Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Il-ferħ tat-tifkira nisranija

Il-Ħamis, 3 ta’ Ottubru 2013

Meta n-nisrani jibdel it-tifkira tal-istorja tal-fidwa mwettqa minn Ġesù f’sempliċi tifkira, jitlef minn quddiem għajnejh il-valur ta’ wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-fidi nisranija: it-tifkira li tagħmel il-ferħ. U hekk jgħix l-Ewkaristija, jiġifieri it-tifkira li tagħmel il-Knisja, bħala ġrajja soċjali li ddejjaq. Dan qalu l-Papa Franġisku waqt li kkummenta l-ewwel qari tal-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, il-Ħamis 3 ta’ Ottubru, fil-kappella ta’ Santa Marta.

Fil-qari, meħud mill-ktieb ta’ Neħemija (8, 1-4, 5-6, 7-12), jiġi deskritt l-episodju tas-sejbien mill-ġdid tal-ktieb tal-liġi li kien intilef u li Esdra jaqra quddiem il-poplu ta’ Alla. Dak — innota l-Papa — «li minħabba f’hekk kien imqanqal u jibki. Kien jibki bil-ferħ, kien jibki b’imħabba», għaliex dak il-ktieb li kien intilef kien reġà nstab. Dan ifisser li «il- poplu ta’ Alla kellu t-tifkira tal-liġi» spjega l-Papa. Imma «kienet tiflira mbiegħda».

Il-qari tal-ktieb iġib lura t-tifkira lill-poplu. U hekk,U hekk waqt li Esdra kien jaqra u l-leviti jispjegaw kliem il-liġi «il-poplu kien jgħid: ammen, ammen». Dan tagħhom kien biki «ta’ ferħ — ippreċiża l-Qdusija Tiegħu — mhux ta’ niket. Ta’ ferħ, għaliex kellhom l-esperjenza tal-viċinanza tat-tifkira tas-salvazzjoni. U dan huwa mportanti mhux biss fil-waqtiet il-kbar tal-istorja, imma wkoll fil-waqtiet ta’ ħajjitna ».

Ilkoll għandna t-tifkira tas-salvazzjoni, assikura l-Papa. Imma staqsa, «din it-tifkira hija qribna? Jew hija tifkira mbiegħda, ftit li xejn imxerrda, xi ftit arkajka, xi ftit tajba għall-mużew?». Meta t-tifkira mhix qrib, meta ma nħossux iktar esperjenza tat-tifkira, bil-mod il-mod din tinbidel f’ «sempliċi rikordju. Għalhekk Mosè kien jgħid lill-poplu: kull sena morru fit-tempju, kull sena ippreżentaw frott l-art, imma kull sena ftakru minn fejn ħriġtu, kif u mifdija». Li nħossu qrib it-tifkira tal-fidwa tagħna tixgħel fina l-ferħ.. «U dan  — speċifika l-Isqof ta’ Ruma — l-ferħ tal-poplu. Huwa prinċipju tal-ħajja nisranija. Il-leviti kienu jikkalmaw lill-poplu kollu li kien jibki bl-emozzjoni u kienu jirrepetu: La ddejqux qalbkom, la ddejqux qalbkom, għaliex il-ferħ, dak li qegħdin tħossu bħalissa, huwa l-ferħ tal-Mulej u huwa qawwietkom».

Meta t-tifkira toqrob, irripeta l-Papa, «tagħmel żewġ ħwejjeġ: issaħħan il-qalb u tagħti l-ferħ». Minflok «it-tifkira ddomestikata, li titbiegħed u ssir sempliċi rikordju, ma ssaħħanx il-qalb u ma tagħtix qawwa». Il-laqgħa mat-tifkira «huwa ġrajja ta’ fidwa, laqgħa mal-imħabba ta’ Alla li għamel l-istorja magħna u salvana. Huwa hekk sabiħ tkun salvat li hemm bżonn li nagħmlu festa ». Mill-bqija, «meta Alla jiġi, joqrob, — huwa żied — dejjem ikun hemm festa».

Madankollu bosta drabi «aħna l-insara nibżgħu mill-festa» u spiss il-ħajja iġġegħlna nitbiegħdu mit-tifkira tagħna; «twassalna biss biex inżommu r-rikordju tal-fidwa, mhux it-tifkira li hija ħajja. Il-Knisja — enfasizza l-Papa Franġisku — iżżomm it-tifkira tagħha, dik li qegħdin nagħmlu issa, it-tifkira tal-Passjoni tal-Mulej. L-istess Mulej qalilna: agħmlu dan b’tifkira tiegħi. Imma ukoll lilna jiġrilna li nbiegħdu din it-tifkira u nittrasformawha f’rikordju, ġrajja tas-soltu. Kull ġimgħa nmorru fil-Knisja, jew jekk miet xi ħadd nafuh inmorru għall-funeral tiegħu. U din it-tifkira bosta drabi ddejjaqna, għaliex mhijiex qrib. Huwa ta’ dwejjaq: il-quddiesa bosta drabi tinbidel fi ġrajja soċjali».

Dan ifisser li ma nkunux viċini għat-tifkira tal-Knisja, li hija l-preżenza tal-Mulej quddiemna. «Nimmaġinaw — kompla l-Papa — din ix-xena sabiħa tal-ktieb ta’ Neħemija: Esdra li jġorr il-ktieb tat-tifkira ta’ Iżrael u l-poplu li joqrob lejn it-tifkira tiegħu u jibki. Il-qalb issaħħnet, huwa ferħan, iħoss li l-ferħ tal-Mulej huwa l-qawwa tiegħu u jagħmel festa, bla biżà, sempliċement».

«Nitolbu lill-Mulej — ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu — il-grazzja li jkollna dejjem it-tifkira tiegħu qribna. Tifkira viċina u mhux iddomestikata bi drawwa, għal tant affarijiet, u mbiegħda bħal sempliċi rikordju».

 

Miġjub għall-Malti Minn Emanuel Zarb.