Omelija tal-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

L-għajta li tagħti fastidju

Il-Ġimgħa, 6 ta’ Diċembru 2013

It-talb huwa «għajta» li ma tibżax li  «tagħti fastidju lil Alla», li «tagħmel storbju», bħal meta «tħabbat fuq bieb» b’insistenza. Hekk hu, skont il-Papa Franġisku, is-sinifikat tat-talb li jsir lill-Mulej fi spirtu ta’ verità u bis-sikurezza li hu jistà tassew jisimgħu.

Il-Papa tkellem dwar dan fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata il-Ġimgħa filgħodu, 6 ta’ Diċembru fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Waqt li rrifera għas-silta ta’kapitolu 9 ta’ Mattew (27-31), il-Papaqabel xejn ġibed l-attenzjoni fuq kelma li hemm fis-silta tal-Vanġelu «li ġġegħlna naħsbu: l-għajta». L-għomja, li kienu qegħdin isegwu lil Ġesù, bdew jgħajtu biex ikunu mfejqa. «Ukoll dak l-għama fil-Bieb ta’ Ġeriko beda jgħajjat u l-ħbieb ta’ Ġesù riedu jġagħluh jiskot», fakkar il-Qdusija Tiegħu. Imma dak ir-raġel «jitlob lill-Mulej grazzja u dan jagħmlu bl-għajjat», bħallikieku ried jgħid lil Ġesù: «Imma agħmlu! Jien għandi dritt li int tagħmel dan!».

«L-għajta — spjega l-Papa — hija hawn sinjal tat-talb. L-istess Ġesù, meta għallimna nitolbu, qalilna biex dan nagħmluh bħal Habib fitt li, f’nofs ta’ lejl, mar jitlob biċċa ħobż u ftit għaġin għall-mistednin». Jew inkella «li nagħmluh bħall-armla mal-imħallef korrott». Fis-sustanza, kompla l-Papa, «li nagħmluh — jien ikolli ngħid — billi nagħtu fastidju. Ma nafx, forsi dan jinstamà ħażin, imma li titlob huwa ftit jew wisq li tagħti fastidju lil Alla biex jismagħna». U ippreċiża li huwa l-Mulej innifsu li jgħid dan, waqt li jissuġġerixxi li nitolbu «bħall-ħabib f’nofs il-lejl, bħall-armla lill-imħallef». Mela li titlob «huwa li tattira l-għajnejn, li tattira l-qalb ta’ Alla lejna». U huwa propju dak li għamlu wkoll il-lebbrużi tal-Vanġelu, li resqu lejn Ġesù biex jgħidulu: «Imma jekk inti trid, int tistà tfejjaqna!». U «dan jagħmluh b’ċeta sikurezza».

«U hekk Ġesù — enfasizza l-Papa — jgħallimna nitolbu». Aħna soltu nippreżentaw lill-Mulej it-talba tagħna «darba, tnejn jew tliet darbiet, imma mhux b’tant qawwa: u mbagħad ngħejjew nitolbuh». Għall-kuntrarju l-għomja li dwarhom jitkellem Mattew fis-silta evanġelika «bdew jgħajtu u ma għejjewx jgħajtu». Infatti, reġà qal il-Papa, «Ġesù jgħidilna: itolbu! Imma jgħidilna wkoll: ħabbtu fuq il-bieb! U min iħabbat fuq il-bieb jagħmel kjass, idejjaq, jagħti fastidju».

«Propju dawn huma l-kliem li Ġesù juża biex jgħidilna kif għandna nitolbu». Imma dan huwa wkoll «il-mod, li aħna naraw fil-Vanġelu, tat-talb ta’ dawk fil-bżonn». Hekk l-għomja «iħossuhom sikuri li jitolbu lill-Mulej is-saħħa», tant li l-Mulej jistaqsi: «Temmnu li jien nistà nagħmel dan?». U huma jweġbuh: «Iva, o Mulej! Nemmnu! Aħna ċerti!».

Hekk hu, kompla l-Qdusija Tiegħu, iż-«żewġ atteġġjamenti» tat-talb: «huwa bżonnjuż u huwa sikur». It-talb «huwa bżonnjuż dejjem. It-talb, meta nitolbu xi ħaġa, huwa bżonnjuż: għandi dan il-bżonn, ismagħna Mulej!». Barra minn hekk «meta huwa veru huwa sikur: ismagħni, jien nemmen li inti tistà tagħmlu, għaliex int wegħdtu!». Infatti, spjega l-Papa,  «il-veru talb nisrani huwa msejjes fuq il-wegħda ta’ Alla. Dan wegħdu Hu».

Il-Papa mbagħad għamel riferiment għall-ewwel qari  (Iżaija 29, 17-21) tal-liturġija tal-jum, li fih hemm il-wegħda tas-salvazzjoni ta’ Alla lill-poplu tiegħu: «Jisimgħu f’dawk il-jiem it-torox kliem il-ktieb; meħlusin mid-dlam u mid-diqa, l-għajnejn tal-għomja jaraw». Dan il-pass, enfasizza l-Papa, «huwa wegħda. Dan kollu huwa wegħda, il-wegħda tas-salvazzjoni: jien se nkun miegħek, jien ntik is-salvazzjoni!». U huwa «b’din is-sikurezza» li aħna «ngħidu lill-Mulej il-bżonnijiet tagħna. Imma sikuri li hu dan jistà jagħmlu».

Mill-bqija meta nitolbu, huwa l-Mulej innifsu li jistaqsina: «Inti temmen li jien nistà nagħmel dan?». Interrogattiv li minnu toħroġ il-mistoqsija li kull wieħed minna għandu jagħmel lilu nnifsu: «Jien ċert li dan hu jistà jagħmlu? Jew nitlob ftit imma ma nafx jistax jagħmlu?». It-tweġiba hi li «li huwa jistà jagħmlu», ukoll jekk «meta jagħmlu u kif jagħmlu ma nafux». Propju «din hija s-sikurezza tat-talb».

Fejn imbagħad jirrigwarda il-«bżonn» speċifiku li jimmotiva t-talb tagħna, hemm bżonn li nippreżentawh «b’verità lill-Mulej: jien għama, Mulej, għandi dan il-bżonn, g din il-marda, għandi dan id-dnub, għandi dan in-niket». Hekk hu «jismà l-bżonn, imma jismà dak li aħna qegħdin nitolbu l-intervent tiegħu b’sikurezza».

Il-Papa Franġisku tenna, fil-konklużjoni, il-bżonn li dejjem naħsbu «jekk talbna huwiex meħtieġ u huwiex sikur»: huwa meħtieġ għaliex ngħidu l-verità lilna nfusna», u huwa  «sikur għaliex nemmnu li l-Mulej jistà jagħmel dak li nitolbuh».

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.