-ewwel neħħi t-tibna minn għajnek…!  Għaraf li int nidneb akbar mill-ieħor, imma bħala ħuh għandek tgħinu biex jikkoreġi ruħu.

 

Il-Papa osserva li sinjal li jista’ jgħin hu l-fatt li bniedem iħoss ċertu sodisfazzjon meta jara xi ħaġa li ma tkunx sejra tajjeb u li jidhirlu li għandu jikkoreġiha.  Jeħtieġ noqgħodu attenti għax dak ma jkunx ġej mill-Mulej.

 

Mal-Mulej dejjem hemm is-salib, id-diffikultà li bniedem jagħmel ħaġa tajba; l-imħabba hi dejjem tal-Mulej.  Din l-imħabba ttina l-ħlewwa.  Ma niġġudikawx għax aħna l-Insara għandna t-tentazzjoni li nagħmlu bħad-dutturi tal-liġi: ninqatgħu mil-logħoba tad-dnub u tal-grazzja qiesu aħna xi anġli….. .

 

Il-Papa Franġisku kkwota li San Pawl fejn jgħid: Ma jiġrix li wara li tkun ipprietkajt lill-oħrajn, tispiċċa skwalifikat inti stess.  U n-Nisrani li fi ħdan il-komunità ma jagħmilx l-affarijiet, inkluż il-korrezzjoni fraterna, bil-karità, fil-verità u bl-umiltà, huwa skwalifikat!  Ma rnexxilux isir Nisrani matur!

Jalla l-Mulej jgħinna f’dan is-servizz fratern tant sabiħ imma li tant inissel dieqa, li ngħinu lil ħutna jsiru aħjar u jalla jgħinna biex dan nagħmluh dejjem bil-karità, fil-verità u bl-umiltà, temm Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.