Omelija tal-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Kliem miġnun

Il-Ħamis, 5 ta’ Diċembru 2013

Il- «kliem insara» mbattla mill-presenza ta’ Kristu huma kliem miġnun, mingħajr sens u qarrieqa li jifirgħu fil-kburija u fil-«kilba għall-poter». Hija stedina għal «eżami tal-kuxjenza» dwar il-koerenza bejn li tgħid u li tagħmel dik proposta mill-Papa Franġisku fil-quddiesa ċcelebrata l-Ħamis filgħodu, 5 ta’ Diċembru, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Waqt li ħa spunt mil-liturġija tal-jum, il-Papa fakkar li «bosta drabi l-Mulej tkellem dwar dan l-atteġġjament», dak li tagħraf il-Kelma iżda bla ma tpoġġiha fil-prattika. Bħal ma jgħid il-Vanġelu, Ġesù «ċanfar ukoll lill-Fariżej» rigward «li kienu jagħrfu kollox, imma li ma kinux iwettquh». U hekk «lin-nies kien jgħidilhom: agħmlu dak kollu li jgħidu, imma mhux dak li jagħmlu, giex dak li jgħidu ma jagħmluhx!». Din hija l-kwistjoni tal- «kliem maqtugħ mill-prattika», kliem li minflok jiġu migħuxa. Madankollu «dawn il-kliem huma tajbin» wissa il- Papa, «huma kliem sbieħ». Per eżempju, «ukoll il-kmandamenti u l-beatitudni» jidħlu ma’ dawn «il-kliem tajbin», hekk kif ukoll tant affarijiet li Ġesù qal. Aħna nistgħu ntennuhom, imma jekk ma jwassluniex għall-ħajja mhux talli ma jiswewx, imma jagħmlulna ħażin, iqarrqu bina, iġegħluna nemmnu li aħna għandna dar sabiħa, imma mingħajr sisien ».

Fis-silta evanġelika ta Mattew (7, 21.24-27), kompla l-Papa, il-Mulej jgħid li propju dak «li jismà l-kelma u jpoġġiha fil-prattika jkun jixbah lil dak ir-raġel għaqli li bena daru fuq il-blat». Fl-aħħar mill-aħħar din hija, huwa spjega, «ekwazzjoni matematika: naf il-Kelma  — inpoġgiha fil-prattika — jien mibni fuq il-blat». Il-kwistjoni essenzjali però, ippreċiża l-Qdusija Tiegħu, hija «kif se npoġgiha fil-prattika?». U enfasizza li propju «hawn jinsab il-messaġġ ta’ Ġesù: tpoġgiha fil-prattika bħal ma tibni dar fuq il-blat». U «din il-figura tal-blat tirreferixxi għall-Mulej».

Għal dan il-għan il-Papa Franġisku ikkwota lill-Profeta Iżaija li, fl-ewwel qari (26, 1-6), jgħid: «Afdaw dejjem fil-Mulej għaliex il-Mulej huwa blata eterna». Mela, spjega l-Papa, «il-blata huwa Ġesù Kristu, il-blata huwa l-Mulej. Kelma hija qawwija, tagħti l-ħajja, tistà tavanza, tistà tittollera l-attakki kollha la darba din il-kelma għandha għeruqha f’Ġesù Kristu». Mill-banda l-oħra «kelma nisranija li m’għandhiex għeruq vitali, fil-ħajja ta’ persuna, f’Ġesù Kristu, hija kelma nisranija mingħajr Kristu. U l-kliem nisrani mingħajr Kristu jqarraq, jagħmel il-ħsara».

Il-Papa mbagħad fakkar lill-kittieb Ingliż Gilbert Keith Chesterton (1874-1936) li «meta tkellem dwar l-ereżiji» qal «li ereżija hija verità, kelma, verità li ġġennet». Dan huwa fatt, enfasizza l-Papa, li «meta l-kliem nisrani jkun mingħajr Kristu jibdew imorru fuq il-mixja tal-ġenn». Iżaija, huwa kompla, «huwa ċar u jindikalna liema huwa dan il-ġenn». Infatti naqraw fis-silta bibblika: «Il-Mulej huwa blata eterna, għaliex huwa waqqà lil dawk li kienu jgħammru fil-għoli, qaleb il-belt sublimi». Iva, «lil dawk li kienu jgħammru fil-għoli. Kelma nisranija mingħajr Kristu — żied il-Papa — twasslek għall-vanità, għas-sikurezza tiegħek innifsek, għall-kburija, għall-kilba għall-poter. U l-Mulej iġarraf lil dawn il-persuni».

Din il-verità, huwa spjega, «hija ħaġa kostanti fl-istorja tas-salvazzjoni. Dan tgħidu Anna, omm Samwel; tgħidu Marija fil-Magnificat: il-Mulej iġarraf il-vanità, il-kburija ta’ dawk il-persuni li jaħsbu li huma blat». Dawn huma «persuni li jmorru biss wara kelma, mingħajr Ġesù Kristu». Jagħmlu propju kelma li hija nisranija «imma mingħajr Ġesù Kristu: mingħajr ir-rapport ma’ Ġesù Kristu; mingħajr it-talba ma’ Ġesù Kristu; mingħajr is-servizz lil Ġesù Kristu; Mingħajr l-imħabba lil Ġesù Kristu».

Għall-Papa Franġisku «dak li l-Mulej illum jgħidilna» huwa stedina biex «nibnu ħajjitna fuq din il-blata. U l-blata huwa Hu. Jgħidulna b’mod espliċitu Pawlu — huwa ppreċiża — meta jirreferixxi għal dak il-waqt li fih Mosè ta daqqa bil-bastun tiegħu fuq il-blata. U jgħid: il-blata kienet Kristu. Kristu huwa l-blata». Din il-meditazzjoni titlob, issuġġerixxa l-Papa, «eżami tal-kuxjenza» li «jagħmlilna tajjeb». «Eżami tal-kuxjenza» li nistgħu nagħmluh billi nwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet essenzjali. Il-Papa nnifsu stqarrhom: «Imma kif inhuma kliemna? Huma kliem suffiċjenti fihom infushom? Huma kliem li jaħsbu li huma potenti? Huma kliem li jaħsbu wkoll li jagħtuna s-salvazzjoni? Huma kliem b’Ġesù Kristu? Dejjem huwa Ġesù Kristu meta ngħidu kelma nisranija?». Il-Papa ried mill-ġdid jippreċiża li jirreferi espressament «għall-kliem nisrani. Għaliex meta mhemmx Ġesù Kristu — huwa qal — ukoll dan jaqsamna bejnietna u jwassal għall-qasma fil-Knisja».

Il-Papa Franġisku temm l-omelija billi talab «lill-Mulej il-grazzja li tgħinna f’din l-umiltà li għandu jkollna: dejjem ngħidu kliem nisrani f’Ġesù Kristu, mhux mingħajr Ġesù Kristu». U talab lill-Mulej biex jgħinna wkoll «f’din l-umiltà li nkunu dixxoipli, salvati, biex navanzaw mhux bi kliem li, biex nemmnu li aħna potenti, nispiċċaw fil-ġenn tal-vanità u fil-ġenn tal-kburija». Li «il-Mulej — huwa kkonkluda — jagħtina din il-grazzja tal-umiltà li ngħidu kliem b’Ġesù Kristu. Imsejsa fuq Ġesù Kristu».

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.