Omelija tal-Papa Franġisku

Żewġ ħruġ għan-nisrani

Is-Sibt, 11 ta’ Mejju 2013

 

Il-pjagi ta’ Ġesù għadhom preżenti fuq l-art. Biex nagħrfuhom hemm bżonn li noħorġu minna nfusna u nmorru niltaqgħu ma’ ħutna fil-bżonn, mal-morda, mal-injoranti, mal-foqra, mal-isfruttati. Dan huwa “l-esodu” li l-Papa Franġisku indika lill-insara fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata s-Sibt filgħodu, 11 ta’ Mejju, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

Dan — spjega l-Papa — ifisser “ħruġ minna nfusna” li jsir possibbli permezz tat-talb “lejn il-Missier f’isem Ġesù.” It-talb li “jdejjaqna,” għall-kuntrarju, “huwa dejjem ġewwa fina, bħal ħsieb li jiġi u jmur. Imma l-veru talb huwa ħruġ minna nfusna lejn il-Missier f’isem Ġesù, huwa esodu minna nfusna” li jitwettaq propju bl-interċessjoni ta’ Ġesù, li quddiem il-Missier iġegħlu jara l-pjagi tiegħu.”

Imma kif nagħrfu dawn il-pjagi ta’ Ġesù? Kif huwa possibbli jkollok fiduċja f’dawn il-pjagi jekk ma tkunx tagħrafhom? U liema hija “l-iskola fejn titgħallem tagħraf il-pjagi ta’ Ġesù, dawn il-pjagi saċerdotali, ta’ interċessjoni?” It-rweġiba tal-Papa kienet waħda bla ħabi: “Jekk aħna ma jirnexxilniex nwettqu dan il-ħruġ minna nfusna lejn dawk il-pjagi, ma nitgħallmu qatt il-libertà li twassalna għallk-ħruġ l-ieħor minna nfusna, lejn il-pjagi ta’ Ġesù.”

Minn hawn l-immaġni taż-żewġ “ħruġ minna nfusna” indikati mill-Qdusija Tiegħu: tal-ewwel huwa “lejn il-pjagi ta’ Ġesù, l-ieħor lejn il-pjagi ta’ ħutna rġiel u nisa. U din hija t-triq li Ġesù jrid fit-talb tagħna.” Kliem li jsib il-konferma tiegħu fil-Vanġelu ta’ Ġwanni (16, 23-28) tal-liturġija tal-jum. Silta li fiha Ġesù huwa ta’ ċarezza diżarmanti: “Fis-sewwa, fis-sewwa, ngħidilkom: jekk titolbu xi ħaġa lill-Missier f’ismi, Huwa jagħtihielkom.” F’dawn il-kelmiet - innota l-Papa - hemm novità fit-talb: “F’ismi.” Il-Missier mela “jagħtina kollox, imma dejjem f’isem Ġesù.”

Xi jfisser dan it-talb f’isem Ġesù? Din hija novità li Ġesù jirrivela propju “fil-waqt li fih iħalli din l-art u jerġà lura għand il-Missier.” Fis-sollennità tal-Axxensjoni ċċelebrata l-Ħamis li għadda - fakkar il-Papa - inqrat is-silta mill-Ittra lil-Lhud, fejn fost l-oħrajn, jingħad: “Minħabba li għandna l-libertà li nmorru għand il-Missier.” Din hija libertà ġdida. Il-bibien huma miftuħa: Ġesù, waqt li mar għand il-Missier, ħalla l-bibien miftuħin.” Mhux għaliex “nesa jagħlaqhom,” imma għaliex “huwa nnifsu huwa l-bieb.” Huwa hu “l-medjatur tagħna, u minħabba f’hekk jgħid: ‘F’ismi’.” Fit-talb tagħna, ikkaratterizzat minn “dak il-kuraġġ li jtina Ġesù stess,” nitolbu allura lill-Missier f’isem Ġesù: “Ħares lejn Ibnek u agħmilli dan!”

Il-Qdusija Tiegħu imbagħad irrevoka l-immaġni ta’ Ġesù li “jidħol fis-sanywarju tas-Sema, bħala saċerdot. U Ġesù, sa tmiem id-dinja, huwa bħala saċerdot, jinterċedi għalina: hu jinterċedi għalina.” U meta aħna “nitolbu lill-Missier waqt li ngħidu ‘Ġesù’, nissenjalaw, ngħidu, nagħmlu riferiment għall-medjatur. Huwa jitlob għalina quddiem il-Missier.”

Waqt li rrifera mela għall-pjagi ta’ Ġesù, il-Papa nnota li Kristu “fil-qawmien mill-imwiet tiegħu, kellu ġisem tassew sabiħ: il-pjagi tal-flaġellazzjoni, tax-xewk, għabu, kollha. It-tbenġil tad-daqqiet għab kollu.” Imma hu, żied, “ried li dejjem ikollu l-pjagi, u l-pjagi huma preċiżament it-talba tiegħu ta’ interċessjoni lill-Missier.” Din hija “n-novità li Ġesù jgħidilna,” waqt li jistedinna biex “ikollna fiduċja fil-passjoni tiegħu, ikollna fiduċja fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, ikollna fiduċja fil-pjagi tiegħu,” Huwa hu, infatti s-“saċerdot u dan huwa s-sagrifiċċju: il-pjagi tiegħu.” Dan kollu “jagħtina fiduċja, jagħtina l-kuraġġ biex nitolbu,” għaliex, kif kiteb l-Appostlu Pietru, “Bil-pjagi tiegħu sfajtu mfejqa.”

Fl-għeluq il-Qdusija Tiegħu fakkar pass ieħor tal-Vanġelu ta’ Ġwanni: “S’issa ma tlabtu xejn f’ismi: itolbu u taqilgħu, sabiex il-ferħ tagħkom ikun sħih.” Ir-riferiment - spjega - huwa gl-ferħ ta’ Ġesù,” għall-“ferħ li jrid jiġi.” Dan huwa “l-mod ġdid tat-talb: bil-fiduċja,” b’dak “il-kuraġġ li jgħarrafna li Ġesù jinsab quddiem il-Missier” u jurih il-pjagi tiegħu; imma wkoll bl-umiltà biex nagħrfu u nsibu l-pjagi ta’ Ġesù f’ħutu fill-bżonn. Hija din it-talba tagħna fil-karità.

“Jalla l-Mulej — awspika l-Papa — jagħtina din il-libertà li nidħlu f’dak is-santwarju fejn Hu huwa s-saċerdot u jinterċedi għalina u kwalunkwè ħaġa li nitolbu lill-Missier f’ismu, Dan jagħtihielna. Imma wkolli jagħtina l-kuraġġ li nmorru f’dak “is-santwarju” l-ieħor li huwa l-pjagi ta’ ħutna rġiel u nisa li qegħdin ibatu, li għadhom iġorru is-Salib u li għadhom ma rebħux, bħal ma rebaħ Ġesù.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb