Omelija tal-Papa Franġisku

Sieħeb tat-triq

It-Tnejn, 6 ta’ Mejju 2013

 

“Ħabib” li kull jum isir għal kull wieħed u waħda minna “sieħeb tat-triq.” Dan huwa l-Ispirtu Santu skont il-Papa Franġisku, li dalgħodu,it-Tnejn 6 ta’ Mejju, ċċelebra bħas-soltu l-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae. Biex nagħrfu l-Ispirtu Santu, speċjalment biex nergħu nagħrfu l-azzjoni tiegħu f’ħajjitna, “huwa mportanti - dan huwa l-parir tal-Papa - li nipprattikaw l-eżami tal-kuxjenza” kull filgħaxija qabel ma norqdu.

Il-Qdusija Tiegħu, waqt li rrifera għall-vanġelu ta’ Ġwanni (15, 26 - 16, 4), fakkar il-waqt li fih Ġesù, infired mid-dixxipli waqt li assikurahom li “ma nħallikom qatt weħedkom: ‘Nibgħatilkom l-Ispirtu Santu’.” B’din il-wegħda “l-Mulej ikompli jispjega min hu l-Ispirtu Santu, x’jagħmel minna, l-Ispirtu Santu. u llum - ippreċiża l-Papa - jgħid xi ħaġa li ġġiegħlna naħsbu: ‘Huwa jagħti xhieda tiegħi.’ L-Ispirtu santu huwa propju Alla, il-Persuna ta’ Alla, li tagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu fina. Huwa dak li jgħidilna: ‘Dan huwa Ġesù il-Mulej. Il-Mulej hekk jagħmel. Din hija t-triq ta’ Ġesù.’ U jsejjaħlu il-Paraklitu, jiġifieri dak li jiddefendina, li dejjem maġembna biex isostnina.”

Anzi, “il-ħajja nisranija - ippreċiża - ma tistax tifhimha mingħajr il-preżenza tal-Ispirtu Santu: ma tkunx nisranija. Tkun ħajja reliġjuża, pagana, ta’ min jitħassarha,” bħal dik ta’ min “jemmen f’Alla, imma mingħajr il-vivaċità li Ġesjrid għad-dixxipli tiegħu.” Mill-bqija, kompla, huwa l-Ispirtu Santu li jagħti xhieda ta’ Ġesù “sabiex aħna nkunu nistgħu nagħtuha lill-oħrajn.”

Waqt li kkummenta l-ewwl qari, meħud mill-Atti tal-Appostli (16, 11-15), il-Papa ppropona l-eżempju ta’ Lidia, il-mara li kienet tismà lil Pawlu: “Jingħad dwarha li l-Mulej kien jiftħilha qalbha biex taqbel ma’ kliem Pawlu. Dan hu li jagħmel l-Ispirtu Santu: jiftħilna qalbna biex insiru nafu lil Ġesù.” Jaġixxi fina “tul il-jum kollu, tul ħajjitna kollha, bħal xhud li jgħidilna fejn hu Ġesù.”

U l-aħjar waqt biex niskopruh huwa, skont il-Papa, tmiem il-jum, meta, waqt li nsegwu drawwa propja tal-insara, nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza. Qabel ma jmur jorqod in-nisrani “jaħseb dwar dak li jkun seħħ,” dwar dak “li jkun qal il-Mulej, dak li jkun għamel fija l-Ispirtu Santu. Smajtu jien lill-Ispirtu santu, jew dawwart wiċċi band’oħra? Dan l-eżerċizzju tal-eżami tal-kuxjenza jagħmlilna tajjeb, għaliex huwa li naħtfu propju l-kuxjenza minn dak li f’qalbna għamel il-Mulej f’dan il-jum, għamel propju l-Ispirtu Santu.” U “dan jgħin biex jirrendi fertili, biex jirrendi preżenti f’kull waqt il-fertilità tal-Għid, bħal ma tlabna llum fit-talba. Nitolbu l-grazzja li nabitwaw rwieħna għall-preżenza ta’ dan is-sieħeb tat-triq: L-Ispirtu Santu; ta’ dan ix-xhud ta’ Ġesù li jgħidilna fejn hu Ġesù, kif insibu lil Ġesù, x’jgħidilna Ġesù.”

Kien l-istess Ġesù li ħallihulna bħala ħabib. Mela - sostna l-Papa Franġisku - huwa tajjeb li nikkonservaw d-drawwa “li nistaqsu lilna nfusna, qabel ma jintemm il-jum: ‘X’għamel illum fija l-Ispirtu Santu? Liema xhieda tani? Kif kellimni? X’issuġġerieli?’ Huwa preżenza divina li tgħinna biex navanzaw f’ħajjitna ta’ nsara.” L-Isqof ta’ Ruma fl-aħħarnett indirizza lil kulħadd l-istedina biex jitlob din il-grazzja sabiex “f’kull waqt ikollna preżenti l-fertilità tal-Għid.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb