Omelija tal-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Dik il-paċi storbjuża

It-Tlieta, 3 ta’ Diċembru 2013

Ma tistax taħseb dwar Knisja mingħajr ferħ, għaliex Ġesù, l-għarus tagħha, kien mimli ferħ. Mela, l-insara kollha għandhom jgħixu bl-istess ferħ f’qalbhom u jikkomunikawh sa truf id-dinja. Dan kien fil-qosor is-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku dalgħodu, it-Tlieta 3 ta’ Diċembru, waqt l-omelija tal-quddiesa ċcelebrata fil-kappella ta’ Santa Marta, f’jum it-tifkira tal-kbir evanġelizzatur Franġisku Saverju.

«Il-kelma ta’ Alla — beda l-Papa — illum tkellimna dwar il-paċi u l-ferħ. Iżaija fil-profezija tiegħu (11, 1-10) jgħidilna kif se jkunu jiem il-Messija. Se jkunu jiem ta’ paċi». Għaliex, huwa spjega, Ġesù se jġib il-paċi bejnna u Alla, u l-paċi fostna. Mela l-paci li lkoll kemm aħna nixtiequ hija dik tal-Messija.

Il-Vanġelu ta’ Luqa (10, 21-24) ipproklamat waqt il-liturġija jgħin biex nifħmu xi ħaga iktar dwar Ġesù. «Nistgħu niskopru — speċifika l-Papa — daqsxejn ir-ruħ ta’ Ġesù, il-qalb ta’ Ġesù. Qalb ferrieħa». Aħna infatti mdorrijin naħsbu dwar Ġesù waqt li jippriedka, waqt li jfejjaq, waqt li jimxi għal għonq it-toroq u jitkellem man-nies, jew waqt li jitlà fuq is-salib. Imma «m’aħniex tant imdorrijin — qal l-Isqof ta’ Ruma — biex naħsbu dwar Ġesù mbissen, ferrieħ. Ġesù kien mimli ferħ». Ferħ li kien jiġih mill-intimità mal-Missier. Huwa propju minn dan ir-rapport mal-Missier fl-Ispirtu Santu li jitwieled il-ferħ intern ta’ Ġesù. Dak il-ferħ, żied il-Qdusija Tiegħu, li «huwa jagħti lilna. U dan il-ferħ huwa l-vera paċi. Mhijiex paċi statika, kwieta, trankwilla: il-paċi nisranija hija paċi ferreħija», għaliex huwa ferrieħ Ġesù, huwa ferrieħi Alla.

«Fit-talba tal-bidu tal-quddiesa — huwa kompla — tlabna l-grazzja tal-fervur missjunarju għaliex il-Knisja titgħaxxaq b’ulied ġodda». Ma nistgħux naħsbu fu «Knisja mingħajr ferħ»,għaliex «Ġesù ried li għarustu, il-Knisja, tkun ferrieħa». U «l-ferħ tal-Knisja tal-Knisja huwa propju x-xandir t’isem Ġesù» biex tkun tistà tgħid: «L-għarus tiegħi huwa l-Mulej, huwa Alla» li «jsalvana» u «jakkumpanjana».

F’dan il-ferħ ta’ għarusa, il-Knisja «ssir omm. Pawlu VI — enfasizza l-Papa Franġisku waqt li fakkar it-tagħlim tal-predeċessur tiegħu — kien jgħid: il-ferħ tal-Knisja huwa propju li tevanġelizza» u li tittrasmetti dan il-ferħ «lil uliedha».

Hekk nifhmu li l-paċi li «dwarha jkellimna Iżaija — huwa kompla — hija paċi ta’ ferħ, paċi ta’ tifħir, paċi, ngħidu aħna, storbjuża fit-tifħir. Paċi fertili fil-maternità ta’ wlied ġodda, paċi li tiġi propju fil-ferħ tat-tifħir lit-Trinità u fl-evanġelizzazzjoni, jiġifieri fli tmur tgħid lill-popli min hu Ġesù ».

Paċi u ferħ, mela. «Il-ferħ dejjem, għaliex — spjega l-Qdusija Tiegħu — joħroġ minn dikjarazzjoni dommatika ta’ Ġesù li jgħid: int iddeċidejt hekk, li tirrivela lilek innifsek mhux lill-għorrief imma liċ-ċkejknin. Ukoll fl-affarijiet hekk serji, bħal din, Ġesù huwa ferrieħ». Hekk ukoll il-Knisja hemm bżonn li tkun ferrieħa. Dejjem, ukoll «fil-perijodu tagħha ta’ armla», huwa żied, hija «tkun ferrieħa fit-tama». «Nitolbu — huwa kkonkluda — li l-Mulej jagħti dan il-ferħ lilna lkoll»

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.