VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIR-RUMANIJA

(31 TA’ MEJJU - 2 TA’ ĠUNJU 2019)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Katidral Kattoliku ta’ San Ġużepp (Bucharest)

Il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2019

 

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jdaħħalna fil-laqgħa bejn żewġ nisa li jitgħannqu u jimlew kollox bil-ferħ u t-tifħir: it-tarbija taqbeż bil-ferħ u Eliżabetta tbierek lil kuġintha għall-fidi tagħha; Marija tgħanni l-għeġubijiet kbar li l-Mulej wettaq fil-qaddejja umli tiegħu bl-innu kbir ta’ tama għal dawk li m’għadhomx jistgħu jkantaw, għax tilfu leħinhom… Għanja ta’ tama li tixtieq tqajjem anki lilna u tistedinna nintonawha llum permezz ta’ tliet elementi prezzjużi li jitwieldu mill-kontemplazzjoni tal-ewwel dixxiplu mara: Marija timxi, Marija tiltaqa’, Marija tifraħ.

 

Marija timxi… minn Nazaret sad-dar ta’ Żakkarija u Eliżabetta: dan hu l-ewwel wieħed mill-vjaġġi li tirrakkonta l-Iskrittura. L-ewwel minn ħafna. Għad tivvjaġġa mill-Galilija għal Betlehem, fejn jitwieled Ġesù; taħrab lejn l-Eġittu biex issalva lit-Tarbija minn idejn Erodi; terġa’ tmur Ġerusalemm kull sena għall-Għid, sal-aħħar wieħed li fih timxi wara Binha lejn il-Kalvarju. Dawn il-vjaġġi għandhom karatteristika: qatt ma kienu mixjiet ħfief, riedu ħafna kuraġġ u sabar. Juruna li Marija taf x’inhuma t-telgħat, taf x’inhuma t-telgħat weqfin tagħna: u hi oħtna fil-mixja. Esperta fit-taħbit, taf kif taqbdilna jdejna fl-iebes tal-ħajja, meta nsibu ruħna quddiem it-telgħat l-aktar weqfin tal-ħajja. Bħal omm twajba, Marija taf li t-triq tal-imħabba hi dik li tgħaddi mill-ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum. Imħabba u għaqal ta’ omm li kapaċi jibdlu grotta tal-annimali f’dar għal Ġesù, bi ftit faxex fqajra u muntanja ta’ ħlewwa (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 286). Meta nikkontemplaw lil Marija nkunu nistgħu ndawru ħarsitna fuq ħafna nisa, ommijiet u nanniet ta’ dawn l-artijiet li, b’sagrifiċċju u fil-moħbi, iċ-ċaħda tagħhom infushom u t-tħabrik, qed jagħġnu l-preżent u jinsġu l-ħolmiet ta’ għada. Għotja siekta, determinata u li ftit jintebħu biha, li ma tibżax “ixxammar il-kmiem” u terfa’ fuq spallejha d-diffikultajiet biex tmexxi ’l quddiem il-ħajja ta’ wliedha u tal-familja kollha waqt li “tittama kontra kull tama” (Rum 4:18). Hu tifkira ħajja l-fatt li fil-poplu tagħkom hemm jgħix u jħabbat sens qawwi ta’ tama, lil hemm mill-kundizzjonijiet kollha li jistgħu jxekkluh jew jippruvaw jitfuh. Meta nħarsu lejn Marija u tant uċuħ ta’ ommijiet, nistgħu nduqu u nsaħħu fina l-ispazju għat-tama (ara Dokument ta’ Aparecida, 536), li jnissel u jiftaħ għall-futur. Ejjew ngħiduha bil-qawwa din: fil-poplu tagħna hemm wisa’ għat-tama. Għalhekk Marija timxi u tistedinna nimxu flimkien.

 

Marija tiltaqa’ ma’ Eliżabetta (ara Lq 1:39-56), diġà mdaħħla fiż-żmien. Imma hija hi, l-anzjana, li titkellem dwar il-futur, li tħabbar: “imtliet bl-Ispirtu Santu” (v. 41), u ssejħilha “hienja” għax “emmnet” (v. 45), u hekk tantiċipa l-aħħar beatitudni tal-Vanġeli: hieni minn jemmen (ara Ġw 20:29). Araw kif iż-żagħżugħa toħroġ tiltaqa’ mal-anzjana tfittex l-għeruq u l-anzjana titwieled mill-ġdid u tħabbar lil din iż-żagħżugħa u tagħtiha futur. Hekk, żgħażagħ u anzjani jiltaqgħu, jitgħannqu u huma kapaċi jqanqlu f’xulxin l-aħjar li hemm fihom. Dan hu l-miraklu mqanqal mill-kultura tal-laqgħa, fejn ħadd ma hu mormi jew ittimbrat, anzi, bil-maqlub, fejn kulħadd hu mfittex, għax hu meħtieġ, biex fih jidher il-Wiċċ tal-Mulej. Ma jibżgħux jimxu flimkien u, meta dan iseħħ, Alla jasal u jwettaq għeġubijiet kbar fil-poplu tiegħu. Għax hu l-Ispirtu s-Santu Dak li jagħmlilna l-qalb biex noħorġu minna nfusna, mill-għeluq tagħna u mill-partikulariżmi tagħna, biex jgħallimna naraw lil hemm mill-apparenzi u jirregalalna l-possibbiltà li nitkellmu tajjeb fuq l-oħrajn – “inberkuhom” – speċjalment fuq ħafna minn ħutna li baqgħu esposti għall-maltempati, imċaħħda forsi mhux biss minn saqaf fuq rashom jew minn ftit tal-ħobż, imma mill-ħbiberija u mis-sħana ta’ komunità li tgħannaqhom, li tipproteġihom u li tilqagħhom. Kultura tal-laqgħa li twassal lilna l-Insara biex induqu l-miraklu tal-maternità tal-Knisja li tfittex, tiddefendi u xxierek flimkien lil uliedha. Fil-Knisja, meta jiltaqgħu flimkien riti differenti, meta li jiġi l-ewwel mhumiex l-appartenenzi tagħna, il-grupp tagħna jew il-familja etnika tagħna, imma l-Poplu li jaf ifaħħar flimkien lil Alla, allura jseħħu ħwejjeġ kbar. Ejjew ngħiduha bis-saħħa: hieni min jemmen (ara Ġw 20:19) u għandu l-kuraġġ li joħloq il-laqgħa u l-komunjoni.

