Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Min jagħżel l-aħjar parti

It-Tlieta, 8 ta’ Ottubru 2013

Titlob ifisser tiftaħ il-bieb għall-Mulej sabiex ikun jistà jagħmel xi ħaġa biex jirranġa l-affarijiet tagħna. Il-qassis li jagħmel dmiru imma li ma jiftaħx il-bieb lill-Mulej, jirriskja li jsir biss “professjonista”. Il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċcelebrata dalgħodu t-Tlieta 8 ta’ Ottubru, fil-kappella ta’ Santa Marta, waqaf fuq il-valur tat-talb: mhux dak “bħall-pappagall” imma dak “magħmul bil-qalb” li jwassal «biex inħarsu lejn il-Mulej, biex nisimgħu lill-Mulej, biex nitolbu lill-Mulej».

Ir-riflessjoni żviluppat bi tluq mill-qari tal-liturġija, meħudin mill-ktieb ta’ Ġona (3, 1-10) u mill-Vanġelu ta’ Luqa (10, 38-42). B’mod partikulari, waqt li għamel riferiment għas-silta evanġelika il-Papa ppropona bħala mudell biex ikun segwit l-atteġġjament ta’ Marija, waħda miż-żewġ nisa li kienu laqgħu lil Ġesù f’darhom. Marija fil-fatt tieqaf biex tismà u tħares lejn il-Mulej, waqt li Marta, oħtha, tkompli għaddejja bil-faċendi tad-dar.

«Il-kelma tal-Mulej — beda l-Papa — hija ċara: Marija għażlet l-aħjar parti, dik tat-talb, dik tal-kontemplazzjoni ta’ Ġesù. F’għajnejn oħtha dan kien ħin mitluf ». Marija tieqaf biex tħares lejn il-Mulej bħal tifla mgħaġġba,  «minflok taħdem bħal ma kienet qed tagħmel hi».

L-atteġġjament ta’  Marija huwa dak tajjeb għaliex, spjega l-Papa, hija «kienet tismà lill-Mulej u kienet titlob b’qalbha». Hekku dak «li jrid jgħidilna l-Mulej. L-ewwel xogħol fil-ħajja huwa dan: it-talb. Imma mhux it-talb tal-paroli bħall-pappagalli, imma t-talb tal-qalb», permezz ta’ liema huwa possibbli  «li nħarsu lejn il-Mulej, nisimgħu lill-Mulej, nitolbu lill-Mulej. U aħna nafu li t-talb jagħmel il-mirakli».

L-istess ħaġa jgħallem l-episodju rrakkontat dwar Ġona:  “ras iebsa” iddefenih il-Qdusija Tiegħu għaliex «ma riedx jagħmel dak li l-Mulej kien qed jitolbu». Wara biss li l-Mulej kien salvah minn żaqq il-balena, fakkar il-Papa, Ġona ddeċieda: «Mulej nagħmel dak li tgħidli. U erħilha lejn it-toroq ta’ Niniveh» ixandar il-profezija tiegħu: il-belt kellha tinqered minn Alla kemm-il darba ċ-ċittadini ma jbiddlux għall-aħjar il-mod ta’ għixien tagħhom. Ġona «kien profeta “professjonista” — ippreċiża l-Isqof ta’ Ruma— u kien jgħid: erbgħin jum ieħor u Niniveh tinqered. Dan kien jgħidu b’serjetà, b’qawwa. U dawn in-nies ta’ Niniveh beżgħu u bdew jitolbu bil-kliem, bil-qalb, b’gisimhom. It-talb għamel il-miraklu».

F’dan ir-rakkont ukoll, sostna l-Papa Franġisku, «jidher dak li Ġesu' jgħid lil Marta: Marija għażlet l-aħjar parti. It-talb jagħmel il-mirakli, quddiem il-problemi» li hawn fid-dinja. Imma hawn ukoll dawk li l-Papa ddefinixxa bħala «pessimisti». Dawn il-persuni «jgħidu: xejn ma jistà jinbidel, il-ħajja hija hekk. Dan iġiegħeni naħseb dwar kanzunetta ta’ dwejjaq ta’ pajjiżi li tgħid: itlaq kollox. Hemm isfel fil-forn niltaqgħu lkoll».

Tassew, sostna, din hija viżjoni  «daqsxejn pessimista tal-ħajja» li twassalna biex nistaqsu: «Għalfejn titlob? Nitilqu kollox, il-ħajja hija hekk! Inkomplu għaddejjin. Nagħmlu dak li nistgħu». Dan huwa l-atteġġjament ta’ Marta, spjega l-Papa, hi «li kienet tagħmel l-affarijiet, imma li ma kinitx titlob». U imbagħad hemm l-imġieba ta’ oħrajn, bħal ta’ dak «ir-ras iebsa ta’ Ġona». Dawn huma «il-ġustizzjierii». Ġona «mar u pprofetizza; imma f’qalbu kien jgħid: ħaqqhom, ħaqqhom, din ġabuha b’idejhom. Huwa pprofetizza imma ma talabx, ma talabx maħfra lill-Mulej għalihom, kien biss isawwathom». Dawn saħaq il-Qdusija Tiegħu, «jaħsbu lilhom infushom ġusti». Imma fl-aħħar, bħal ma ġara lil Ġona, jirrivelaw ruħhom bħala egoisti.

Ġona, per eżempju, spjega mill-ġdid il-Papa, meta Alla salva lill-poplu ta’ Niniveh, «irrabja mal-Mulej: imma int dejjem hekk, dejjem taħfer!». U «aħna wkoll — ikkummenta l-Papa — meta ma nitolbux, dak li nagħmlu huwa li nagħlqu l-bieb lill-Mulej» tant li «hu ma jkun jistà jagħmel xejn. Minflok it-talb quddiem problema, sitwazzjoni diffiċli, xi kalamità huwa li niftħu l-bieb lill-Mulej, sabiex jiġi:» hu, infatti, jaf «jissistematizza mill-ġdid l-affarijiet».

Fil-konklużjoni l-Papa Franġisku ħeġġeġ biex naħsbu f’Marija, oħt Marta, li «għażlet l-aħjar parti u turina t-triq, bħal ma tiftaħ il-bieb lill-Mulej», lir-re ta’ Niniveh «li ma kienx qaddis», lill-poplu kollu: «Kienu qegħdin jagħmlu ħwejjeġ koroh. Imma meta talbu, samu u fetħu l-bieb lill-Mulej, il-Mulej għamel il-miraklu tal-maħfra. U naħsbu f’Ġona li ma kien jitlob, li kien jaħrab dejjem minn Alla. Kien jipprofetizza, kien forsi “professjonista” tajjeb, nistgħu ngħidu llum qassis tajjeb li kien jagħmel ix-xogħol tiegħu, imma qatt ma kien jiftaħ il-bieb lill-Mulej bit-talb. Nitolbu lill-Mulej li jgħinna nagħżlu dejjem l- aħjar parti.»

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.