Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Mhemmx nisrani bla Ġesù - Is-Sibt, 7 ta’ Settembru 2013

 

Mhemmx nisrani bla Ġesù. U Ġesù ma jkunx hemm meta n-nisrani jwieġeb għal kmandamenti li ma jwasskux għand Kristu jew ma jiġux mingħand Kristu. Il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, is-Sibt 7 ta’ Settembru, f’Santa Marta, insista fuq iċ-ċentralità ta’ Kristu. U avża lill-insara biex ma jsegwux rivelazzjonijiet privati għaliex ir-rivelazzjoni - qal - intemmet ma’ Kristu.

Fl-omelija ta’ dalgħodu  l-Qdusija Tiegħu kompla r-riflessjoni li l-bieraħ, il- Ġimgħa 6, kien ippropona mill-qari li fih Ġesù kien ippreżentat bħala l-għarus tal-Knisja. Fis-silta tallum, meħuda minn Luqa (6,1-5), infatti jiġi rrakkontat l-episodju tad-diskussjoni ta’ Ġesù mal-fariżej, li jċanfru lill-Appostli talli jkunu kisru l-mistrieħ tas-Sibt billi ġabru u kielu ż-żbul tal-qamħ.

F’dan il-pass tal-Vanġelu Ġesù, innota l-Papa, jippreżenta lilu nnifsu bħala xi ħaga iktar mill-bieraħ “u jgħid: Jien il-Mulej, il-Mulej ukoll tas-Sibt. F’parti oħra jgħid: Is-Sibt huwa magħmul għall-bniedem u mhux il-bniedem għas-Sibt. Iċ-ċentralità tiegħu u wkoll iċ-ċentralità tan-nisrani fil-konfront ta’ tant affarijiet. Ġesù huwa ċ-ċentru, huwa l-Mulej.” Definizzjoni li - innota l-Papa - “ma nifhmux sewwa,” għaliex “mhix faċli li tifhimha.” Dak li huwa ċert huwa li Ġesù “huwa l-Mulej” minħabba li huwa dak li “għandu l-poter, il-glorja, dak li għandu r-rebħa. Huwa l-uniku Mulej.”

Waqt li kkwota l-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin (1,21-23) il-Qdusija tiegħu imbagħad ġibed l-attenzjoni li huwa propju l-Appostlu li jfakkar li Ġesù “irrikonċiljana fil-ġisem ta’ laħmu permezz tal-mewt - irrikonċilja lilna lkoll - biex jippreżentana qaddisin, immakulati u irreprinsibbli quddiemu: sabiex nibqgħu mibnija u sodi fil-fidi.” Ġesù, issintetizza l-Papa, huwa ċ-ċentru li jiġgenerana u jibnina fil-fidi. Mill-banda l-oħra “il-Fariżej - kompla - poġgew fiċ-ċentru tar-reliġjożità tagħhom tant kmandamenti. U Ġesù jgħidilhom: Timponu piżijiet fuq spalel in-nies.”

Jekk mhemmx Ġesù fiċ-ċentru, innota l-Papa, “hemm ħwejjeġ oħra.” U fil-ġurnata tallum “niltaqgħu ma’ tant insara mingħajr Kristu, mingħajr Ġesù. Per eżempju dawk li għandhom il-marda tal-Fariżej u huma nsara li jpoġġu l-fidi tagħhom u r-reliġjożità tagħhom, il-kristjaneżmu tagħhom, f’ħafna kmandamenti: Ah, irrid nagħmel dan, irrid nagħmel dak l-ieħor. Insara tal-atteġjamenti:” li jagħmlu l-affarijiet - spjega - biex ikunu għamluhom, imma fir-realtà “ma jafux għaliex għamluhom.”

Imma “Ġesù fejn hu?” staqsa l-Papa Franġisku. Li mbagħad kompla hekk: “Kmandament ikun validu kemm-il darba jiġi mingħand Ġesù.” Insara mingħajr Kristu hawn ħafna, bħal dawk “li jfittxu biss devozzjonijiet, tant devozzjonijiet, imma Ġesù mhux hemm. U allura jkun hemm xi ħaġa nieqsa, ħija! Jonqsok lil Ġesù. Kemm-il darba d-devozzjonijiet tiegħek iwassluk għand Ġesù, allura kollox sew. Imma jekk jibqà hemm allura hemm xi ħaġa li mhix tinkwadra.

Imbagħad hemm, kompla, “grupp ieħor ta’ nsara mingħajr Kristu: dawk li jfittxu affarijiet iktarx rari, xi ftit speċjali, li jsegwu xi rivelazzjonijiet privati,” waqt li r-Rivelazzjoni ntemmet mat-Testment il-Ġdid. Il-Qdusija Tiegħu skopra f’dawn l-insara x-xewqa li jmorru “għall-ispettaklu tar-rivelazzjoni, biex jisimgħu affarijiet ġodda.” Imma - din hija l-eżortazzjoni li l-Papa Franġisku jindirizzalhom - “aqbdu l-Vanġelu!” Fost l-insara bla Kristu il-Papa mbagħad semma “dawk li jfewħu ruħhom imma m’għandhomx virtujiet għaliex m’għandhom lil Ġesù

Liema hija mela r-regola biex tkun nisrani ma’ Kristu? U liema hu “is-sinjal” li persuna hija nisranija ma’ Kristu? Din hija “regola - spjega l-Papa - tassew sempliċi: huwa validu biss  dak li jwasslek għand Ġesù, huwa validu biss dak li jiġi mingħand Ġesù. Ġesù huwa ċ-ċentru, il-Mulej, kif jgħid huwa nnifsu.”

Mela jekk ħaġa twassal jew tiġi minn Ġesù “kompli għaddej” ħeġġeġ il-Qdusija Tiegħu; imma jekk ma tiġix jew ma twassalx għand Ġesù, “allura hija ftit jew xejn perikoluża.” U rigward is-“sinjal” qal: “Huwa sinjal sempliċi dak tal-għama minn twelidu li dwar jitkellem il-Vanġelu ta’ Ġwannif fil-kapitolu 9. Il-Vanġelu jgħid li nxteħet quddiem Ġesù biex jadurah. Raġel jew mara li jaduraw lil Ġesù huma nsara ma’ Ġesù.  Imma jekk int ma jirnexxilekx tadura lil Ġesù, allura għandek xi ħaġa nieqsa.

Hekk huma mela “regola u sinjal” ikkonkluda l-Papa. “Ir-regola - qal - hija: jien nisrani tajjeb, jien fit-triq tan-nisrani tajjeb kemm-il darba nagħmel dak li jiġi mingħanf Ġesù jew li jwassalni għand Ġesù għaliex huh huwa ċ-ċentru. Is-sinjal hija l-adorazzjoni quddiem Ġesù, it-talb tal-adorazzjoni quddiem Ġesù.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.