Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-Vanġelu ma jitħabbarx biex nikkonvinċu bi kliem għaref, imma bl-umiltà,

It-Tnejn, 1 ta' Settembru 2014

 

Il-Vanġelu ma jitħabbarx biex nikkonvinċu bi kliem għaref, imma bl-umiltà, għaliex il-qawwa tal-Kelma t’Alla hi Ġesù stess u jista’ jilqgħu biss min għandu qalb miftuħa.

 

Wara l-waqfa tas-sajf, dalgħodu l-Papa Franġisku reġa’ beda l-omelija dwar il-qari tal-ġurnata waqt il-quddiesa li jiċċelebra kuljum fid-Dar Santa Marta.

 

Fil-kumment dwar il-qari l-Papa spjega x’inhi l-Kelma t’Alla u kif għandha tintlaqa’.  San Pawl ifakkar lill-Korintin li hu kien ħabbar il-Vanġelu mingħajr ma bbaża’ l-argumenti tiegħu fuq kliem perswasiv u għaref.

 

“Pawlu jgħid:  Imma jien ma ġejtx għandkom biex nikkonvinċikom bl-argumenti, bil-kliem jew bit-tixbihat sbieħ…..  Le, jiena ġejt mod ieħor, bi stil ieħor.  Jien ġejt bil-manifestazzjoni tal-Ispirtu u tal-qawwa tiegħu.  Biex il-fidi tagħkom ma tieqafx fuq l-għerf tal-bniedem imma fuq il-qawwa t’Alla”. 

 

Għalhekk, il-Kelma t’Alla hija hi xi ħaġa differenti, xi ħaġa li mhix l-istess bħall-kelma umana, bħall-kelma għarfa, kelma xjentifika, kelma filosofika….. le, hi xi ħaġa oħra.  Tasal mod ieħor” qal Franġisku.

 

Dak hu li jiġri lil Ġesù meta jikkummenta l-Iskrittura fis-Sinagoga ta’ Nażaret, il-post fejn għex.  Għall-bidu, in-nies tal-post ammirawh għal dak li kien qiegħed jgħid imma mbagħad irrabjaw u riedu joqtluh.

 

Għaddew min-naħa għal-oħra, spjega l-Papa, għax il-kelma t’Alla hija xi ħaġa differenti mill-kelma tal-bniedem.  Fil-fatt, Alla jkellimna permezz ta’ Ibnu, li jfisser li l-Kelma t’Alla hija Ġesù, Ġesù stess, u Ġesù hu skandlu.  Is-salib ta’ Kristu jiskandaliżża.  U din hi l-qawwa tal-Kelma t’Alla: Ġesù Kristu, il-Mulej.

U kif għandna nilqgħu l-Kelma t’Alla?  Kif nirċievu lil Ġesù Kristu?  Il-Knisja tgħidilna li Ġesù hu preżenti fl-Iskrittura, fil-Kelma tiegħu.  Għalhekk, afferma l-Papa, hu tant importanti li matul il-ġurnata naqraw silta mill-Vanġelu.

 

“Għalfejn? Biex nitgħallmu?”  Le!  Biex insibu lil Ġesù, għaliex Ġesù jinsab propju fil-Kelma tiegħu, fil-Vanġelu tiegħu.  Kull darba li jiena naqra l-Vanġelu nsib lil Ġesù.

 

Imma kif qed nirċevi din il-Kelma?  Din għandha tintlaqa’ kif nilqgħu lil Ġesù, b’qalb miftuħa, b’qalb umli, bl-ispirtu tal-Beatitudnijiet.  Għaliex Ġesù hekk ġie, fl-umlità.  Ġie fil-faqar.  Ġie bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu.

 

Hu l-qawwa, kompla l-Papa, huwa l-Kelma t’Alla għax hu l-midluk mill-Ispirtu s-Santu.  Aħna wkoll, jekk irridu nisimgħu u nirċievu l-Kelma t’Alla, irridu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu u nitolbu din id-dilka tal-qalb li hi d-dilka tal-Beatitudnijiet.  Qalb bħalma hi l-qalb tal-Beatitudnijiet.

 

Jagħmlilna tajjeb illum nistaqsu lilna nfusna:  kif nirċeviha jien il-Kelma t’Alla?  Qiesha xi ħaġa interessanti?  Ah, is-saċerdot illum dan ipprietka….. kemm kien interessanti!  Kemm hu għaref das-saċerdot!, Jew il-Kelma nirċeviha hekk, sempliċiment għax Ġesù hu ħaj?

 

U jien għandi ħila, isimgħu sewwa l-mistoqsija, jien għandi ħila nixtri ktieb tal-Evanġelu żgħir, li jiswa’ ftit flus?  Ixtru ktieb tal-Vanġelu żgħir u ħuduh dejjem magħkom kull fejn tkunu, fil-basket, u meta tkunu tistgħu, matul il-jum, aqraw silta biex issibu lil Ġesù hemmhekk.  Dawn iż-żewġ mistoqsijiet jagħmlulna tajjeb u jalla l-Mulej jgħinna, temm il-Qdusija Tiegħu.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.