Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ix-xitan hemm qiegħed, anki fis-seklu 21

Il-Ġimgħa11 ta' April 2014

 

Ejjew nitgħallmu mill-Vanġelu kif niġġieldu lid-demonju, afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa tal-lum fid-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija tiegħu enfasiżża li lkoll kemm aħna nkunu ttentati għax ix-xitan ma jridx li aħna nkunu qaddisin.  Fil-fatt, il-ħajja nisranija hija taqbida mal-ħażen.

 

Il-ħajja ta' Ġesù kienet taqbida.  Hu ġie biex jegħleb il-ħażen, biex jirbaħ fuq il-prinċep ta' did-dinja, biex jegħleb lid-demonju.  Il-Papa Franġisku beda l-omelija b'din l-affermazzjoni, omelija dedikata kollha għall-ġlieda max-xitan.  Taqbida, qal il-Papa, li kull nisrani jrid jaffaċċja.  Id-demonju, saħaq il-Papa, ittanta lil Ġesù kemm-il darba u f'ħajtu Ġesù ħass it-tentazzjonijiet bosta drabi, minbarra li kellu l-persekuzzjonijiet.  Aħna l-insara li rridu nimxu wara Ġesù jeħtiġilna nkunu nafuha sewwa din il-verità.

 

Aħna ukoll ikollna t-tentazzjonijiet, anki aħna suġġetti għall-attakki mid-demonju għax l-ispirtu tal-ħażen ma jridniex inkunu qaddisin, ma jridx ix-xhieda nisranija, ma jridx li aħna nkunu dixxipli ta' Ġesù.

 

Kif jagħmel l-ispirtu tal-ħażen biex ibegħedna minn Ġesù bit-tentazzjonijiet tiegħu, staqsa l-Papa?  It-tentazzjoni tad-demonju għandha tliet karatteristiċi u aħna rridu nkunu nafuhom biex ma naqgħux fin-nassa.

 

Kif jagħmel id-demonju biex ibegħedna minn Ġesù?  It-tentazzjoni tibda' bil-ftit imma tibqa' tissaħħaħ.  It-tieni, minbarra li tissaħħaħ tniġġes lil xi ħaddieħor, tgħaddi għand l-oħrajn u ssir komunitarja.  U fl-aħħar, biex titraqqad il-kuxjenza, tiġġustifika ruħha.  Tikber, tniġġes u tiġġustifika ruħha.

 

L-ewwel tentazzjoni ta' Ġesù tidher qisha “seduzzjoni”. Ix-xitan jgħid lil Ġesù biex jintefa' għal isfel minn fuq it-tempju biex b'hekk, isostni x-xitan, kulħadd jgħid “araw lill-Messija”.  L-istesss kif għamel ma' Adam u Eva: hija seduzzjoni.  Ix-xitan, qal il-Papa, jitkellem kważi qiesu surmast spiritwali.  U meta t-talba tiegħu tkun irrifjutata, jiġi lura b'aktar qawwa.  Ġesù jgħid dan fil-Vanġelu ta' Luqa: meta niċħdu lid-demonju, hu jmur isib leġjun miegħu u jiġi lura magħhom.  Għalhekk jitqawwa għax ikollu 'l min qiegħed miegħu.

 

Hekk ġara ma' Ġesù, id-demonju jsib l-appoġġ tal-għedewwa tiegħu.  U dak li deher qisu ħajta ilma, ħajta ilma kalm, isir tempesta.  It-tentazzjoni tikber u tniġġes.  U fl-aħħar tiġġustifika ruħha.  Il-Papa fakkar li meta Ġesù pprietka fis-sinagoga, l-għedewwa mill-ewwel ippruvaw iċekknuh għax bdew jgħidu: dan mhux Bin Ġużeppi l-mastrudaxxa, Bin Marija?  Qatt ma mar l-università!  B'liema awtorità qed jitkellem?  Ma studjax!
 

Hekk, it-tentazzjoni daħlu fiha kollha, kulħadd kontra Ġesù.  Il-quċċata ta' dan kollu, aktar qawwija mill-ġustifikazzjoni, żied il-Papa, hi dik tas-saċerdot meta jgħid: Mhux aħjar li jmut bniedem wieħed, biex insalvaw lill-poplu?

Għandna tentazzjoni li tikber u tibqa' tikber u tniġġes lill-oħrajn.  Naħsbu ftit dwar l-għijdut, kelma waħda...jien għandi ftit għira għal dik il-persuna, għall-oħra..... u l-ewwel nibda' ngħir għaliha ġo fija, waħdi, imbagħad ikolli bżonn naqsam ħsiebi ma' xi ħadd ieħor u ngħid: imma int rajtha lil dik il-persuna?   U b'hekk tikber u tniġġes lil xi ħadd ieħor u lil xi ħadd ieħor.....

 

Dan hu l-mekkaniżmu tal-għijdut u lkoll kemm aħna jkollna t-tentazzjoni li nqassu!  Forsi xi ħadd minnkom, jekk hu qaddis, le, imma anki jien kont ittentat biex nisparla!  Din hi tentazzjoni ta' kuljum.  Tibda' fin fin, ħelu ħelu bħall-ħajta ilma, tikber, tniġġes u tiġġustifika ruħha.

 

Noqgħodu attenti, żied jgħid Franġisku, meta fi qlubna nħossu xi ħaġa li tisġiċċa biex teqred lill-persuni.  Noqgħodu attenti għax jekk ma nieqfux fil-ħin, dik il-ħajta ilma, meta tikber u tniġġes issir tempesta li twassalna biss biex niġġustifikaw il-ħażen li nkunu għamilna, kif iġġustifikaw ruħhom dawn in-nies tal-Vanġelu meta affermaw li aħjar imut wieħed għall-poplu.
 

Ilkoll kemm aħna nkunu ttentati għax il-liġi tal-ħajja spiritwali, il-ħajja nisranija tagħna, hija taqbida, taqbida.  Għax il-prinċep ta' did-dinja – id-demonju – ma jridx il-qdusija tagħna, ma jridx li aħna nimxu wara Kristu.  Forsi xi ħadd minnkom jista' jgħid: Imma Padre, kemm int antikwat: titkellem dwar ix-xitan fis-seklu 21!  Imma ħarsu 'l hawn, qal Franġisku, ix-xitan hemm qiegħed, anki fis-seklu 21!  U niftħu għajnejna u ma nkunux boloħ, eh?  Irridu nitgħallmu mill-Vanġelu kif niġġieldulu, temm il-Papa.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.