Dawl moderat, umli u mimli mħabba

It-Tlieta, 3 ta’ Settembru 2013

L-umiltà, il-moderazzjoni, l-imħabba, l-esperjenza tas-salib huma mezzi li permezz tagħhom il-Mulej jegħleb il-ħażen. U d-dawl li Ġesù  jegħleb l-għama tal-bniedem, spiss imgħammex mid-dawl falz tad-dinja, iktar qawwi imma qarrieq. Imiss lilna li nkunu apaċi nagħrfu liema dawl jiġi minn Alla. Dan huwa is-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tlieta 3 ta’ Settembru, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

Waqt li kkummenta l-ewwel qari, il-Qdusija Tiegħu insista fuq il-“kelma s-sabiħa” li San Pawl jgħid lit-Tessa;lonkin: “Intom ħuti mintomx fid-dlam... intom ilkoll ulied id-dawl u ulied il-jum, mhux il-lejl. Aħna maħna la tal-lejn u linqas tad-dlam” (1 Ts  5, 1-6, 9-11). Huwa ċar, spjega l-Papa, dak li jrid jgħid l-Appostlu: “l-Identità nisranija hija identità tad-dawl, mhux tad-dlam.” U Ġesù ġab dan id-dawl fid-dinja. “San Ġwann - ippreċiża l-Papa Franġisku - fl-ewwel kapitolu tal-Vanġelu tiegħu jgħidilna ‘id-dawl ġie fid-dinja,’ hu, Ġesù.” Dawl li “ma ntlaqax tajjeb mid-dinja,” imma li madankollu “isalvana mid-dlam, mid-dlam tad-dnub.” Illum, kompla l-Papa, naħsbu li huwa possibli li niksbu dan id-dawl li jikser id-dlamijiet permezz ta’ ħafna sejbiet xjentifiċi u nvenzjonijiet oħra tal-bniedem, grazzi għal-liema “tistà tkun taf kollox, tistà jkollok għarfien ta’ kollox.” Imma “id-dawl ta’ Ġesù - wissa l-Papa Franġisku - huwa ħaġ’oħra. Mhuwiex dawl tal-injoranza, no le! Huwa dawl ta’ għerf, ta’ għaqal; imma huwa ħaġ’oħra. Id-dawl li tofrilna d-dinja huwa dawl artifiċjali. Jistà jkun qawwi, iktar qawwi minn dak ta’ Ġesù, eh? Qawwi bħal dawl ta’ murtal, bħal berqa tar-ritratti. Għall-kuntrarju id-dawl ta’ Ġesù huwa dawl moderat, huwa dawl trankwill, huwa dawl ta’ paċi.  Huwa bħad-dawl tal-lejl tal-Milied, mingħajr pretensjonijiet. Huwa hekk: joffri u jagħti l-paċi. Id-dawl ta’ Ġesma joħloqx spettaklu; huwa dawl li jiġi mill-qalb. Huwa minnu li x-xitan, u dan jgħidulna San Pawl, bosta drabi jiġi liebes ta’ anġlu tad-dawl. Hu jieħu gost jimita d-dawl ta’ Ġesù. Jagħmilha tat-tajjeb u jitkellem ukoll hekk, b’mod trankwill, bħal ma kellem lil Ġesù wara s-sawm fid-deżert: ‘jekk inti bin Alla agħmel dan il-miraklu, aqbeż minn fuq it-tempju’ oħloq spettaklu! U dan jgħidu b’mod trankwill” u għalhekk qarrieq.

Għal dan il-Papa Franġisku irrakkomanda li “nitolbu ferm lill-Mulej l-għaqal tad-dixxerniment biex nagħrfu meta jkun Ġesù li jagħtina d-dawl u meta jkun propju x-xitan liebes ta’ anġlu tad-dawl. Kemm huma dawk li jemmnu li qegħdin jgħixu fid-dawl iżda jinsabu fid-dlamijiet u ma jindunawx!”

Imma kif inhu d-dawl li joffrilna Ġesù? “Nistgħu nagħrfuh - spjega l-Qdusija Tiegħu - għaliex huwa dawl umli. Mhuwiex dawl li jimponi, huwa umli. Huwa dawl moderat, bil-qawwa tal-moderazzjoni; huwa dawl li jkellem il-qalb u huwa wkoll dawl li joffri s-salib. Jekk aħna, fid-dawl intern tagħna, aħna bnedmin mansweti nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù f’qalbna u nħarsu bla biżà lejn is-salib fid-dawl ta’ Ġesù.” Imma, jekk il-kuntrarju, inħalluna nitgħammxu minn dawl li jġegħlna nħossuna sikuri, mimlijin bina nfusna u jġibna nħarsu lejn l-oħrajn mill-għoli, li nwarrbuhom b’suppervja, bla dubju ta’ xejn ma ninsabux fil-preżenza tad-“dawl ta’ Ġesù.”  Huwa minflok “dawl tax-xitan liebes ta’ Ġesù - qal l-Isqof ta’ Ruma - ta’ anġlu tad-dawl. Hemm bżonn li dejjem niddistingwu: fejn hemm Ġesù hemm dejjem l-uniltà, il-manswetudni, l-imħabba u s-salib. Qatt infatti ma nsibu lil Ġesù mingħajr umiltà, minġhajr manswetudni, mingħajr imħabba u mingħajr salib. Kien hu l-ewwel li mexa għal għonq din it-triq tad-dawl. Hemm bżonn li nmorru warajh bla biżà,” għaliex “Ġesù għandu l-qawwa u l-awtorità li jtina dan id-dawl.” Qawwa deskritta fis-silta tal-Vanġelu tal-liturġija tallum, li fiha Luqa jirrakkonta l-episodju tat-tkeċcija, ġo Kafarnaw, tax-xitan mir-raġel ippossedut (cfr. Lq 4, 16-30). “In-nies - saħaq il-Papa - inħakmet mill-biżà u, jgħid il-Vanġelu, staqsew lilhom infushom: ‘xi kliem huwa dan li jikkmanda b’awrorità u qawwa lill-ispirti maħmuġa u huma jitilqu?’ Ġesù m’għandux bżonn eżerċtu biexd ikeċċi x-xjaten, m’gbżonn is-suppervja, m’għandux bżonn tal-qawwa, tal-kburija.” Liema hija din il-kelma “li tamar b’awtorità u qawwa lill-ispirti ħżiena u huma jitilqu?” staqsa l-Papa. “Hija kelma - kienet it-tweġiba tiegħu - umli, mansweta, b’tant imħabba.” Hija kelma li takkumpanjana fil-waqtiet tat-tbatija, li jressquna lejn is-salib ta’ Ġesù. “Nitolbu lill-Mulej - kienet l-eżortazzjoni finali tal-Papa Franġisku - li llum jagħtina l-grazzja tad-dawl tiegħu u jgħallimna niddistingwu meta d-dawl ikun tiegħu u meta d-dawl ikun artifiċjali magħmul mill-għadu biex iqarraq bina.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.