Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Nikkontemplaw lil Gesù manswet u batut - Il-Ħamis, 12 ta’ Settembru 2013

 

Mhux faċli għall-insara li jgħixu skont il-prinċipji u l-virtujiet ispirati minn Ġesù. “Mhux faċli, imma - qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċcelebrata l-Ħamis filgħodu, 12 ta’ Settembru, fil-kappella ta’ Santa Marta - huwa possibbli:” basta “nikkontemplaw lil Ġesù batut u lill-umanità batuta” u ngħixu “ħajja moħbija f’Alla ma’ Ġesù.”

Ir-riflessioni tal-Qdusija Tiegħu kienet ispirata mir-rikurrenza tat-tifkira liturġika tal-isem ta’ Marija. “Illum - fetaħ - qed niffesteġġjaw l-isem tal-Madonna. L-isem imqaddes ta’ Marija. Darba waħda din il-festa kien jisimha l-isem ħelu ta’ Marija u illum fit-talba tlabna l-grazzja li nisperimentaw il-qawwa u l-ħlewwa ta’ Marija. Imbagħad imbidlet imma fit-talba baqgħet din il-ħlewwa ta’ isimha. Ninħtieġu illum mill-ħlewwa tal-Madonna biex nifhmu dawn l-affarijiet li Ġesù qed jitlobna. Hija lista mhix faċli li tgħixha: ħobbu lill-għedewwa, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tittamaw xejn, lil min itik daqqa ta’ ħarta offrilu wkoll l-oħra, lil min jeħodlok il-mantell la tirifjutalux it-tunika wkoll. Huma ħwejjeġ qawwija, Imma dan kollu, bil-mod tagħha, kien migħux mill-Madonna: il-grazzja tal-manswetudni, il-grazzja tal-ħlewwa.”  

“L-Appostlu Pawlu - kompla - jinsisti fuq l-istess suġġett: ‘Ħuti, magħżulin minn Alla, qaddisin u maħbubin. Erġgħu ilbsu sentimenti ta’ ħlewwa, ta’ tjubija, ta’ umiltà, ta’ manswetudni, ta’ ġenerożità waqt li tissaportu u taħfru lil xulxin’ jekk xi ħadd ikollu għalxiex igerger kontra xi ħadd ieħor. Bħal ma l-Mulej ħafrilkom hekk agħmlu intom ukoll (Kolossin 3, 12-17).” Bla dubju, innota l-Papa,qed jiġi mitlub ħafna u għalhekk l-ewwel domanda li tqum spontanja hija: “Imma kif nistà nagħmel dan? Xi rrid nistudja biex nagħmel dan?” It-tweġiba għal Papa hija ċara. “Aħna bl-isforz tagħna, ma nistgħux nagħmluh. Hija biss grazzja li tistà twettqu fina. L-isforz tagħna jgħin; huwa meħtieġ imma mhux biżżejjed.”

“L-Appostlu Pawlu f’dawn il-jiem - kompla l-Papa - kellimna spiss dwar Ġesù. Ġesù bħala t-totalità tan-nisrani, Ġesù bħala ċ-ċentru tan-nisrani, Ġesù bħala t-tama tan-nisrani, giex huwa l-għarus tal-Knisja u jġib it-tama biex inkomplu mexjin ‘il quddiem; Ġesù bħala rebbieħ fuq id-dnub, fuq il-mewt. Ġesù rebaħ u mar lura fis-sema bir-rebħa.” Għal dan il-għan l-Appostlu jgħallimna xi ħaġa, “jgħidilna: ‘Ħuti, la darba qomtu ma’ Kristu fittxu l-affarijiet t’hemm fuq fejn hemm Kristu trijunfanti; huwa hemm bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla. Dawru ħsiebkom għall-affarijiet t’hemm fuq, mhux għal dawk ta’ din l-art... Infatti intom mittu u ħajjitkom hija moħbija ma’ Kristu f’Alla.’”

Hija din it-triq li l-Mulej qed jitlobna: li naħbu ħajjitna ma’ Kristu f’Alla” tenna l-Papa. U dan irid jiġġedded f’kull wieħed mill-atteġġjamenti tagħna ta’ kuljum, għaliex, spjega l-Isqof ta’ Ruma, huwa biss jekk ikollna qalbna u moħħna mdawrin lejn il-Mulej “trijunfanti fuq id-dnub u fuq il-mewt,” li nistgħu nagħmlu dak li hu qed jitlob minna.

Klemenza, umiltà, tjubija, ħlewwa, manswetudni, ġenerożità huma l-virtujiet li jservu biex insegwu t-triq indikata minn Kristu. Li nirċevuhom hija “grazzja -speċifika il-Qdusija Tiegħu - li tiġi mill-kontemplazzjoni ta’ Ġesù.” Mhux kumbinazzjoni, reġàfakkar mill-ġdid, li missirijietna u ommijietna spiritwali għallmuna kemm hi mportanti li nħarsu lejn il-passjoni tal-Mulej.

“Huwa bil-kontemplazzjoni tal-umanità sofferenti ta’ Ġesù - tenna l-Papa - li nistgħu nsiru mansweti, umli, ħelwin hekk bħalu. Mhemmx triq oħra.” Bla dubju, irridu nagħmlu l-isforz li “nfittxu lil Ġesù; li naħsbu dwar il-passjoni tiegħu, dwar kemm bata; li naħsbu dwar is-silenzju manswet tiegħu.” Dan, saħaq, għandu jkun l-isforz tagħna; imbagħad “għall-bqija jaħseb hu, u jagħmel dak kollu li jkun jonqos. Imma int trid tagħmel dan: taħbi ħajtek f’Alla ma’ Kristu.”

Mela biex inkunu nsara tajbin hemm bżonn li nikkuntemplaw dejjem l-umanità ta’ Ġesù u l-umanità sofferenti. “Biex nirrendu xhieda? Ikkontemplaw lil Ġesù. Biex naħfru? Ikkontemplaw lil Ġesù sofferenti. Biex ma nqasqsux kontra l-proxxmu? Ikkontemplaw lil Ġesù sofferenti. Mhemmx triq oħra” tenna il-Papa waqt li fakkar imbagħad li dawn il-virtujiet huma l-istess tal-Missier, “li huwa twajjeb, manswet u ġeneruż, li jaħfrilna dejjem,” u l-istess tal-Madonna ommna. Mhux faċli imma possibbli. “Nafdaw lilna nfusna lill-Madonna. U meta llum - ikkonkluda - nagħtuha l-awguri għall-festa ta’ isimha, nitolbuha li tagħtina l-grazzja li nisperimentaw il-ħlewwa tagħha.”

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.