Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Anki llum teżisti d-dittatura tal-ħsieb uniku li toqtol il-libertà tal-popli, il-libertà tan-nies, il-libertà tal-kuxjenzi: jeħtieġ nishru u nitolbu.

Il-Ħamis, 10 ta' April 2014

 

Anki llum teżisti d-dittatura tal-ħsieb uniku li toqtol il-libertà tal-popli, il-libertà tan-nies, il-libertà tal-kuxjenzi: jeħtieġ nishru u nitolbu.  Dan qalu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, dalgħodu il-Ħamis tal-ġimgħa li twassalna għal Ħadd il-Palm.

 

Alla jwiegħed lil Abraham li se jsir missier ta' bosta ġnus, imma hu u d-dixxendenti tiegħu jeħtiġilhom josservaw l-alleanza mal-Mulej.  Il-Papa ħa spunt mill-ewwel qari tal-ġurnata biex jispjega kif il-fariżej kienu magħluqin għall-messaġġ ta' Ġesù.  L-iżball tagħhom, qal Franġisku, kien illi l-kmandamenti firduhom mill-qalb ta' Alla.

 

Kienu jaħsbu li kollox kien sew għax josservaw bir-reqqa l-kmandamenti, imma dawn, kompla jgħid, mhumiex liġi bla fejda għax imnisslin minn relazzjoni ta' mħabba u huma “indikazzjonijiet” biex jgħinuna ma niżbaljawx it-triq li fiha niltaqgħu ma' Ġesù.

 

B'hekk, il-fariżej jagħlqu qlubhom u moħhom għal kull novità, ma jifhmux it-triq tat-tama.  Huma jgħixu d-dramm ta' qalb magħluqa u meta l-qalb tkun magħluqa, afferma l-Papa, din il-qalb tagħlaq ukoll il-moħħ.  Meta mbagħad il-qalb u l-moħħ jingħalqu ma jibqax post għal Alla, imma biss għal dak li aħna jidhrilna li għandu jsir.

 

Iżda, l-kmandamenti jtuna wegħda li tasal għandna permezz tal-profeti.  Dawk li għandhom qlubhom u moħhom magħluqin ma jirnexxilhomx jilqgħu il-”messaġġ tan-novità” li ġabilna Ġesù, messaġġ li kien imwiegħed mill-fedeltà ta' Alla u tal-profeti.  Imma dawn in-nies ma jifhmux.

 

Għandhom ħsieb magħluq li mhux miftuħ għad-djalogu, għall-possibiltà li jista' jkun hemm xi ħaġa oħra, għall-possibiltà li Alla jkellimna, jgħidilna x'inhi t-triq tiegħu, kif għamel mal-profeti.  Dawk in-nies la semgħu lill-profeti u lanqas jisimgħu lil Ġesù.  Din tagħhom ma kinitx sempliċiment ras iebsa.  Le, kienet aktar minn hekk: kienet l-idolatrija tal-ħsieb personali.  'Jien naħseb hekk, hekk għandu jsir u xejn aktar'.  Dawn in-nies kellhom ħsieb uniku u riedu jimponuh fuq il-poplu t'Alla.  Għalhekk Ġesù jċanfarhom: “intom tgħabbu fuq spallejn il-poplu tant kmandamenti u intom ma tmissuhomx b'sebgħa wieħed”.

 

Ġesù jċanfar l-inkoerenza tagħhom.  It-teoloġija ta' dawn in-nies, osserva l-Papa, issir skjava ta' dan il-pjan, ta' dan il-pjan ta' ħsieb, il-ħsieb uniku.

 

Mhemmx possibiltà ta' djalogu, mhemmx possibiltà ta' ftuħ għan-novità li Alla jwassal permezz tal-profeti.  Dawn in-nies qatlu lill-profeti; għalqu l-bieb għall-wegħda t'Alla.  U meta fl-istorja tal-umanità jseħħ dan il-fenomenu tal-ħsieb uniku, kemm jiġru diżgrazzji!  Matul is-seklu li għadda rajna tant dittaturi ta' ħsieb uniku, li waslu biex qatlu tant nies.  Imma f'dak il-waqt dawn in-nies kienu jħossu li huma l-padruni u ħadd ma seta' jaħsibha mod ieħor.  Hekk kienu jaħsbu.

 

Imma anki llum, kompla jgħid il-Papa, teżisti l-idolatrija tal-ħsieb uniku: Illum trid taħseb hekk u jekk ma taħsibx hekk m'intix modern, m'intix miftuħ jew int xi ħaġa għâr.  Tant drabi xi mexxejja jgħidu: Jien qed nitlob l-għajnuna, għajnuna finanzjarja għal dan l-iskop.  U t-tweġiba tkun: Imma jekk int trid din l-għajnuna trid taħseb hekk u trid tagħmel dil-liġi jew dik.. jew l-oħra....

 

Anki llum għandna d-dittatura tal-ħsieb wieħed u din id-dittatura hija l-istess bħal ta' dawn in-nies: jaqbdu l-ġebla biex iħaġġru l-libertà tal-popli, il-libertà tan-nies, il-libertà tal-kuxjenzi, ir-relazzjoni tal-bniedem ma' Alla.  U b'hekk illum, Ġesù jerġa' jissallab għal darb'oħra.

 

Quddiem din id-dittatura, temm il-Papa, l-eżortazzjoni tal-Mulej hija dejjem l-istess: nishru u nitolbu; ma nkunux boloħ, ma nixtrux ħwejjeġ li jfixkluna milli nkunu umli u milli nitolbu, biex il-Mulej itina dejjem il-libertà ta' qalb miftuħa biex nirċievu l-Kelma tiegħu li hi wegħda, hena u alleanza!  U b'din l-alleanza nibqgħu mexjin 'il quddiem.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.