Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Kristjaneżimu mingħajr Salib ma jeżistix. It-Tlieta, 8 ta' April 2014
Kristjaneżimu mingħajr Salib ma jeżistix. Hekk afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta' dalgħodu fid-dar Santa Marta. Il-Qdusija Tiegħu fakkar li mhux possibbli li noħorġu mid-dnub tagħna waħedna u tenna li s-Salib mhux dekorazzjoni biex titqiegħed fuq l-altar, imma l-misteru tal-imħabba t'Alla. Fil-mixja tiegħu fid-deżert, il-poplu kien jilmenta kontra Alla u kontra Mosè. Imma meta l-Mulej bagħat is-sriep, il-poplu ammetta d-dnub tiegħu u talab sinjal ta' salvezza. Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari tal-liturġija tallum meħud mill-ktieb tan-Numri biex jirrifletti fuq il-mewt li jġib id-dnub. Franġisku qal li fil-Vanġelu tallum Ġesù jwissi lill-fariżej u jgħidilhom;” Intom se tmutu fid-dnub tagħkom”.
Mhux possibbli li noħorġu mid-dnub tagħna waħedna. Mhux possibbli. Dawn id-dutturi tal-liġi, dawn in-nies li kienu jgħallmu l-liġi, ma kellhomx moħħ ċar dwar dan. Kienu jemmnu, iva, fil-maħfra ta' Alla, imma kienu jħossu ruħhom qawwijin, suffiċjenti, kienu jafu kollox! Fl-aħħar ir-reliġjon u l-qima lejn il-Mulej irrendewhom kultura bil-valuri, riflessjonijiet u ċerti kmandamenti u imġibiet biex ikunu edukati, u kienu jaħsbu, veru, li l-Mulej jaħfer, kienu jafuh dan, imma kienu bogħod wisq minn dan kollu.
Fid-deżert il-Mulej, fakkar Franġisku, jikkmanda lil Mosè biex jagħmel serp tal-bronż u jqiegħdu fuq arblu u kull min kien jingidem mis-sriep kien iħares lejh u jibqa' ħaj. Imma x'inhu s-serpent, staqsa l-Papa? Is-serp hu s-sinjal tad-dnub, kif naraw diġà fil-ktieb tal-Ġenesi meta s-serp ittanta lil Eva u ssuġġerhiela d-dnub.
U Alla,
kompla jgħid, jibgħat lil xi ħadd biex id-dnub idawwru fi standard
ta' rebħa. Dan kompla Franġisku, ma nistgħux nifhmuh tajjeb jekk ma
nifhmux dak li qal Ġesù fil-Vanġelu: Meta Bin il-Bniedem jintrefa'
'l fuq, tkunu tafu min jien. Għalhekk id-deżert, żied jgħid, gie
mgħolli 'l fuq id-dnub imma hu dnub li jfittex is-salvazzjoni għax
ifejjaq dak il-ħin. Ġie mgħolli 'l fuq, enfasiżża l-Papa, Bin
il-Bniedem, is-Salvatur veru, Ġesù Kristu. Hekk kif fid-deżert kien merfugħ id-dnub, hawn kien merfugħ Alla magħmul bniedem u dnub għalina. U d-dnubiet tagħna kienu kollha hemm. Il-kristjaneżimu ma jistax jinftihem mingħajr din l-umiljazzjoni profonda ta' Iben Alla, li umilja lilu nnifsu u sar ubbidjenti sal-mewt, sal-mewt fuq Salib biex ikun qaddej.
Għalhekk, l-Appostlu Pawlu, meta tkellem dwar dak li hu jiftaħar bih – anki aħna nistgħu ngħidu biex għandna niftaħru – jgħid: Bi dnubietna. Aħna, osserva l-Papa, m'għandna xejn aktar biex niftaħru bih, din hi l-miżerja tagħna. Imma, żied jgħid, min-naħa tal-ħniena t'Alla, aħna niftaħru b'Ġesù Kurċifiss.
Għal din ir-raġuni, irrimarka Franġisku, ma jeżistix kristjaneżimu mingħajr Salib, u ma jeżistix salib mingħajr Ġesù Kristu. Il-qofol tas-salvazzjoni t'Alla huwa Ibnu, li tgħabba bid-dnubiet tagħna lkoll, bis-suppervja tagħna, biċ-ċertezzi tagħna, bil-vanità tagħna, bil-prużunzjoni tagħna li rridu nkunu bħal Alla.
B'hekk, in-nisrani, wissa' l-Papa, li ma jafx jiftaħar fi Kristu msallab, għadu ma fehemx xi jfisser li tkun nisrani. Il-feriti tagħna, żied jgħid, dawk li jħalli fina d-dnub, jitfejqu bil-pjagi tal-Mulej, bil-pjagi ta' Alla magħmul bniedem, umiljat, imxejjen. Dan, afferma l-Papa, hu l-misteru tas-Salib.
Is-Salib mhux dekorazzjoni li rridu dejjem inqiegħdu fil-knejjes, fuq l-altari tagħna. Mhux simbolu li jiddistingwina mill-oħrajn. Is-Salib huwa l-misteru tal-imħabba t'Alla li jumilja ruħu u jsir “xejn”, isir dnub.
Fejn hu dnubek? “Ma nafx, għandi tant hawn... . Le, id-dnub tiegħek jinsab fuq is-Salib. Mur fittxu hemm, fil-pjagi tal-Mulej u dnubek jitfejjaqlek, il-feriti tiegħek jitfejqu, dnubek jinħafirlek. Il-maħfra li jtina Alla mhix li jħassar kont li għandna miegħu: il-maħfra li jtina Alla huma l-pjagi ta' Ibnu fuq is-Salib, merfugħ fuq is-Salib. Jalla Hu jiġbidna lejh u jalla aħna nħalluh ifejjaqna, temm il-Papa.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta. |