It-theddida tat-tqasqis

It-Tnejn, 2 ta’ Settembru 2013

L-ilsien, is-seksik, it-tqasqis huma armi li ta’kuljum jheddu l-komunità umana, waqt li jiżirgħu għira, ġelożija u regħba għall-poter. Bihom nistgħu naslu biex noqtlu bniedem. Għalhekk titkellem dwar il-paċi ifisser ukoll li taħseb dwar id-deni li huwa possibbli li jsir bl-ilsien.

Profonda kienet ir-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku fil-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, drawwa mibdiha mill-ġdid dalgħodu, it-Tnejn 2 ta’ Settembru.

Il-Papa ħa spunt mir-rakkont tar-ritorn ta’ Ġesù ġewwa Nażżarett, hekk kif propost minn Luqa (4, 16-30) f’wieħed mill-iktar episodji tal-Vanġelu “drammatiċi,” li fih - qal il-Papa - “wieħed jistà jara kif inhi qalbna” u kif ir-riħ jistà jdawwarha minn naħa għal oħra. Ġo Nażżarett - spjega l-Papa, - kulħadd kien qed jistenna lil Ġesù. Riedu jsibuh. U hu mar biex jiltaqà ma’ niesu. Għall-ewwel darba reġà lura lejn Pajjiżu. U huma kienu qegħdin jistennewh għaliex kienu semgħu dak kollu li kien għamel ġewwa Kafarnaw, il-mirakli. U meta tibda ċ-ċerimonja, kif kienet id-drawwa, jitolbu lill-mistieden biex jaqra l-ktieb. Ġesù hekk jagħmel u jaqra l-ktieb tal-Profeta Iżaija, li ftit jew wisq kienet il-profezija dwaru u ghekk ikkonkluda l-qari billi qalilhom ‘Illum qiegħda titwettaq din l-iskrittura li għadkom kemm smajtu.’”

L-ewwel rejazzjoni, spjega l-Papa, kienet tassew sabiħa, ilkoll apprezzawh. Imma mbagħad fir-ruħ ta’ xi ħadd beda jinbet id-dudu tal-għira u beda jgħid: “ ‘Imma dan fejn studja? Dan mhux bin Ġużeppi? U aħna nafu r-razza u r-radika kollha. Imma f’liema università studja’?” U bdew jippretendu li jagħmlilhom miraklu: wara li jkunu emmnu biss. “Huma - ippreċiża l-Papa - riedu l-ispettaklu: ‘Agħmel miraklu u lkoll nemmnu fik.’ Imma Ġesù mhux xi artist.”

Gesù m’għamilx mirakli ġo Nażżarett. Anzi saħaq fuq il-ftit fidi ta’ min talab l-“ispettaklu.” Dawn, innota l-Papa Franġisku, “irrabjaw tant, li qamu u mbuttaw lil Ġesù sa fuq il-muntanja sabiex jitfgħuh g isfel u joqtluh.” Dak li kien beda fuq ton ferrieħi hedded li jintemm b’delitt, il-qtil ta’ Ġesù “minħabba l-ġelożija, minħabba l-għira.” Imma dan mhux biss episodju ta’ elfejn sena ilu, sostna l-Isqof ta’ Ruma. “Dan iseħħ kuljum - qal - ġewwa qalbna, fil-komunitajiet tagħna” kull darba li nilqgħu lil xi ħadd li fl-ewwel jum jitkellem sabiħ u mbagħad kull ma jmur jibda jnaqqas sakemm jasal għat-tqasqis hekk li donnu jrid “jintef” lil dak li jkun. Dak li, f’komunità, jqasqas kontra ħuh jispiċċa biex “ikun irid joqtlu,” saħaq il-Papa. “L-Appostlu Ġwanni - fakkar - fl-ewwel ittra, kapitolu 3, fil-vers 15, jgħidilna dan: dak li jobgħod f’qalbu lil ħuh huwa qattiel.” U l-Papa dlonk żied: “aħna mdorrijin bit-tqasqis u s-seksik” u spiss nibdlu l-komunitajiet tagħna u wkoll il-familja tagħna f’”infern,” fejn timmanifesta ruħha din il-forma ta’ kriminalità li twassal gHall-“qtil tal-aħwa subien u bniet b’ilsienna.”

“Il-Bibbja - kompla l-Papa - tgħid li x-xitan daħal fid-dinja b’għira. Komunita, familja tinqered minn din l-għira li jgħallem ix-xitan fil-qalb u li jwassal biex wieħed jitkellem ko0ntra l-ieħor.” U waqt li rrifera għal dak li qed iseħħ f’dawn il-jiem, sostna li hemm bżonn naħsbu wkoll dwar l-armi ta’ kuljum tagħna: “l-ilsien, is-seksik u t-tqasqis .”

Kif immela nibnu komunità? staqsa l-Papa. Hekk “kif inhu s-sema” wieġeb; hekk ki tħabbar il-Kelma ta’ Alla: “Waslet il-vuċi tal-arkanġlu, id-daqq tat-tromba ta’ Alla, il-jum tal-qawmien. U wara dan jgħid: u hekk għal dejjem inkunu mal-Mulej.” Mela “sabiex ikun hemm il-paċi f’komunità, f’familja, f’Pajjiż, fid-dinja, hemm bżonn li nibdew inkunu mal-Mulej. U fejn hemm il-Mulej mhemmx għira, mhemmx kriminalità, ma jkunx hemm ġelożija. Ikun hemm il-fratellanza. Nitolbu dan lill-Mulej: li qatt ma noqtlu lill-proxxmu b’ilsienna u nkunu mal-Mulej kif ilkoll għad inkunu fis-sema.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.