Omelija tal-Papa Franġisku

Dik il-persekuzzjoni nstigata mill-prinċep tad-dinja

Is-Sibt, 4 ta’ Mejju 2013

 

L-insara llum huma iktar ippersegwitati milli fil-bidu tal-istorja tal-kristjaneżmu. Il-kawża oriġinarja ta’ kull persekuzzjoni hija l-mibegħda tal-prinċep tad-dinja lejn il-bosta li kienu salvati u mifdija minn Ġesù bil-mewt tiegħu u bil-qawmien tiegħu. L-uniċi armi biex jiddefendu rwieħhom huma l-kelma ta’ Alla, l-umiltà u l-manswetudni.

Ukoll dalgħodu, is-Sibt, 4 ta’ Mejju, il-Papa Franġisku indika triq li għandna nsegwu biex nitgħallmu kif insibu tarf fost il-perikoli tad-dinja. Perikoli li, spjega fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, huma opra tax-“xitan”, “prinċep tad-dinja,” “spirtu tad-dinja.”

Il-Papa, waqt li kkummenta l-qari tal-jum meħudin minn l-Atti tal-appostli (16, 1-10) u mill-vanġelu ta’ Ġwanni (15, 18-21), immira r-riflessjoni fuq il-mibegħda “kelma qawwija.”- sostna - użatha minn Ġesù. Hu li huwa mgħallem tal-imħabba, li tant kien jieħu gost jitkellem dwar l-imħabba, jitkellem dwar il-mibegħda.” Imma “għalih - spjega - kien iħobb isejjaħ l-affarijiet b’isimhom propju li għandhom. U jgħidilna ‘La tibżgħux! Id-dinja se tobgħodkom. Kunu afu li qabilkom bagħdet lili.’ U jfakkarna wkoll dak li hu forsi kien qal f’okkażjoni oħra lid-dixxipli: ‘ftakru fil-kelma li jien għedtilkom: qaddej mhu qatt aqwa minn sidu. Mela ladarba ppersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.’ It-triq tal-insara hija t-triq ta’ Ġesù.” Biex insegwuh mhemmx triq oħra. Waħda minn dawk issenjalati minn Ġesù, ippreċiża l-Qdusija Tiegħu, “hija konsegwenza tal-mibegħda tad-dinja u wkoll tal-prinċep ta’ din il-mibegħda fid-dinja.”

Gesù — spjega l-Papa — għażilna u “fdiena. Għażilna purament bi grazzja. Bil-mewt u l-qawmien tiegħu fdiena mill-poter tad-dinja, mill-poter tax-xitan, mill-poter tal-prinċep ta’ din id-dinja. L-oriġini tal-mibegħda huwa dan: aħna salvati u dak il-prinċep tad-dinja, li ma jridx li nkunu salvati, jobgħodna u jqajjem il-persekuzzjoni li sa mill-ewwel żminijiet ta’ Ġesù għadu għaddej sallum. Tant komunitajiet insara huma ppersegwitati fid-dinja. F’dan iż-żmien iktar milli fl-ewwel żmenijiet; eh! Illum, issa, f’dan il-jum, f’din is-siegħa. Għaliex? Għaliex l-ispirto tad-dinja jobgħod.”

Soltu lpersekuzzjoni tiġi wara li tkun għamlet triq, twila. “Naħsbu - issuġerixxa l-Papa Franġisku - dwar kif il-prinċep tad-dinja ried jinganna lil Ġesù meta kien fid-deżert: ‘Isa, kun bravu! Għandek il-ġuħ? Kul. Dan int tistà tagħmlu.’ Stiednu wkoll għal ftit vanità: ‘isa kun bravu! Int ġejt biex issalva l-bnedmin. Iffranka l-ħin, mur fit-tempju, inxteħet minn hemm u l-bnedmin kollha jaraw il-miraklu u jispiċċa kollox: int ikollol-awtorità.’ Imma maħsbu dwar dan: Ġesù qatt ma wieġeb lil dan il-prinċep bi kliemu! Qatt. Kien Alla. Qatt. Huwa mar, għat-tweġiba, biex isib il-kliem ta’ Alla u wieġeb bi kliem Alla.” Messaġġ għall-bniedem tallum: “Mal-prinċep ta’ din id-dinja ma tistax tiddjaloga. U dan gjkun ċar.” Id-djalogu huwa ħaġ’oħra: “huwa meħtieġ bejnietna - spjega l-Isqof ta’ Ruma - huwa meħtieġ għall-paċi. Id-djalogu huwa abitudni, huwa propju atteġġjament li aħna hemm bżonn li jkollna bejnietna biex nisimgħu lil xulxin, biex nifhmu lil xulxin. U hemm bżonn li dan inżommuh dejjem. Id-djalogu jitnissel mill-karità, mill-imħabba. Ma’ dak il-prinċep ma tistax tiddjaloga; tistà biss twieġbu bil-kelma t’Alla li jiddefendina.” Il-Prinċep tad-dinja, tennaq, “jobgħodna. U bħal ma għamel ma’ Ġesù jagħmel magħna: ‘imma ħares, agHmel hekk....dan qerq żgħir.... ma jiġri xejn....din ħaġa żgħira’ u hekk jibda jkaxkarna fi triq daqsxejn waħda nġusta.” Jibda minn ħwejjeġ żgħar, imbagħad jibda bit-tifħir u bih “irattabna” sakemm “naqgħu fin-nasba. Ġesù qalilna: ‘Se nibgħatkom bħal nagħaġ fost l-ilpup. Kunu prudenti, iżda sempliċi.’ Jekk, iżda, nħallu lilna nfusna ninħatfu mill-ispirtu ta’ vanità u naħsbu li neħduha mal-ilpup billi aħna stess insiru lpup ‘ dawn jikluna ħajjin.’ Għaliex jekk tieqaf li tkun nagħġa, ma jkollokx ragħaj li jiddefendik u taqà f’idejn dawn l-ilpup. Intom tistgħu titolbu: ‘Missier, imma liema hi l-arma biex niddefendi lili nnifsi minn dawn is-seduzzjonijiet, minn dawn in-nirien artifiċjali li jagħmel il-prinċep ta’ din id-dinja, mit-tifħir tiegħu?’ L-arma hija l-istess waħda ta’ Ġesù: il-kelma ta’ Alla, u mbagħad l-umiltà u l-manswetudni. Naħsbu dwar Ġesù meta jtuħ id-daqqa ta’ ħarta: x’umiltà u x’manswetudni. Setà jinsulenta u minflok għamel domanda umli u mansweta. Naħsbu dwar Ġesù fil-passjoni tiegħu. Dwaru l-profeta jgħid ‘bħal nagħġa li tmur għall-qatla, ma tgħid xejn.’ L-Umiltà. Umiltà u manswetudni: dawn huma l-armi li l-prinċep tad-dinja, l-ispirtu tad-dinja ma jittollerax, għaliex il-proposti tiegħu huma ta’ poter mondan, proposti ta’ vanità, proposti ta’ għana. L-umiltà u l-manswetudni ma jittollerawhomx.” Ġesù huwa manswet u umli tal-qalb u “illum - qal waqt li ħaseb biex jagħlaq l-omelija - iġegħlna naħsbu dwar din il-mibegħda tal-prinċep tad-dinja kontrina, kontra s-segwaċi ta’ Ġesù.” U naħsbu dwar l-armi li għandna biex jiddefenduna: “nibqgħu dejjem nagħaġ, għaliex hekk ikollna ragħaj li jiddefendina.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.