Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Kif tegħleb lid-demonju

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Ottubru 2013

«Jekk jogħġobkom ma naghmlux affari mad-demonju» u nieħdu bis-serjetà il-perikoli mill-fatt tal-preżenza tiegħu fid-dinja. Dan irrakkomandah il-Papa Franġisku dalgħodu, il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru, fl-omelija tal-quddiesa f’Santa Marta.. «Lil-preżenza tad-demonju - huwa fakkar — tinsab fl-ewwel paġna tal-Bibbja u l-Bibbja tispiċċa wkoll bil-preżenza tad-demonju, bir-rebħa ta’ Alla fuq id-demonju». Imma dan, wissa, jerġa lura dejjem bit-tentazzjonijiet tiegħu. U jmiss lilna «li ma nkunux boloh».

Il-Papa ikkummenta l-episodju li fih Luqa (11, 15-26) jirrakkonta dwar Ġesù li jkeċċi x-xjaten. L-evanġelista jirreferi wkoll xi kummenti ta’ dawk li kienu preżenti mgħaġġba u jakkużaw lil Ġesù bis-sħarijiet jew, l-iktar l-iktar, jagħrfuh biss bħala fejjieq ta’ persunin maħkuma mill-epilessija. Illum ukoll, innota l-Papa, «hawn qassissin li wara li jaqraw din is-silta u siltiet oħra tal-Vanġelu, jgħidu: Ġesù fejjaq persuna minn marda psikika». Bla ebda dubju ta’ xejn «huwa minnu li f’dak iż-żmien wieħed setà jħawwad l-epilessija mal-pussess tad-demonju — huwa ammetta — imma huwa veru wkoll li kien hemm id-demonju. U aħna m’għandniex id-dritt li nirrendu l-affarijiet hekk sempliċi», billi nillikwidaw l-affari bħallikieku kienet biċċa ta’ morda psikiċi u mhux indemonjati.

Waqt li reġà dar fuq il-Vanġelu, il-Papa innota li Ġesù joffrilna xi kriterji biex nifhmu din il-preżenza u nirrejaġixxu.. «Kif nibqgħu għaddejjin għal riħna nisrani waqt li hemm it-tentazzjonijit? Meta jidħol id-demonju biex itellifna?» huwa staqsa. L-ewwel fost il-kriterji ssuġġerit mis-silta evanġelika «huwa li ma tistax tikseb ir-rebħa ta’ Ġesù fuq il-ħażin, fuq id-demonju, bin-nofs». Biex jispjega dan il-Qdusija Tiegħu ikkwota l-kliem ta’ Ġesù riferiti minn Luqa: «Jew int miegħi jew kontra tiegħi; min mhux miegħi huwa kontra tiegħi u min ma jiġborx miegħi ixerred». U waqt li rrifera għall-azzjoni ta’ Ġesù fir-rigward tal-posseduti mid-demonju, qal qal li din kienet biss part żgħira «minn dak li huwa kien ġie biex iwettaq għall-umanità kollha»: jeqred l-opra tad-demonju biex jeħlisna mill-iskjavitù tiegħu.

Ma nistgħux inkomplu nebbnu li din hija esaġerazzjoni: «Jew int ma Ġesù jew int kontra Ġesù. U dwar dan il-punt mhemm ebda sfumatura. Hemm ġlieda, ġlieda li fiha hemm fin-nofs is-salvazzjoni eterna tagħna lkoll». U mhemmx alternattivi, ukoll jekk kultant inħossu «xi proposti pastorali» li jkunu donnhom iktar akkomodanti. «Le! Jew int ma’ Ġesù — reġà tenna l-Isqof ta’ Ruma — jew int kontra. Dan huwa hekk. U dan huwa wieħed mill-kriterji».

L-aħħar kriterju huwa dak tal-viġilanza. «Hemm bżonn li ngħassu dejjem, ngħassu kontra l-qerq, kontra s-sedussjoni tal-ħażen» ħeġġeġ il-Papa. U reġà lura jikkwota l-Vanġelu: «Meta bniedem qawwi u armat sa snienu jagħmel l-għassa mal-palazz tiegħu, dak li jippossiedi jinsab fiż-żgur. U aħna nistgħu nagħmlu lilna nfusna d-domanda: jien ngħasses fuqi nnifsi? Fuq qalbi? Fuq is-sentimenti tiegħi? Fuq ħsibijieti? Ngħasses it-teżor tal-grazzja? Ngħasses il-preżenza tal-Ispirtu Santu fija?» Jekk ma ngħassisx — huwa żied waqt li reġà kkwota l-Vanġelu  — «jasal wieħed li hu iktar qawwi, jirbħu, jeħodlu l-armi kollha li fuqhom kien jafda u jqassam dak kollu li jkun ħadlu ».

Dawn huma, mela, il-kriterji biex inwieġbu għall-isfidi maħluqa mill-preżenza tad-demonju fid-dinja: iċ-ċertezza li «Ġesù jissielet kontra d-demonju»; «min mhux ma’ Ġesù huwa kontra Ġesù»; u «l-viġilanza». Irridu nżommu quddiem għajnejna, kompla jgħid il-Papa, li  «id=demonju huwa makakk: qatt ma jitkeċċa għal kollox, ikun biss fl-aħħar jum li dan iseħħ». Għaliex meta «l-ispirtu impur — huwa fakkar waqt li kkwota l-Vanġelu — joħroġ mill-bniedem, jerħilha jiġġerra f’postijiet deżerti jfittex il-mistrieħ u meta dan ma jsibux, jgħid: nergà lura f’dari li minnha ħriġt. Kif jidħol lura jsibha miknusa u msebbħa; allura jmur, jieħu miegħu sebà spirti agħar minnu, jidħlu u jgħammru hemm; u l-aħħar kundizzjoni ta’ dak il-bniedem issir agħar minn qabel».

Għalhekk hemm bżonn li ngħassu. «L-istrateġija tiegħu — wissa l-Papa Franġisku — hija din: int sirt nisrani, kompli għaddej bil-fidi tiegħek, u jiena inħallik, inħallik trankwill. Imma mbagħad, meta inti tkun drajt u ma tantx tkun attent u int tħossok sikur, jien nergà lura. Il-Vanġelu tallum jibda bid-demonju mkeċċi u jintemm bid-demonju li jergà lura. San Pietru qalilna dan: hu qisu ljun feroċi li jdur madwarna». U dawn mhumiex gideb: «din hija l-Kelma tal-Mulej».

«Nitolbu lill-Mulej — kienet it-talba konklussiva tiegħu — il-grazzja li nieħdu bis-serjetà sawn l-affarijiet. Huwa ġie biex jissielet għas-salvazzjoni tagħna, huwa rebaħ lid-demonju».

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.