Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-ħniena divina hija dawl kbir ta' mħabba u tenerezza, hija t-tmellisa ta' Alla fuq il-feriti ta' dnubietna. 

It-Tnejn, 7 ta' April 2014

 

Il-ħniena divina hija dawl kbir ta' mħabba u tenerezza, hija t-tmellisa ta' Alla fuq il-feriti ta' dnubietna: din kienet l-affermazzjoni li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Il-Vanġelu tal-mara adultera li nħafrulha dnubietha tat spunt lill-Papa biex ifisser x'inhi l-ħniena t'Alla.  L-episodju hu magħruf: l-iskribi u l-fariżej iressqu quddiem Ġesù, mara li nqabdet f'adulterju u jistqasuh x'għandhom jagħmlu, peress li l-liġi ta' Mosè kienet tgħid li din għandha titħaġġar għax dnubha kien meqjus gravi ħafna.

 

Iż-żwieġ, afferma l-Papa, huwa simbolu u anki realtà umana tar-relazzjoni fidila ta' Alla mal-poplu tiegħu.  U meta ż-żwieġ jirvina ruħu minħabba l-adulterju, din ir-relazzjoni bejn Alla u l-poplu tiegħu, titħammeġ.  Imma l-iskribi u l-fariżej jagħmlulu l-mistoqsija biex ikollhom raġuni għalfejn jakkużawh: kieku Ġesù qalilhom “Iva, ħaġġruha” kienu jgħidu lin-nies ... Dan hu l-Imgħallem tant twajjeb tagħkom?...... Ara x'għamlilha lil din l-imsejkna mara!

 

U kieku Ġesù weġibhom: “Le, miskina, aħfrulha!”, kienu jgħidu li qed jikser il-liġi!  Huma ma kienx jimpurtahom mill-mara, ma kienx jimpurtahom mill-adulteri, forsi anki xi wieħed minnhom kien adulteru!!!  Ma kienx jimpurtahom minn dan!  Kull ma' kien jimpurtahom kien li jonsbu lil Ġesù!

 

Minn hawn toħroġ it-tweġiba tal-Mulej: “Min minnkom hu bla ħtija, jitfgħalha l-ewwel ġebla!  B'ċerta ironija, l-Vanġelu jgħid li dawk li kienu qed jixluha telqu wieħed wieħed, ibda' mill-anzjani.

 

Jidher, osserva l-Papa, li fil-bank tas-sema, il-kont tagħhom kien bid-dejn.  U Ġesù
jibqa' waħdu mal-mara u bħall-konfessur jgħidilha: “Mara, fejn qegħdin?  Ħadd ma kkundannak?  Fejn huma?  Qegħdin waħedna, int u jien.  Int quddiem il-Mulej mingħajr akkużi, mingħajr tqassis.

 

Il-mara twieġeb: “Ħadd, Mulej”.  Imma ma tgħidx “kienet akkuża falza, jien m'għamiltx adulterju!” Tagħraf id-dnub tagħha.  U Ġesù jafferma: “Lanqas jien ma nikkundannak! Mur u tidnibx iżjed biex ma terġax tgħaddi minn waqt ikraħ bħal dan, biex ma jkollokx għalfejn tistħi, biex ma toffendix 'l Alla, biex ma ttebbgħax ir-relazzjoni tiegħek bejn Alla u l-poplu tiegħu.  Ġesù jaħfer, afferma l-Papa.  Imma hawn, hawn xi ħaġa li hi akbar mill-maħfra, żied jgħid.

 

Ġesù jmur 'l hinn mill-liġi.  Ma jgħidilhiex li l-adulterju mhux dnub.  Ma jgħidx hekk!  Imma lanqas jikkundannaha bil-liġi.  Dan hu l-misteru tal-ħniena.  Dan hu l-misteru tal-ħniena ta' Ġesù.  Il-ħniena, kompla jgħid Franġisku, hi xi ħaġa li diffiċli tifhimha.

 

“Imma, padre, il-ħniena tħassar id-dnubiet?”  “Le, dak li jħassar id-dnubiet hi l-maħfra t'Alla!  Il-ħniena hi l-mod kif jaħfer Alla.  Għax Ġesù seta' jgħid: “Jiena naħfirlek.  Mur!”, kif kien qal lill-paralitku li kienu niżżlu quddiemu minn ġos-saqaf: “dnubietek maħfura”.

 

Hawnhekk jgħid, “Mur bis-sliem!”  Ġesù jmur 'l hinn u jirrikmandalha biex ma tidnibx aktar.  Hekk naraw l-atteġġjament ta' ħniena ta' Ġesù: jiddefendi lill-midneb mill-għewdewwa: jiddefendi lill-midneb minn kundanna ġusta.  Anki aħna, kemm minna.... forsi nistgħu mmorru l-infern.  Kemm hemm minna li jistgħu jmorru l-infern!  Dik hi kundanna ġusta... imma Hu jaħfer aktar minn hekk.  Kif?  B'din il-ħniena.

 

Il-ħniena, afferma l-Papa tmur lil hinn mill-ħajja tal-persuna tant li d-dnub jiġi mwarrab fil-ġenb.  Aħna nħarsu lejn is-sema u naraw tant stillel, imma meta tasal ix-xemx, b'tant dija, l-istillel ma jidhrux aktar.  Hekk hi l-ħniena t'Alla: dawl kbir ta' mħabba, ta' tenerezza.  Alla ma jaħfirx b'xi digriet, imma bi tmellisa, billi jmelles il-feriti ta' dnubietna.  Għax Hu jinvolvi ruħu fil-maħfra, jinvolvi ruħu fis-salvazzjoni tagħna.

 

B'hekk Ġesù jsir konfessur: ma jumiljahiex ma jgħidhiliex “X'għamilt?  Għidli?”  U meta għamiltu?  Kif għamiltu?  Ma' min?  Le, Jgħidilha: “Mur u minn issa 'l quddiem tidnibx aktar!  Hija kbira l-ħniena t'Alla, hija kbra l-ħniena ta' Ġesù.  Jaħfrilna bi tmellisa, spiċċa jgħid il-Papa.


 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.