 

Marija li timxi u tiltaqa’ ma’ Eliżabetta tfakkarna fejn Alla ried jgħammar u jgħix, liema hu s-santwarju tiegħu u f’liema post nistgħu nisimgħu t-taħbita ta’ qalbu: f’nofs il-Poplu tiegħu. Hemm jgħammar, hemm jgħix, hemm hu qed jistenniena. Inħossuha qed issir lilna l-istedina tal-profeta biex ma nibżgħux, biex ma nħallux dirgħajna jaqgħu. Għax il-Mulej Alla tagħna jinsab f’nofsna, hu salvatur qawwi (ara Sof 3:16-17), jinsab qalb il-poplu tiegħu. Dan hu s-sigriet tan-Nisrani: Alla jinsab f’nofsna bħala salvatur qawwi. Din iċ-ċertezza, kif kienet għal Marija, tippermettilna ngħannu u ninfexxu fil-ferħ. Marija tifraħ, tifraħ għax hi qed iġġorr f’ġufha l-Għimmanu-El, l-Alla magħna. “Li nkunu Nsara hi grazzja fl-Ispirtu s-Santu” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 122). Mingħajr ferħ nibqgħu mwaħħlin, ilsiera tal-istess dwejjaq tagħna. Spiss il-problema tal-fidi mhix daqstant in-nuqqas ta’ mezzi u ta’ strutturi, ta’ kwantità, lanqas hi l-preżenza ta’ min ma jaċċettaniex; il-problema tal-fidi hi n-nuqqas ta’ ferħ. Il-fidi tibqa’ titlajja meta ngħadduha fid-diqa u fil-qtigħ il-qalb. Meta ngħixu bil-qtigħ il-qalb, magħluqin fina nfusna, inkunu nġibu l-fidi fix-xejn, għax minflok ma nħossuna wlied li għalihom Alla jagħmel ħwejjeġ kbar (ara v. 49), inkunu nċekknu kollox għall-qies tal-problemi tagħna u ninsew li m’aħniex iltiema; fid-diqa ninsew li m’aħniex iltiema, li f’nofsna għandna Missier, salvatur qawwi. Marija tiġi tgħinna għax, flok iċċekken, hi tfaħħar, jiġifieri “tkabbar” lill-Mulej, tfaħħar il-kobor tiegħu. Dan hu s-sigriet tal-ferħ. Marija, ċkejkna u umli, titlaq mill-kobor ta’ Alla u, minkejja l-problemi tagħha – li ma kinux ftit – hi tifraħ, għax f’kollox tafda fil-Mulej. Tfakkarna li Alla jista’ dejjem iwettaq ħwejjeġ tal-għaġeb jekk nibqgħu miftuħa għalih u għal ħutna. Naħsbu ftit fix-xhieda kbar ta’ dawn l-artijiet: persuni sempliċi, li ntelqu f’idejn Alla qalb tant persekuzzjonijiet. Ma qiegħdux it-tama tagħhom fid-dinja, imma fil-Mulej, u hekk baqgħu mexjin ’il quddiem. Nixtieq irrodd ħajr lil dawk ir-rebbieħa umli, lil dawn il-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna li juruna t-triq. Id-dmugħ tagħhom ma kienx għalxejn, imma sar talba li telgħet lejn is-Sema u saqqiet it-tama ta’ dan il-poplu.

 

Għeżież ħuti, Marija timxi, tiltaqa’ u tifraħ għax hi ġarret xi ħaġa wisq ikbar minna nfisha: ġarret barka. Bħalha aħna wkoll ma nibżgħux inwasslu l-barka li r-Rumanija għandha bżonn. Intom il-promuturi ta’ kultura tal-laqgħa li twarrab l-indifferenza, li twarrab il-firda u tippermetti lil din id-dar li tgħanni bil-qawwa kollha l-ħniena tal-Mulej.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard