Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Meta nħabbru l-Vanġelu se nħabbtu wiċċna mal-persekuzzjoni. 

Il-Ġimgħa, 4 ta' April 2014

 

Meta nħabbru l-Vanġelu se nħabbtu wiċċna mal-persekuzzjoni, afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, dalgħodu.  Mill-ġdid il-Qdusija tiegħu qal, li llum hemm aktar martri nsara mill-ewwel żminijiet tal-Knisja u ħeġġeġ lill-fidili biex ma jibżgħux meta jsibu min ma jifhimhomx jew jippersegwitahom.

 

Il-qalb tal-ħżiena li jinqatgħu minn ma' Alla trid taħtaf ir-reliġjon taħt idejha.  Il-Papa bena l-omelija fuq il-ħsieb tal-ewwel silta tal-qari tal-ġurnata meħuda mill-Ktieb tal-Għerf.  Għalhekk, osserva l-Papa, l-għedewwa ta' Ġesù jagħmlulu n-nasses, ixerrdu l-kalunji biex itebbgħulu l-fama.  Kienu qishom qed iħejju l-brodu biex jeqirdu lil Ġust.

 

Dan għaliex Hu kien jeħodha kontra l-azzjonijiet tagħhom, kien jikkundanna l-ħtijiet tagħhom kontra l-liġi, kien jieqfilhom għal kif kienu jmorru kontra l-edukazzjoni li rċevew.  Tul l-istorja kollha tas-salvazzjoni, kompla josserva l-Papa, il-profeti ġew ippersegwitati.  Ġesù stess jgħid dan lill-fariżej.

 

Dejjem tul l-istorja tas-salvazzjoni, fiż-żmien ta' Iżrael, anki fil-Knisja, il-profeti ġew ippersegwitati.  Ippersegwitati għax jgħidu: Intom żbaljajtu t-triq!  Erġgħu lura lejn it-triq ta' Alla!.  Dan afferma l-Papa, lin-nies li għandhom is-setgħa ta' dik it-triq żbaljata, idejjaqhom.

 

Il-Vanġelu tallum huwa ċar, mhux hekk?  Ġesù kien mistoħbi, f'dawn l-aħħar jiem, għax kienet għadha ma waslitx is-siegħa tiegħu.  Imma hu kien jaf x'kellu jkun it-tmiem tiegħu, kif kellu jispiċċa.  Ġesù hu pperssegwitat sa mill-bidu: niftakru kif fil-bidu tal-predikazzjoni tiegħu, meta jmur lura pajjiżu, jmur is-sinagoga biex jipprietka.  Mill-ewwel, wara l-istagħġib tal-bidu, jibdew: Imma dan ma nafux mnejn hu.   Dan wieħed minna.  B'liema awtorità jiġi biex jgħallimna?  Fejn tgħallem?  Jiskwalifikawh mill-ewwel.  Huwa l-istess diskors mhux hekk?  “Imma dan nafu minn fejn hu!”  Iżda meta jiġi Kristu, ħadd mhu se jkun jaf fejn qiegħed!  Niskwalifikaw lill-Mulej u lill-profeti biex inneħħulhom l-awtorità! Jiskwalifikawh, żied jgħid il-Qdusija Tiegħu, għax Ġesù kien joħroġ u kien jgħin lil ħaddieħor joħroġ minn dak l-ambjent reliġjuż, minn dik il-gaġġa.  Il-profeta, jitqagħbad kontra min jagħlaq lill-Ispirtu s-Santu f'gaġġa.  Għal din ir-raġuni hu dejjem ippersegwitat!

 

Il-profeti, kompla jirrifletti l-Papa, huma kollha ppersegwitati u mhux mifhuma, imwarrbin fil-ġenb.  Ma jħallulhomx wisa'!”  Din is-sitwazzjoni, żied jgħid, ma ntemmitx mal-mewt u l-qawmien ta' Ġesù: kompliet fil-Knisja!.  Ippersegwitati minn barra u minn ġewwa!

