Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Ġesù huwa t-tama - It-Tnejn, 9 ta’ Settembru 2013

 

Iqabbduk id-dwejjaq dawk is-saċerdoti li tilfu t-tama. Minħabba f’dan il-Papa Franġisku fil-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tnejn 9 ta’ Settembru, f’Santa Marta, għadda lis-saċerdoti preżenti l-istedina biex jikkultivaw din il-virtù “li għall-insara għandha l-isem ta’ Ġesù.” “Illum qed nara ħafna qassissin - qal - u jiġini li ngħidilkom ħaġa: huwa ftit jew wisq ta’ dwejjaq meta wieħed isib qassis bla tama, mingħajr dik il-passjoni li tagħti t-tama; u hija ħaġa hekk sabiħa meta wieħed isib qassis li jasal fi tmiem ħajtu dejjem b’dik it-tama, mhux bl-ottimiżmu, imma bit-tama, jiżrà t-tama.” Għaliex dan ifisser, żied, li “dan il-qassis huwa mqabbad ma’ Ġesù Kristu. U l-poplu ta’ Alla għandu bżonn li aħna l-qassisin nagħtu din it-tama f’Ġesù, li ġġedded kollox, li hija kapaċi li ġġedded kollox u qiegħda ġġedded kollox: f’kull Ewkaristija huwa jġedded il-ħolqien, f’kull att ta’ karità huwa jġedded l-imħabba tiegħu fina.”

Il-PapaTkellem dwar it-tama billi għaqqad ir-riflessjoni tallum ma dawk tal-jiem li għaddew, waqt liema kien ippropona lil Ġesbħala t-totalità, iċ-ċentru tal-ħajja tan-nisrani, l-uniku għarus tal-Knisja. Hekk illum huwa waqaf fuq il-kunċett espress fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin (1, 24-23): Ġesù “misteru, misteru moħbi, Alla.” Misteru, dak ta’ Alla, li “deher f’Ġesù” li huwa t-tama tagħna: huwa il-kollox, huwa ċ-ċentru u huwa wkoll it-tama tagħna.

 Sfortunatament iżda, osserva l-Isqof ta’ Ruma, it-“tama hija virtù” meqjusa “abitwalment tat-tieni klassi. Ma tantx nemmnu - spjega - fit-tama; nitkellmu dwar il-fidi u l-imħabba, imma t-tama ftit daqsxejn, kif kien jgħid kittieb Franċiż, il-virtù umli, il-qaddejja tal-virtujiet; u ma nifhmuhiex sewwa.”

L-ottimiżmu, spjega, huwa atteġġjament uman li jiddependi minn tant affarijiet; imma t-tama hija xi ħaġ’oħra: “Hija rigal, hija rigal tal-Ispirtu Santu u minħabba f’dan Pawlu jgħid li ma tiddiżappunta qatt.” U għandha wkoll isem. U “dan l-isem huwa Ġesù:” ma tistax tgħid li tittama fil-ħajja kemm-il darba ma tittamax f’Ġesù. “Ma tkunx tama - ippreċiża - imma tkun burdata tajba, ottimiżmu, bħal fil-każ ta’ dawk il-persuni raġġjanti, pożittivi, li dejjem jaraw in-nofs mimli tat-tazza u mhux dak vojt.”

Konferma ta’ dan il-kunċett il-Papa indikah fis-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa (6, 6-11), fir-riferiment għas-suġġett tal-libertà. Ir-rakkont ta’ Luqa jpoġġi quddiem għajnejna skjavitù doppja: dik tal-bniedem “b’idu pparalizzata, skjav tal-marda tiegħu,” u dik “tal-Fariżej u l-iskribi, skjavi tal-atteġġjamenti riġidi, legalistiċi tagħhom.” Ġesù “jilliberahom it-tnejn: lir-riġidi jġibhom jaraw li dik mhix it-triq tal-libertà; u lill-bniedem ta’ idu paralizza jilliberah mill-marda tiegħu.” Xi jrid juri? Li libertà u tama jmorru flimkien: fejn mhemmx tama  ma jistax ikun hemm libertà.”

B’danakollu il-veru tagħlim li noħorġu mil-liturġija tallum huwa li Ġesù mhux fejjieq, huwa bniedem li jerġa joħloq l-eżistenza. U dan - sostna l-Isqof ta’ Ruma - jimliena bit-tama, giex Ġesù ġie propju għal dan il-miraklu kbir, biex jerġa joħloq kollox.” Tant li l-Knisja f’talba tassew sabiħa tgħid: “Int, Mulej, li kont hekk kbir, hekk meraviljuż fil-ħolqien, imma iktar meraviljuż fir-redenzjoni....” Mela, żied il-Papa, “il-meravilja l-kbira hija r-riforma l-kbira ta’ Ġesù. U dan jimliena bit-tama. Ġesù li jerġa joħloq kollox.” U meta “ningħaqdu ma’ Ġesù fil-passjoni tiegħu - ikkonkluda l-Papa - miegħu nergġħu nagħmlu d-dinja, nagħmluha ġdida.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.