Omelija tal-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Meta Alla jerġà joħloq

It-Tlieta, 10 ta’ Diċembru 2013

In-nisrani li jitlef it-tama jitlef is-sens innifsu tal-eżistenza tiegħu u jkun jgħix donnu quddiem ħajt. Li tiftaħ il-bibien għal-laqgħa mal-Mulej ifisser li tirċievi mingħandu dik il-konsolazzjoni li terġà ttina lura, bil-ħlewwa, it-tama. L-omelija tal-Papa Franġisku għall-quddiesa ċcelebrata t-Tlieta filgħodu, 10 ta’ Diċembru, fil-kappella ta’ Santa Marta, kienet iddedikata propju għal din il-konsolazzjoni fil-ħlewwa li biha l-Mulej jerġà joħloq it-tama fin-nisrani.

Waqt li kkwota l-ktieb tal-Profeta Iżaija (40, 1-11), iddefinit bħala «il-ktieb tal-konsolazzjoni ta’ Iżrael», il-Papa, infatti, saħaq fuq il-konsolazzjoni li Alla jinvoka għall-poplu tiegħu. Huwa l-Mulej stess li  «javviċina biex jikkonslah, biex itih il-paċi». U hekk «iwettaq xogħol kbir», għaliex huwa «jerġà jagħmel l-affarijiet kollha, jerġà joħloq». Din «ir-rikrejazzjoni», huwa żied, hija ferm isbaħ mill-ħolqien. Mela l-Mulej iżur lill-poplu tiegħu billi  «jerġà joħloq».

Fir-rejaltà l-poplu ta’ Alla kien jistenna din iż-żjara, kien jaf li l-Mulej kien se jwettaqha. «Niftakru — enfasizza għal dan il-Qdusija Tiegħu — l-aħħar kliem ta’ Ġużeppi lil ħutu: meta l-Mulej iżurkom, ġorru magħkom għadmi». Hekk, huwa żied, «il-Mulej se jżur lill-poplu tiegħu. Din hija t-tama ta’ Iżrael. U se jżuru b’din il-konsolazzjoni: jerġà jagħmel kollox. Mhux darba waħda, imma tant drabi».

Dwar dan «l-għemil mill-ġdid» tal-Mulej l-Isqof ta’ Ruma indika diversi linji mportanti. Fuq kollox «meta l-Mulej joqrob jagħtina t-tama. Mela — huwa speċifika — jerġà jagħmel bit-tama. Jiftaħ dejjem il-bieb». Meta l-Mulej joqrob lejna, ma jagħlaqx il-bibien imma jiftaħhom; u meta mbagħad jiġi,  «jiġi bil-bibien miftuħin».

Fil-ħajja nisranija din it-tama «hija tassew fortizza, hija grazzja, hija rigal». Infatti meta «in-nisrani jitlef it-tama ħajtu ma jkollhiex iktar sens. Ikun bħal donnha ħajtu tkun quddiem ħajt, quddiem ix-xejn. Imma l-Mulej jikkonslana u jerġà jagħmlilna t-tama, biex inkomplu navanzaw». Jagħmlu wkoll b’viċinanza speċjali lejn kull wieħed u waħda minna. Biex jispjega dan il-Papa kkwota l-versett konklussiv tas-silta ta’ Iżaija proposta mil-liturġija: «Bħal ma ragħaj jirgħa l-merħla tiegħu u bi driegħu jiġborha; iġorr l-ħrief fi ħdanu u jmexxi bil-ħlewwa n-nagħaġ ommijiet». U ikkummenta: «Din hija x-xbiha tal-ħlewwa. Il-Mulej jikkunslana bil-ħlewwa. Il-Mulej, il-kbir Alla, ma jibżax mill-ħlewwa. Huwa jsir ħlewwa, isir tfajjel, isir ċkejken». Mill-bqija, «fil-Vanġelu Ġesù stess jgħidu:  hekk hija l-volontà tal-Missier, li inqas wieħed minn dawn iż-żgħar ma jintilef» (Mattew 18, 12-14). Għaliex, spjega l-Papa, «kull wieħed minna huwa ferm importanti» għall-Mulej, li jġibna «navanzaw kollha billi jtina t-tama».

Dan «kien ix-xogħol kbir ta’ Ġesù» tul l-erbgħin jum li jiġu bejn il-Qawmien u t-Tlugħ is-Sema: «Jikkonsla lid-dixxipli, joqrob u jagħti l-konsolazzjoni, joqrob u jagħti t-tama, joqrob bil-ħlewwa. Naħsbu — qal il-Papa — dwar il-ħlewwa li kellu mal-Appostli, mal-Maddalena, ma’ dawk ta’ Ġħemmaws». U huwa dejjem hekk. Ukoll magħna. Imma hemm bżonn li nitolbu lill-Mulej il-grazzja «li ma nibżgħux — enfasizza waqt li kkonkluda — mill-konsolazzjoni tal-Mulej, li nkunu miftuħin, li nitolbuha, li nfittxuha għaliex hija konsolazzjoni li ttina t-tama  u li ġġegħlna nħossu l-ħlewwa ta’ Alla l-Missier».

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.