Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Il-kuraġġ tat-talb

I;-Ħamis, 10 ta’ Ottubru 2013

It-talb tagħna għandu jkun qalbieni, mhux biered, jekk irridu mhux biss niksbu il-grazzji meħtieġa imma fuq kollox, permezz tiegħu, nagħrfu lill-Mulej. Jekk nitolbuh, se jkun hu stess li jġibilna l-grazzja tiegħu. Il-Papa Franġisku dalgħodu, 10 ta’ Ottubru, waqt il-quddiesa ċċelebrata f’Santa Marta, reġà lura biex jitkellem dwar il-qawwa u l-qlubija tat-talb.

Għall-bżonn li titlob b’insistenza jekk meħtieg, imma dejjem li tħalli lilek innifsek tiġi mplikat minnu, tfakkar is-silta liturġika tal-Vanġelu ta’ Luqa (11, 5-13) «b’din il-parabbola — spjega l-Papa — tal-ħabib tal-ġar fitt, il-ħabib inopportun», li fil-qalba tal-lejl jiġi jitlob lill-ħabib l-ieħor ftit ħobż biex jitmà ġara li kien għadu kemm wasal f’daru u lil min ma kellu xejn x’joffri. «B’din it-talba — huwa nnota — il-ħabib ikollu jqum mis-sodda u jtih il-ħobż. U Ġesù f’okkażjoni oħra ikellimna dwar dan: fil-parabbola tal-armla li marret għand l-imħallef korrott, li ma kellux aptita, li ma riedx jismagħha; imma hija kienet hekk opportuna, tant dejqitu. Li fl-aħħar, biex jeħles minnha b’mod li ma ttihx iktar fastidju, għamel ġustizzja, dak li kienet qiegħda titolbu. Dan iġiegħelna naħsbu dwar it-talb tagħna. Kif nitolbu aħna? Nitolbu hekk bi drawwa, b’mod pjetuż, imma trankwilli, jew ninxteħtu bi qlubija quddiem il-Mulej biex nitolbu l-grazzja, biex nitolbu għal dak li nkunu qegħdin nitolbu?».

L-atteġġjament huwa importanti, għaliex «talb li mhux qalbieni - saħaq il-Papa — mhuwiex talb veru». Meta nitolbu ninħtieġu «il-kuraġġ li jkollok fiduċja li l-Mulej  jismagħna, il-kuraġġ li nħabbtu fuq il-bieb. Il-Mulej jgħid dan, għaliex kull min jitlob jaqlà u min ifittex isib u min iħabbat jiftħulu».

Imma, staqsa l-Qdusija Tiegħu, it-talb tagħna huwa hekk? Jew forsi nillimitaw rwieħna billi ngħidu: «Mulej għandi bżonn, tini l-grazzja»? F’kelma waħda, «inħallu lilna nfusna nidħlu fit-talb? Nafu nħabbtu fuq il-qalb ta’ Alla?». Biex iwieġeb l-Isqof ta’ Ruma reġ1 lura għas-silta evanġelika, fi tmiem liema «Ġesù jgħidilna: liema missier fostkom jekk ibnu jitolbu ħuta jtih serp? Jew jekk jitolbu bajda jtih skorpjun? Jekk intom missirijiet tagħtu t-tajjeb lil uliedkom. U mbagħad ikompli: jekk intom mela li intom kattivi tafu tagħtu ħwejjeġ tajbin lil uliedkom, kemm iżjed Missierkom tas-sema... U nistennew li jkompli billi jgħid: jagħti ħwejjeġ tajba lilkom. Għall-kuntrarju le, huwa ma jgħidx dak! Jagħti l-Ispirtu Santu li dawk li jitolbuh. U din hija ħaġa kbira».

Għalhekk «meta aħna nitolbu bi qlubija, il-Mulej mhux biss jagħtina l-grazzja, imma jagħtina wkoll lilu nnifsu fil-grazzja». Għaliex «il-Mulej — spjega il-Papa b’espressjoni ċara u preċiża — qatt ma jagħti jew jipposponi jew jibgħat grazzja bil-posta: Iġibha hu, huwa hu l-grazzja!».

«Illum — qal fl-għeluq - fit-talba, fil-kolletta, għidna lill-Mulej biex jagħtina dak li li wkoll it-talb ma jażżardax jitlob. U xinhu dak li ma nażżardawx nitolbu? Lilu stess! Aħna nitolbu grazzja imma ma nażzardawx ngħidu: ejja int u ġibhieli. Nafu li grazzja dejjem tinġieb minnu: huwa hu li jiġi u jtihielna. Ma naqtgħux figura kerha billi nieħdu l-grazzja u ma nagħrfux li dak li jġibha, dak li jtihielna huwa l-Mulej.»

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.