Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Ġesù mhux professur li jitkellem minn fuq il-katedra, imma jinsab fost in-nies. It-Tlieta, 9 ta' Settembru 2014
Ġesù mhux professur li jitkellem minn fuq il-katedra, imma jinsab fost in-nies u lil min irid imissu biex ifieq, iħallih, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa presjeduta fid-Dar Santa Marta.
Fil-kumment dwar l-Evanġelju tal-ġurnata, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni fuq tliet mumenti tal-ħajja ta’ Ġesù. L-ewwel, it-talb. Ġesù jgħaddi l-lejl kollu jitlob ‘l Alla. Ġesù jitlob għalina. Tidher ftit stramba li Hu, li ġie biex itina s-salvazzjoni, li għandu s-setgħa – osserva l-Papa – jitlob lill-Missier. Dan jagħmlu spiss għax Ġesù hu l-akbar wieħed li jinterċedi għalina.
F’dan il-waqt, kompla jgħid il-Papa, Hu qiegħed quddiem il-Missier jitlob għalina. Dan għandu jimliena bil-kuraġġ! Għax fil-mumenti diffiċli jew ta’ bżonn ta’ tant affarijiet, għandna ngħidu: Imma Int qed titlob għalija. Itlob għalija. Ġesù, itlob lill-Missier għalija!
Dan hu x-xogħol tiegħu illum: li jitlob għalina, għall-Knisja tiegħu. Aħna spiss ninsewh dan, li Ġesù jitlob għalina. U l-qawwa tagħna hi din: li ngħidu lill-Missier “Imma jekk Inti ma tħarisx lejna, ħares lejn Ibnek li jitlob għalina”. Sa mill-ewwel mumenti Ġesù jitlob: talab meta kien fid-dinja u qed ikompli jitlob issa għal kull wieħed u waħda minna, għall-Knisja kollha.
Wara li talab, Ġesù għażel lit-tnax-il Appostlu. Il-Mulej jgħid ċar: Mhux intom għażiltu lili imma jien għazilt lilkom!. Dan it-tieni waqt, afferma l-Papa, jtina l-kuraġġ: Jien magħżul, lili għażilni l-Mulej! Fil-jum tal-Magħmudija Hu għażel lili. U meta ħaseb f’dan, Pawlu qal: Hu għażilni sa minn ġuf ommi. Għalhekk, aħna l-Insara ġejna magħżulin.
Dan hu kollu frott l-imħabba! L-imħabba ma tħarisx lejn il-wiċċ, jekk hux ikreħ jew sabiħ: imma tħobb! U Ġesù l-istess jagħmel: iħobb u jagħżel bl-imħabba. U jagħżel lil kulħadd! Fil-lista tiegħu mhemm ħadd li hu importanti skont il-kriterji tad-dinja: kulħadd hu bniedem komuni. Fil-lista hemm bnedmin komuni. Imma lkoll għandhom ħaġa – iva – li rridu nagħmlu enfasi fuqha, f’kulħadd: ilkoll midinbin. Ġesù għażel lil midinbin. Għażel lil min hu midneb. U din hi l-akkuża li jagħmlulu d-dutturi tal-liġi, l-iskribi: Dan jiekol mal-midinbin, jitkellem mal-prostituti….. Ġesù jsejjaħ lil kulħadd!
Niftakru fil-parabbola tat-tieġ ta’ bin is-sinjur, meta l-mistednin ma marrux għall-festa, x’għamel sid id-dar? Bagħat lill-qaddejja: Morru u ġibu hawn lil kulħadd! Tajbin u ħżiena, jgħidilna l-Vanġelu. Ġesù għażel lil kulħadd!
Ġesù, kompla l-Papa, għażel ukoll lil Ġuda l-Iskarjota… li mbagħad sar traditur….. L-akbar midneb għaliH. Imma xorta kien magħżul minn Ġesù. Imbagħad hemm it-tielet waqt: Ġesù qrib in-nies. Jiġu bil-folol biex jisimugħ u jfiequ mill-mard tagħhom. Il-folla kollha ppruvat tmissu għax minnu kienet ħierġa qawwa li tfejjaq lil kulħadd. Ġesù jinsab qalb il-poplu tiegħu.
Mhux xi professur, xi għalliem, xi mistiku li jitbiegħed min-nies u jitkellem minn fuq il-katedra, minn hemmhekk! Le! Jinsab qalb in-nies: iħalli lil min imissu, iħalli lin-nies jistaqsuh. Hekk hu Ġesù: qrib in-nies. U din il-qrubija mhix xi ħaġa ġdida għalih. Hu juri dan bil-mod kif iġib ruħu, imma hija ħaġa li tiġi mill-ewwel għażla ta’ Alla għall-poplu tiegħU.
Alla jgħid lill-poplu tiegħU: Aħsbu ftit, liema poplu għandu Alla daqstant qrib tiegħu bħalma jiena jien? Il-qrubija ta’ Alla mal-poplu tiegħu hija l-istess qrubija ta’ Ġesù man-nies.
Hekk hu magħmul l-Imgħallem tagħna – temm il-Papa Franġisku – wieħed li jitlob, li jagħżel in-nies u wieħed li ma jistħix ikun qrib tan-nies tiegħu. U dan iżid il-fiduċja tagħna fiH. Nafdaw lilna nfusna lilU: għax jitlob, għax għażilna, għax hu qrib tagħna.
|