Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Huwa l-Ispirtu li jagħti l-identità lin-Nisrani mhux il-lawriji.

It-Tlieta, 2 ta' Settembru 2014

 

L-awtorità tan-Nisrani tiġi mill-Ispirtu s-Santu mhux mill-għerf tal-bniedem jew mil-lawriji fit-teoloġija.  L-identità Nisranija tfisser li jkollok l-Ispirtu ta’ Kristu mhux l-ispirtu tad-dinja.  Dan hu l-ħsieb ewlieni tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel fid-Dar Santa Santa Marta dalgħodu.

 

“In-nies baqgħu mistgħaġbin bit-tagħlim ta’ Ġesù għax kliem kien ta’ bniedem li għandu s-setgħa”.  Il-Papa Franġsiku ħa spunt minn din is-silta tal-Vanġelu tallum biex jitkellem dwar l-awtorità tal-Mulej, u bħala konsegwenza l-awtorità tan-Nisrani.

 

Ġesù, qal il-Papa, ma kienx predikatur komuni għax l-awtorità tiegħu kienet ġejja mid-dilka speċjali tal-Ispirtu s-Santu.  Ġesù hu Iben Alla midluk u mibgħut biex iġib is-salvazzjoni, biex iġib il-libertà.  Uħud, kompla jinnota l-Papa, kienu skandaliżżati minn dan l-istil ta’ Ġesù, mill-identità u l-libertà tiegħu.

U aħna rridu nistaqsu lilna nfusna liema hi l-identità tagħna bħala Nsara?  Pawlu llum jgħidilna sew: Aħna nitkellmu dwar dan mhux bi kliem li ġej mill-għerf tal-bniedem.

 

Il-predikazzjoni ta’ Pawlu ma kinitx riżultat ta’ xi kors fl-università tal-Lateran jew fil-Gregorjana…… Le, le u le!  Kien għall għerf uman?  Le!  Imma kienet predikazzjoni mgħallma lilu mill-Ispirtu s-Santu: Pawlu kien jipprietka bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu, u kien jesprimi l-affarijiet spiritwali tal-Ispirtu f’termini spiritwali.  Imma bil-forża tiegħu biss il-bniedem ma jifhimx l-affarijiet tal-Ispirtu ta’ Alla; il-bniedem waħdu ma jistgħax jifhmu dan!

 

Għalhekk, żied jgħid Franġisku, jekk aħna l-Insara ma nifhmux tajjeb l-ħwejjeġ tal-Ispirtu, la nagħtu u lanqas noffru xhieda; ma jkollniex identità.

Għal dawk in-nies, il-ħwejjeġ tal-Ispirtu huma ġenn, m’għandhomx ħila jifhmuhom.  Iżda l-bniedem imqanqal mill-Ispirtu, jixtarr kull ħaġa: huwa ħieles mingħajr ma jkun iġġudikat minn ħadd.

 

Issa aħna għandna l-ħsieb ta’ Kristu, jiġfieri l-Ispirtu ta’ Kristu.  Din hi l-identità Nisranija, li ma jkollokx l-ispirtu tad-dinja, il-mod kif taħseb u tiġġudika d-dinja.  Jista’ jkollok ħames lawriji fit-teoloġija imma xorta ma jkollokx l-Ispirtu t-Alla!  Forsi int teologu kbir, imma m’intix Nisrani għax m’għandekx l-Ispirtu t’Alla!  Dak li jagħti l-awtorità, dak li jtik l-identità hu l-Ispirtu s-Santu, id-dilka tal-Ispirtu s-Santu.

 

Kien għalhekk, qal il-Papa, li l-poplu ma kienx iħobb lil dawk il-predikaturi, dawk l-imgħallmin tal-liġi, għax kienu jitkellmu verament dwar it-teoloġija imma ma kinux jaslu sal-qalb, kienu jxekklu l-libertà.  Dawk ma kellhomx ħila jgħinu lill-poplu jsib l-identità tiegħu għax ma kienux midlukin mill-Ispirtu s-Santu.

L-awtorità ta’ Ġesù (u l-awtorità tan-Nisrani) – tiġi propju mlil-ħila li jifhem l-affarijiet tal-Ispirtu, li jitkellem il-lingwa tal-Ispirtu.  Tiġi minn din id-dilka tal-Ispirtu s-Santu.

 

U ħafna drabi, ħafna drabi, fost il-fidili tagħna nsibu anzjani sempliċi li forsi lanqas temmew l-iskola primarja, imma li jitkellmu aħjar minn teologu għax għandhom l-Ispirtu ta’ Kristu.  L-istess bħalma kellu San Pawl.  U lkoll kemm aħna għandna nitolbu dan: Mulej, agħtina l-identità Nisranija, dik li kellek Int.  Tina l-Ispirtu tiegħek, il-mod kif taħseb Int, kif tħoss, kif titkellem: jiġifieri: Mulej tina d-dilka tal-Ispirtu s-Santu, temm jgħid Il-Qdusija Tiegħu.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.