 

Meta naqraw il-ħajjiet tal-qaddisin, qal Franġisku, kemm ma fehemuhomx, kemm sfaw ippersegwitati l-qaddisin, għax kienu profeti!  Ukoll ħafna ħassieba tal-Knisja sfaw ippersegwitati.  Qed naħseb f'wieħed issa, li mhux bogħgod minna, raġel ta' rieda tajba, verament profeta, li bil-kitbiet tiegħu kien iċanfar 'il-Knisja għax qed titbiegħed mill-Mulej. Mill-ewwel ġie mċanfar, il-kotba tiegħu daħlu fl-indiċi, ħadulu l-katedri tat-tagħlim u hekk temm ħajtu dal-bniedem, mhux wisq żmien ilu.  Għadda ż-żmien u issa beatu!  Kif jista' jkun li lbieraħ kien eretiku u llum beatu?  Il-fatt hu li dawk li lbieraħ kellhom is-setgħa, għalqulu ħalqu għax dak li kien jgħid ma kienx jogħġobhom.  Illum, il-Knisja, li bil-grazzja t'Alla taf tindem, tgħid: Le, dan hu bniedem tajjeb!  U aktar minn hekk miexi fit-triq tal-kanoniżżazzjoni: huwa beatu!

 

Il-persuni kollha li l-Ispirtu s-Santu jagħżilhom biex iwasslu l-verità lill-poplu t'Alla, żied il-Papa, jsofru l-persekuzzjoni.  Ġesù hu propju l-mudell, l-ikona.  Il-Mulej ħa fuq spallejh il-persekuzzjonijiet kollha tal-poplu tiegħu.  U llum ukoll, osserva b'diżappunt il-Papa, l-insara huma persegwitati.  Nażżarda ngħid, li forsi llum hemm ħafna, jew aktar, martri mill-ewwel żminijiet, għax għas-soċjetà mondana, għal din is-soċjetà għajjiena li ma tridx problemi, dawn jgħidulha l-verità, iħabbrulha 'l Ġesù Kristu.
 

Imma hemm il-piena tal-mewt jew il-ħabs għal min ikollu l-Vanġelu d-dar, jgħallem il-katekiżmu, illum f'ċerti nħawi!  Kien qed jgħidli Kattoliku minn dawn il-pajjiżi li huma ma jistgħux jitolbu flimkien.  Ipprojbit!  Jistgħu jitolbu biss waħedhom u bil-moħbi.  Imma huma jridu jiċċelebraw l-Ewkariistija.  Allura kif jagħmlu?  Jorganiżżaw festa ta' għeluq snin xi ħadd, jagħmu tabirruħhom li qed issir festa tal-birthday u hemmhekk jiċċelebraw l-Ewkaristija, qabel ma' tibda l-festa!  Imbagħad, ġara ukoll, li meta jaraw lill-puluzija ġejjin, jaħbu kollox u jibdew ikantaw u jagħtu l-awguri u jkomplu l-festa.  Meta l-puluzija jitilqu, jispiċċaw l-Ewkaristija.  Hekk ikollhom jagħmlu għax ipprojbit li jitolbu flimkien.  Illum dan!

 

Din l-istorja tal-persekuzzjonijeit, irrimarka l-Papa, hija l-mixja tal-Mulej, hija l-mixja ta' dawk li jimxu wara l-Mulej.  Imma, żied jgħid, dejjem tispiċċa bħalma spiċċa l-Mulej: bil-qawmien, imma wara li jkunu għaddew mis-Salib!

Il-Papa fakkar lill-Padre Matteo Ricci, l-evanġeliżżatur taċ-Ċina, li ma fehmuhx.  Imma hu obda bħalma għamel Ġesù!  Dejjem se jkun hemm il-persekuzzjonijiet, kompla jgħid, dejjem jiġri li l-profeta ma jkunx mifhum!  Imma Ġesù hu l-Mulej u din hi l-isfida u s-Salib tal-fidi tagħna!.  Jalla l-Mulej, temm il-Papa, itina l-grazzja li nimxu fit-triq tiegħu u jekk ikun il-każ, nimxu ukoll bis-salib tal-persekuzzjoni.


 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.