Omelija tal-Papa Franġisku

Ġesù ma jeskludi lil ħadd

L-Erbgħa, 8 ta’ Mejju 2013

 

Ġesù ma jeskludi lil ħadd. Bena pontijiet mhux ħitan. Il-messaġġ tiegħu ta’ fidwa huwa għal kulħadd. Dalgħodu l-Erbgħa 8 ta’ Mejju, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, il-Papa Franġisku waqaf fuq l-atteġġjament tal-evanġelizzatur tajjeb: miftuħ għal kulħadd, lest jismà lil kulħadd, mingħajr esklużjoni. Fortunatament, innota ,”issa huwa żmien tajjeb fil-ħajja tal-Knisja: dawn l-aħħar ħamsin sena, sittin sena, huma żmien sabiħ. Għaliex jien niftakar meta kont tifel kont tismà fil-familji kattoliċi, ukoll f’dik tiegħi: ‘Le, fid-dar tagħhom ma nistgħux inmorru, għaliex għall-Knisja mhumiex miżżewġin, eh.’ Kienet qisha esklużjoni. Le, ma stajtx tmur! Jew għax huma soċjalisti jew ateji, ma nistgħux inmorru. Illum, grazzi għal Alla, dan ma ngħiduhx.”

L-eżempju propost mill-Papa huwa dak tal-appostlu Pawlu li fl-Atti tal-Appostli, (17, 15. 22 - 18, 1) iħabbar lil Ġesù Kristu fost l-adoraturi tal-idoli.L-importanti hu, skont il-Papa, li mod li bih dan jagħmlu: “Huwa ma jgħidx: ‘Idolatri, se tmorrul-Infern!’” imma “jfittex li jasal għal qalbhom;” mhux jikkundanna mill-bidu, ifittex id-djalogu: “Pawlu huwa papa, bennej ta’ pontijiet. Huwa ma riedx isir bennej ta’ ħitan.” Tibni pontijiet biex tħabbar il-Vanġelu, “dan huwa l-atteġġjament ta’ Pawlu f’Ateni: li jistabilixxi pont għal qalbhom, biex imbagħad jagħmel pass iktar u jħabbar lil Ġesù Kristu.”

 Pawlu huwa kuraġġuż u “dan iġegħlna naħsbu dwar l-atteġġjament ta’ nisrani. Nisrani hemm bżonn li jħabbar lil Ġesù Kristu b’tali mod li Ġesù Kristu jiġi aċċettat, milqugħ, mhux rifjutat.” Mill-bqija “it-tħabbir tal-verità jiddependi mill-Ispirtu Santu. Ġesù jgħidilna fil-Vanġelu tallum (Ġwanni, 16, 12-15): ‘Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, jiggwidakom lejn il-verità kollha.’ Pawlu ma jgħidx lin-nies ta’ Ateni: ‘Din hija l-enċiklopedija tal-verità. Studjaw din u jkollkom il-verità!’”

Il-verità, mela, “ma tidħolx f’enċiklopedija;” hija pjuttost “il-laqgħa mas-somma verità: Ġesù, il-verità l-kbira. Ħadd ma hu padrun tal-verità” u - wissa l-Papa - il-verità ma tistax tamministraha skont kif tixtieq int, ma tistax tistrumentalizzaha, “lanqas biex niddefendu lilna nfusna.” U iktar: L-Appostlu Pietru jgħidilna: ‘Intom tridu tagħtu kont tat-tama tagħkom.’ Iva, imma hija ħaġa tagħti kont tal-propja tama u ħaġ’oħra hija li tgħid: ‘Aħna għandna il-verità: din hi! Jekk intom ma taċċettawhiex, dabbru raskom’.” Pawlu segwa l-atteġġjament ta’ Ġesù, li tkellem ma’ kulħadd: Samà lis-Sammaritana, id-djalogu mas-Sammaritana; mar għall-pranzu mal-fariżej, mal-midimbin, mal-pubblikani, mad-dutturi tal-liġi. Ġesù samà lil kulħadd u meta lissen kelma ta’ kundanna, kien biss fl-aħhar meta ma kienx hemm iktar x’setà jagħmel.”

Imma Pawlu huwa wkoll “konxju li kellu jevanġelizza, mhux jagħmel il-proseliti.” Il-Knisja ma tikbirx fil-proselitiżmu, dan qalu Benedittu XVI; imma tikber bl-attrazzjoni, bix-xhieda, bil-predikazzjoni.” Fl-aħħarnett “Pawlu jaġixxi hekk għaliex kien sikur, sikur ta’ Ġesù Kristu. Ma kienx jiddubita mill-Mulej tiegħu. L-insara li jibżgħu jagħmlu il-pontijiet u li jippreferu jibnu ħitan, huma nsara li mhumiex sikuri mill-fidi tagħhom, mhumiex sikuri dwar Ġesù Kristu. U jiddefendu lilhom infushom” billi jibnu l-ħitan

Paqwlu jgħallem liema għandha tkun il-mixja tal-evanġelizzazzjoni. Li għandha tkun segwita b’kuraġġ. U “meta l-Knisja titlef dan il-kuraġġ apostoliku, issir Knisja wieqfa. Ordnata, sabiħa; kollox sabih, imma bla fertilità, għaliex tilfet il-kuraġġ li tmur fil-perigeriji, hawn fejn hawn tant persuni vittmi tal-idolatrija, tal-mondanità, tal-ħsieb dgħajjef.”  U jekk dak li jwaqqaf huwa l-biżà li niżbaljaw hemm bżonn naħsbu li nistgħu nqumu u nkomplu navanzaw. “Dawk li ma jimxux sabiex ma jiżbaljawx - temm il-Papa Franġisku - jagħmlu żball ferm iktar gravi.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.