Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Meta naqraw il-ktieb tal-Ġenesi hemm il-periklu li naħsbu li Alla kien xi saħħar li għamel kollox bil-maġija.

It-Tnejn, 8 ta' Settembru 2014

 

Fil-jum li fih il-Knisja tiċċelebra t-twelid tal-Verġni Marija l-Papa ddedika l-omelija tiegħu lill-ħolqien u l-vjaġġ t’Alla magħna matul l-istorja. Huwa qal li meta naqraw il-ktieb tal-Ġenesi hemm il-periklu li naħsbu li Alla kien xi saħħar li għamel kollox bil-maġija. Il-Papa wissa li dan mhux minnu għaliex Alla ħalaq kollox u ppermetta li nimxu b’liġijiet interjuri li ta lil kull wieħed sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jaslu sal-milja. Il-Mulej ta awtonomija iżda mhux indipendenza lill-ħwejjeġ tal-univers. U meta ħalaq lill-bniedem tah wtonomija li hija libertà għax għamel il-bniedem responsabbli mill-ħolqien sabiex jiddomina l-ħolqien, imexxih ‘il quddiem u jwasslu sal-milja taż-żminijiet. U x’inhi din il-milja? Dak li Alla kellu f’qalbu – it-twelid ta’ Ibnu.

 

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li din hija t-triq tal-umanità, il-vjaġġ tal-umanità. Alla riedna nkunu bħal ibnu u Ibnu bħalna. Fil-qari tal-Vanġelu tal-lum nisimgħu lista ta’ nies fil-ġenealoġija ta’ Ġesù u f’din il-lista hemm qaddisin u midinbin iżda l-istorja tkompli għax Alla ried li l-bnedmin kollha jkunu liberi. Din l-istorja waslet sa raħal ċkejken f’Nażaret permezz ta’ Ġużeppi u Marija għalix Alla ried li jimxi ma’ kulħadd. Il-Papa kkwota lil San Tumas li qal: Tibżgħux mill-ħwejjeġ kbar iżda agħtu kas ukoll taż-żgħar, dan huwa divin. Alla hekk hu – insibuh fil-ħwejjeġ kbar u f’dawk żgħar. Alla huwa l-Mulej li jimxi u huwa l-Mulej tas-sabar. Il-paċenzja t’Alla. Il-paċenzja li kellu ma’ dawn il-ġenerazzjonijiet kollha, ma’ dawn in-nies kollha li għexu l-istorja tagħhom ta’ grazzja u ta’ dnub u Alla jibqa’ dejjem jimxi magħna.

 

U hekk naslu sa Marija li bit-twelid tagħha fetħet il-bieb ta’ din l-istorja. Din it-tarbija ċkejkna, qaddisa u safja li kienet ippredestinata li tkun Omm Alla. U hawn hekk il-Papa stedinna nħarsu lejn l-istorja tagħna u nistaqsu lilna nfusna jekk inħallux lil Alla jimxi magħna jew nimxu waħedna.

 

Jien inħallih imellisni, jaħfirli, imexxini ‘l quddiem sabiex nasal sal-laqgħa tiegħi ma’ Ġesu Kristu? Dan se jkun it-tmiem tal-vjaġġ tagħna – li niltaqgħu ma’ Ġesù. U hekk fil-festa tal-lum infaħħru lill-Mulej u b’umiltà nitolbuh jagħtina l-paċi, dik il-paċi tal-qalb li huwa biss jista’ jagħtina meta aħna nħalluh jimxi magħna.  


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.