Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

L-insara illuppjati ma jagħmlux ġid lill-Knisja. 

It-Tnejn, 1 ta' April 2014

 

L-insara illuppjati ma jagħmlux ġid lill-Knisja.  Hekk osserva l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa saħaq li m'għandniex neħlu mal-formaliżmi imma “nitħaltu”, negħlbu l-għażż spiritwali u nirriskjaw personalment biex inħabbru l-Vanġelu.

 

Il-Papa Franġisku għamel omelija dwar is-silta tal-Vanġelu li tirrakkonta l-laqgħa ta' Ġesù mal-paralitiku li kien ilu marid 38 sena, taħt il-portiku qrib il-menqa jistenna l-fejqan.  Dar-raġel kien qed jilminta li ma setax jinżel fl-ilma tal-menqa għax dejjem kien isib min jinżel qablu.  Imma Ġesù jibdel ix-xefaq u jordnalu “jqum”, imur.  Miraklu li qanqal il-kritika tal-fariżej għax kien is-Sibt u f'dak il-jum, kienu jgħidu huma, kien ipprojbit li jsir dan.

 

F'dar-rakkont, osserva l-Papa, insibu żewġ mardiet koroh, mardiet spiritwali.  Żewġ mardiet li jagħmlilna tajjeb nirriflettu fuqhom.  L-ewwel waħda ir-rassenjazzjoni tal-marid li kien mgħaddab u jilmenta.

 

Naħseb f'tant insara, qal il-Papa, tant Kattoliċi, li veru, huma Kattoliċi imma mingħajr entużjażmu, anki forsi mgħaddbin!  Iva, hekk hi l-ħajja, imma l-Knisja...... jien immur il-quddies kull nhar ta' Ħadd, imma aħjar ma nitħallatx, jiena għand l-fidi għas-saħħa tiegħi, m'għandix bżonn ngħaddieha lil ħaddieħor....!  Kulħadd miġbur f'daru għall-kwiet tal-ħajja... Imbagħad int tagħmel xi ħaġa u jċanfruk.  Le, aħjar hekk, aħjar ma nirriskjax....  Din hi l-marda tal-għażż, tal-għażż tal-insara.

 

Dan l-atteġġjament jipparaliżża ż-żelu appostoliku tal-insara, lill-Kristjani jagħmilhom bnedmin statiċi, kalmi, mhux fis-sens pożittiv tal-kelma: imma fis-sens li ma jħabblux rashom biex jagħtu l-aħbar tal-Vanġelu!  Persuni illuppjati, ikkummenta l-Papa.

 

Il-loppju, żied jgħid, hu esperjenza negattiva.  Dik li ma nitħallatx issir għażż spiritwali.  U l-għażż hu djieqa, dawk l-insara huma mdejqin, huma persuni mingħajr dawl, persuni negattivi.  Din hi marda tagħna l-insara.  Immorru l-quddies kull nhar ta' Ħadd imma ngħidu: jekk jogħoġbok tiddisturbanix!  Dawn l-insara neqsin mill-ħeġġa appostolika, wissa l-Papa, ma jiswewx, mhumiex tajbin għall-Knisja.  Kemm hemm insara bħal dawn – afferma b'dispjaċir il-Papa – egoisti, għalihom waħedhom.

 

Dan hu d-dnub tal-għażż li hu l-oppost taż-żelu appostoliku, kontra r-rieda li nwasslu n-novità ta' Ġesù lill-oħrajn, din in-novità li ġiet mogħtija lili b'xejn.  Imma f'dal-pass tal-Vanġelu, qal il-Papa, insibu dnub ieħor meta naraw li Ġesù ġie kritikat għax fejjaq lill-marid fil-jum tas-Sibt.   Id-dnub tal-formaliżmu.  Insara li ma jħallux lok għall-grazzja t'Alla.  U l-ħajja nisranija, il-ħajja ta' dawn in-nies hi li jkollhom id-dokumenti kollha f'posthom u jkollhom iċ-ċertifikati sewwa. Insara ipokriti bħal dawn.  Tinteressahom biss il-formalità.  Kien is-Sibt?  Le, ma jistgħux isiru mirakli s-Sibt, il-grazzja t'Alla ma tistax taħdem is-Sibt.  Jagħlqu l-bieb għall-grazzja t'Alla.  Għandna tant minnhom fil-Knisja, tant u tant!  Dan hu dnub ieħor.

 

L-ewwel, dawk li għandhom id-dnub tal-għażż li m'għandhomx ħila jimxu biż-żelu appostoliku għax qatgħuha li jingħalqu fihom infushom, fid-dwejjaq tagħhom, fis-sens ta' fastidju tagħhom, f'dak kollu.  Dawn m'għandhomx ħila jwasslu s-salvazzjoni għax għalqulha l-bieb.  Għalihom tgħodd biss il-formalità.  L-aktar kelma li tiġi f'moħhom hi “ma jistax ikun”.  Dawn in-nies niltaqgħu magħhom aħna ukoll, żied il-Papa, tant drabi ltqajna mal-għażż u tant drabi konna ipokriti bħall-fariżej.

 

Dawn, kompla jgħid, huma tentazzjonijiet li jkollna, imma jeħtieġ nagħrfuhom biex niġġildulhom.  U quddiem dawn iż-żewġ tentazzjonijiet, quddiem dak l-”isptar tal-kamp tal-battalja” li hu s-simbolu tal-Knisja, quddiem tant bnedmin miġrugħa, Ġesù jersaq lejhom u jitlob biss:  trid tfiq?  U jtihom il-grazzja.  Il-grazzja tagħmel kollox.  U meta jiltaqa' mill-ġdid mal-paralitiku jgħidlu: tidnibx aktar.

 

Iż-żewġ kelmiet Kristjani: trid tfiq?  Tidnibx aktar.  Imma l-ewwel ifejqu.  L-ewwel fejqu u wara qallu tidnibx aktar.  Kliem li jingħad bit-tenerezza, bl-imħabba.  Din hi t-triq nisranija, it-triq taż-żelu apppostoliku; li nersqu lejn ħafna bnedmin feruti f'dan l-isptar tal-kamp tal-battalja u tant drabi bnedmin imweġġgħin minn irġiel u nisa tal-Knisja.!

 

Hija kelma tal-aħwa: trid fiq?  U meta dak li jkun ikun fieq: tidnibx aktar għax ma jagħmillekx tajjeb!  Dan hu ferm aħjar: iż-żewġ kelmiet ta' Ġesù huma isbaħ mill-atteġġjament tal-għażż jew l-atteġġjament tal-ipokrisija, temm il-Papa.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.